28.2.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 54/21


DEĊIŻJONI TA' L-AWTORITÀ TAS-SORVELJANZA TA' L-EFTA

Nru 226/06/COL

tad-19 ta’ Lulju 2006

dwar il-mappa ta' żoni megħjuna u l-livelli ta' l-għajnuna (In-Norveġja)

L-AWTORITÀ TAS-SORVELJANZA TA’ L-EFTA (1),

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (2), u partikolarment l-Artikoli 61 sa 63 u l-Protokoll 26 tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim bejn l-Istati ta' l-EFTA dwar it-twaqqif ta' Awtorità ta' Sorveljanza u ta' Qorti tal-Ġustizzja (3) partikolarment l-Artikolu 24 tiegħu,

Wara li kkunsidrat l-Artikolu 1(3) fil-Parti I u l-Artikolu 4(3) fil-Parti II tal-Protokoll 3 għall-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti,

Wara li kkunsidrat il-Linji Gwida (4) dwar l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 61 u 62 tal-Ftehim taż-ŻEE, u partikolarment il-Kapitolu 25.B dwar “Għajnuna Reġjonali Nazzjonali 2007 – 2013” tiegħu,

Billi:

I.   IL-FATTI

1.   Il-Proċedura

B'ittra tat-12 ta' Ġunju 2006 mill-Ministeru Rjali ta' l-Amministrazzjoni tal-Gvern u r-Riforma, riċevuta u rreġistrata mill-Awtorità fit-12 ta' Ġunju 2006 (Avveniment Nru: 377954), l-awtoritajiet Norveġiżi nnotifikaw, skond l-Artikolu 1(3) fil-Parti I tal-Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, mappa ġdida ta' żoni megħjuna u livelli ta' għajnuna fin-Norveġja li għandhom ikunu applikabbli mill-1 ta' Jannar 2007 sal-31 ta' Diċembru 2013.

2.   Sfond

B'ittra tas-6 ta' April 2006 mill-Awtorità lill-Missjoni Norveġiża għall-Unjoni Ewropea (Avveniment Nru: 369211), l-awtoritajiet Norveġiżi ġew informati li l-Awtorità kienet adottat Linji Gwida ġodda dwar l-għajnuna nazzjonali reġjonali għall-2007 – 2013 fil-forma ta' Kapitolu ġdid 25.B tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat.

Barra minn dan, l-Awtorità pproponiet, taħt l-Artikolu 1(1) fil-Parti I tal-Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, li l-awtoritajiet Norveġiżi jaċċettaw il-miżuri xierqa stabbiliti fil-Kapitolu 25.B.8 tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat (5).

B'ittra ta' l-10 ta' Mejju 2006 mill-Missjoni tan-Norveġja għall-Unjoni Ewropea, riċevuta u rreġistrata mill-Awtorità fil-11 ta' Mejju 2006 (Avveniment Nru: 373737), l-awtoritajiet Norveġiżi aċċettaw il-miżuri xierqa proposti.

Il-Kapitolu ġdid 25.B tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat jistabbilixxi li l-għajnuna ta' investiment nazzjonali tista' tingħata għal aktar żvilupp ekonomiku ta' ċerti reġjuni żvantaġġjati. Biex l-Istati ta' l-EFTA jkunu jistgħu jagħtu din l-għajnuna, għandha tiġi nnotifikata u approvata mappa taż-żoni megħjuna mill-Awtorità.

Reġjuni b'densità baxxa tal-popolazzjoni, iddefiniti mill-bidu bħala NUTS livell III (6), ir-reġjuni b'inqas minn 12.5 abitanti għal kull kilometru kwadru, għandhom jikkwalifikaw biex ikunu inklużi fil-mappa. Madankollu, hija prevista ċerta flessibbiltà fid-definizzjoni taż-żoni megħjuna. Partijiet mir-reġjuni NUTS livell III jistgħu jikkwalifikaw ukoll jekk dawn il-partijiet ikollhom densità baxxa ta' popolazzjoni, jekk il-popolazzjoni ġenerali fiż-żoni megħjuna ma tiżdiedx b'riżultat ta' dan, u jekk dawn iż-żoni mhumiex kontigwi mar-reġjuni NUTS livell III li jissodisfaw it-test tad-densità baxxa tal-popolazzjoni.

3.   Deskrizzjoni tal-mappa proposta

3.1.   Metodoloġija u kopertura: unitajiet ġeografiċi

Fin-Norveġja, ir-reġjuni NUTS livell III jikkorrispondu għal provinċji u NUTS livell V għal muniċipalitajiet. Bħalissa n-Norveġja għandha 19-il provinċja u 431 muniċipalità (7).

In-Norveġja għandha disa' reġjuni NUTS livell III b'inqas minn 12.5 abitanti għal kull kilometru kwadru. Dawn huma l-provinċji li ġejjin: Finnmark, Troms, Nordland, Nord-Trøndelag, Sogn og Fjordane, Hedmark, Oppland, Telemark u Aust-Agder.

L-erba' reġjuni sħaħ NUTS livell III Finnmark, Troms, Nordland u Sogn og Fjordane huma proposti bħala eliġibbli għall-għajnuna reġjonali nazzjonali.

Ċerti partijiet biss mill-ħames provinċji l-oħra b'densità baxxa ta' popolazzjoni (Nord-Trøndelag, Hedmark, Oppland, Telemark u Aust-Agder) huma proposti biex jiġu inklużi fil-mappa.

L-awtoritajiet Norveġiżi jikkunsidraw li mappa ta' għajnuna reġjonali bbażata strettament fuq NUTS livell III ma tkunx tirrifletti s-sitwazzjoni reali fin-Norveġja rigward l-isfidi reġjonali relatati ma' densità baxxa tal-popolazzjoni, il-kondizzjonijiet klimatiċi u l-iżvantaġġi ekonomiċi. L-awtoritajiet Norveġiżi għalhekk ipproponew, fuq il-bażi tar-regoli ta' flessibbiltà, li jeskludu mill-ħames provinċji b'densità baxxa ta' popolazzjoni ċerti żoni li mhumiex ikkunsidrati li għandhom bżonn għajnuna reġjonali u biex jinkludu “żoni NUTS III” li jilħqu t-test tad-densità baxxa tal-popolazzjoni f'reġjuni NUTS III kontigwi b'densità tal-popolazzjoni iktar għolja. Dan jippermetti lill-awtoritajiet Norveġiżi li jeskludu muniċipalitajiet “b'saħħithom” fi provinċji li jissodisfaw id-densità baxxa ta' popolazzjoni u biex jiġu inklużi muniċipalitajiet “dgħajfa” fil-provinċji li ma jissodisfawx dan il-kriterju.

Żoni fi provinċji b'densità baxxa tal-popolazzjoni esklużi mill-mappa ta' għajnuna reġjonali

Tabella 1 hawn taħt turi ż-żoni li l-awtoritajiet Norveġiżi eskludew mir-reġjuni NUTS livell III li jissodisfaw it-test tad-densità baxxa tal-popolazzjoni.

Tabella 1

Provinċja

Muniċipalitajiet

Nord-Trøndelag

Stjørdal, Levanger

Aust-Agder

Iveland, Birkenes, Froland, Lillesand, Arendal, Grimstad

Telemark

Bamble, Siljan, Skien, Porsgrunn

Oppland

Gran, Lunner, Jevnaker, Vestre Toten, Østre Toten, Gjøvik, Lillehammer, Øyer

Hedmark

Elverum, Sør-Odal, Nord-Odal, Stange, Løten, Ringsaker, Hamar

Iż-żoni esklużi għandhom popolazzjoni totali ta' 445 006 abitanti.

Żoni fi provinċji b'densità għolja tal-popolazzjoni inklużi fil-mappa ta' għajnuna reġjonali

Tabella 2 hawn taħt turi ż-żoni fi provinċji b'iktar minn 12.5 abitanti għal kull kilometru kwadru li l-awtoritajiet Norveġiżi inkludew fil-mappa ta' għajnuna reġjonali fuq il-bażi tar-regoli ta' flessibbiltà.

Tabella 2

Provinċja

Muniċipalitajiet

Sør-Trøndelag

Tydal, Selbu, Midtre Gauldal, Holtålen, Røros, Meldal, Rennebu, Oppdal, Osen, Roan, Åfjord, Bjugn, Rissa, Agdenes, Ørland, Frøya, Hitra, Snillfjord, Hemne

Møre og Romsdal

Aure, Smøla, Halsa, Rindal, Surnadal, Sunndal, Tingvoll, Gjemnes, Averøy, Eide, Aukra, Sandøy, Midsund, Nesset, Rauma, Vestnes, Haram, Stordal, Stranda, Norddal, Ørsta, Volda, Herøy, Sande, Vanylven, Kristiansund, Frei

Hordaland

Masfjorden, Fedje, Modalen, Vaksdal, Austevoll, Samnanger, Kvam, Voss, Granvin, Ulvik, Eidfjord, Ullensvang, Odda, Jondal, Kvinnherad, Tysnes, Fitjar, Etne

Rogaland

Vindafjord, Utsira, Kvitsøy, Finnøy, Sauda, Suldal, Hjelmeland, Lund, Sokndal

Vest-Agder

Sirdal, Kvinesdal, Hægebostad, Audnedal, Åseral, Marnardal, Flekkefjord, Farsund

Buskerud

Nore og Uvdal, Rollag, Flesberg, Krødsherad, Sigdal, Hol, Ål, Hemsedal, Gol, Nes, Flå

Østfold

Rømskog, Marker, Aremark

Iż-żoni inklużi għandhom popolazzjoni totali ta' 374 739 abitant u medja ta' densità tal-popolazzjoni ta' 5.8 abitanti għal kull kilometru kwadru.

Tabella 3 tindika l-popolazzjoni u d-densità tal-popolazzjoni fir-reġjuni NUTS livell III kollha / żoni NUTS III proposti eliġibbli għall-għajnuna reġjonali.

Tabella 3

Reġjuni Nuts Livell III/Żoni Nuts Livell III

Popolazzjoni 2005

Densità tal-Popolazzjoni (/km2)

Østfold (*)

5 331

6,0

Hedmark (1)

71 875

3,2

Oppland (1)

70 611

3,3

Buskerud (*)

32 291

3,1

Telemark (1)

65 680

4,7

Aust-Agder (1)

25 826

3,8

Vest-Agder (*)

31 942

6,0

Rogaland (*)

29 510

6,2

Hordaland (*)

73 630

5,9

Sogn og Fjordane (2)

107 032

5,7

Møre og Romsdal (*)

132 586

9,9

Sør-Trøndelag (*)

68 480

4,1

Nord-Trøndelag (1)

90 881

4,4

Nordland (2)

236 825

6,2

Troms (2)

152 741

5,9

Finnmark (2)

73 074

1,5

Total

1 268 515

4,5

B'kollox, 286 muniċipalità huma proposti eliġibbli għall-għajnuna reġjonali nazzjonali, li jirrappreżentaw 1 268 515-il abitanti fl-1 ta' Jannar 2005 u li jikkorrispondu għal 27.5 % tal-popolazzjoni Norveġiża.

3.2   Limiti ta' l-għajnuna

L-awtoritajiet Norveġiżi qed jipproponu li ż-żoni kollha inklużi fil-mappa għandhom jibbenefikaw mill-intensitajiet massimi ta' l-għajnuna.

Tabella 4 turi l-intensitajiet ta' l-għajnuna nnotifikati.

Tabella 4

Żona ġeografika

Limitu ġenerali ta' l-għajnuna

(GGE) (**)

Żieda għall-Impriżi ta’ daqs medju (***)

(GGE)

Żieda għall-impriżi żgħar (GGE) Iż-żoni kollha eliġibbli (****)

Iż-żoni kollha eliġibbli

15  %

10  %

20  %

II.   APPREZZAMENT

1.   Formalitajiet ta' notifika

Il-Kapitolu 25.B.7 tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat (8) jiddikkjara li “r-reġjuni ta' Stat EFTA eliġibbli għal għajnuna ta' investiment reġjonali taħt id-derogi u l-limiti fuq l-intensità ta' l-għajnuna għal investiment inizjali approvat għal kull reġjun flimkien jiffurmaw mappa reġjonali ta' għajnuna ta' Stat EFTA”.

L-istabbiliment tal-mappa nnifisha ma tinvolvi ebda għajnuna diretta fl-ambitu tat-tifsira ta' l-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE. Madankollu, l-awtorizzazzjoni tal-mappa tistabbilixxi, flimkien mal-linji gwida dwar l-għajnuna reġjonali, il-qafas għall-għoti ta' l-għajnuna taħt l-iskemi ta' għajnuna reġjonali.

Billi aċċetta l-miżuri xierqa, il-Gvern Norveġiż aċċetta li jinnotifika, skond l-Artikolu 1(3) f'Parti I tal-Protokoll 3 għall-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, mappa reġjonali ta' għajnuna unika (9). In-notifika ddatata t-12 ta' Ġunju 2006 (Avveniment Nru: 377954) tikkostitwixxi notifika sħiħa. L-awtoritajiet Norveġiżi ssodisfaw l-obbligi tagħhom skond l-aċċettazzjoni tal-miżuri xierqa u l-Artikolu 1(3) f'Parti I tal-Protokoll 3 tal-Ftehim ta’ Sorveljanza u l-Qorti. B'konsegwenza ta' dan, skond il-Kapitolu 25B.7 (86), l-Awtorità għandha tivvaluta n-notifika skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 1(3) f'Parti I tal-Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti.

L-eżami tan-notifika ta' l-Awtorità huwa bbażat fuq il-kriterji stipulati fil-Kapitolu 25.B.3-4 tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat.

2.   Applikazzjoni tar-Regoli ta' l-Għajnuna mill-Istat rilevanti

2.1.   Metodoloġija u kopertura

Skond il-Kapitolu 25.B.3.3.2 tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat, l-awtoritajiet Norveġiżi pproponew metodu bbażat fuq żewġ unitajiet ġeografiċi sabiex jistabbilixxu r-reġjuni li jikkwalifikaw għal eżenzjonijiet taħt l-Artikolu 61(3)(c) tal-Ftehim taż-ŻEE.

Il-provinċji ta' Finnmark, Troms, Nordland u Sogn og Fjordane(provinċji b'densità baxxa tal-popolazzjoni nnotifikati fit-totalità tagħhom)

L-awtoritajiet Norveġiżi nnotifikaw il-provinċji ta' Finnmark, Troms, Nordland u Sogn og Fjordane fuq il-bażi tal-Kapitolu 25.B.3.3.2 (22) tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat li jiddikkjara:

“L-awtorità tikkunsidra li dawn ir-reġjuni jistgħu jkunu eliġibbli għall-għażla mill-Istati ta' l-EFTA kkonċernati għall-għoti ta' għajnuna ta' investiment reġjonali skond id-deroga taħt l-Artikolu 61(3)(c):

(a)

id-densità baxxa tal-popolazzjoni; tali żoni huma magħmula essenzjalment minn reġjuni ġeografiċi NUTS II b'densità tal-popolazzjoni ta' inqas minn 8 abitanti għal kull kilometru kwadru jew reġjuni ġeografiċi NUTS III fir-rigward tan-Norveġja (…) b'densità tal-popolazzjoni ta' inqas minn 12.5 abitanit għal kull kilometru kwadru”.

Finnmark għandha densità tal-popolazzjoni ta' 1.5 abitanti kull km2 (popolazzjoni totali ta' 73 074 abitant). Troms għandha densità tal-popolazzjoni ta' 5.9 abitanti kull km2 (popolazzjoni totali ta' 152 741 abitant). Nordland għandha densità tal-popolazzjoni ta' 6.2 abitanti kull km2 (popolazzjoni totali ta' 236 825 abitant). Sogn og Fjordane għandha densità tal-popolazzjoni ta' 5.7 abitanti kull km2 (popolazzjoni totali ta' 107 032 abitant).

Għalhekk l-Awtorità ssib li din il-parti tal-proposta tilħaq il-kriterji tal-Kapitolu 25.B.3.3.2.

Iż-żoni nnotifikati l-oħra

Il-paragrafu (22)(a) tal-Kapitolu 25.B.3.3.2 tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat ikompli:

“Madankollu, hija mogħtija ċerta flessibbiltà fl-għażla ta' dawn iż-żoni, suġġetti għal-limiti li ġejjin:

il-flessibbilità fl-għażla taż-żoni m’għandhiex tfisser żieda fil-popolazzjoni koperta;

il-partijiet NUTS III li jikkwalifikaw għall-flessibbiltà għandu jkollhom densità tal-popolazzjoni ta' inqas minn 12.5 abitanti għal kull kilometru kwadru;

għandhom ikunu kontigwi mar-reġjuni NUTS III li jissodisfaw it-test ta' densità baxxa tal-popolazzjoni.”.

Il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat jipprovdu espressament għall-possibbiltà li tintuża xi flessibbiltà fl-għażla taż-żoni eliġibbli għall-għajnuna reġjonali jekk jintlaħqu t-tliet kondizzjonijiet li ġejjin:

(i)

Flessibbilità fl-għażla taż-żoni m’għandhiex tfisser żieda fil-popolazzjoni koperta

L-Awtorità ssib li din il-kondizzjoni hija ssodisfata minħabba li ż-żoni esklużi mill-mappa fir-reġjuni b’densità baxxa tal-popolazzjoni, li mill-bidu jikkwalifikaw bħala tali, għandhom popolazzjoni ta’ 445 006 abitanti (ara tabella 1 hawn fuq). Iż-żoni inklużi fil-mappa bl-applikazzjoni tar-regoli ta’ flessibbiltà għandhom popolazzjoni ta’ 374 739 abitant kif indikat fit-test taħt it-tabella 2 hawn fuq.

(ii)

Il-partijiet NUTS III li jikkwalifikaw għall-flessibbiltà għandu jkollhom densità tal-popolazzjoni ta' inqas minn 12.5 abitanti għal kull kilometru kwadru

Il-partijiet NUTS livell III li jikkwalifikaw għall-flessibbiltà bid-densità tal-popolazzjoni rispettiva tagħhom huma dawn (10): Østfold (6.0 abitanti/km2), Buskerud (3.1 abitanti/km2), Vest-Agder (6.0 abitanti/km2), Rogaland (6.2 abitanti/km2), Hordaland (5.9 abitanti/km2), Møre og Romsdal (9.9 abitanti/km2) u Sør-Trøndelag (4.1 abitanti/km2).

L-Awtoritajiet isibu li l-kondizzjoni li l-partijiet NUTS III li jikkwalifikaw għall-flessibbiltà għandu jkollhom densità tal-popolazzjoni ta' inqas minn 12.5 abitanti għal kull kilometru kwadru hija ssodisfata.

(iii)

Il-partijiet NUTS III għandhom ikunu kontigwi mar-reġjuni NUTS III li jissodisfaw it-test ta' densità baxxa tal-popolazzjoni

Il-partijiet NUTS III li jikkwalifikaw għall-flessibbiltà (Østfold, Buskerud, Vest-Agder, Rogaland, Hordaland, Møre og Romsdal, Sør-Trøndelag) huma kontigwi mar-reġjuni NUTS III li jissodisfaw it-test tad-densità baxxa tal-popolazzjoni (Hedmark, Oppland, Telemark, Aust-Agder, Sogn og Fjordane, Nord- Trøndelag, Nordland, Troms u Finnmark) kif jidher fil-mappa ġeografika taż-żoni proposti għall-għajnuna reġjonali mehmuża fl-Anness 1 ma’ din id-Deċiżjoni (11).

B’hekk, il-muniċipalità ssib li din il-kondizzjoni hija ssodisfata.

Fl-aħħarnett, il-kopertura totali tal-popolazzjoni ta’ 27,5 % proposta bħala eliġibbli mill-awtoritajiet Norveġiżi ma taqbiżx il-limitu tal-popolazzjoni nazzjonali ta’ 28,08 % stipulat fil-Kapitolu 25.B.3.3.1 (12). L-Anness 2 ma’ din id-deċiżjoni juri l-muniċipalitajiet kollha proposti eliġibbli għall-għajnuna reġjonali mill-awtoritajiet Norveġiżi.

2.2   Limiti ta' l-għajnuna

L-awtoritajiet Norveġiżi pproponew limiti ta’ għajnuna massima ġenerali għaż-żoni kollha koperti mill-mappa ta’ l-għajnuna reġjonali ta’ 15 % GGE għall-impriżi l-kbar b’żieda ta’ 10 % għall-impriżi ta’ daqs medju u ta’ 20 % għall-impriżi z-zgħar.

Dan l-approċċ huwa skond it-termini tal-Kapitolu 25.B.4.1.2 tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat (13) li jipprovdi: “Ir-reġjuni b’densità baxxa tal-popolazzjoni (li jikkorrispondu ma’ NUTS livell III jew iżgħar) u r-reġjuni jew il-partijiet NUTS-III li jaqsmu fruntiera ta’ l-art ma’ pajjiż li mhux Stat Membru taż-Żona Ekonomika Ewropea jew ta’ l-EFTA, huma dejjem eliġibbli għal intensità ta’ l-għajnuna ta’ 15 % GGE”.

Il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat (14) jipprovdu wkoll li “fil-każ ta’ għajnuna mogħtija lil impriżi ta’ daqs żgħir u medju, il-limiti fis-Sezzjoni 25.B.4.1.2 (ara paragrafu (37) hawn fuq), jistgħu jiżdiedu b’20 % GGE għall-għajnuna mogħtija lill-impriżi żgħar u b’10 % GGE għall-għajnuna lill-impriżi ta’ daqs medju”.

Għalhekk, l-Awtorità tikkonkludi li l-intensitajiet massimi ta’ l-għajnuna ta’ investiment reġjonali, kif propost mill-awtoritajiet Norveġiżi, huma skond il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat.

3.   Ambitu tad-deċiżjoni u kumulazzjoni ta’ l-għajnuna

Il-mappa tar-reġjuni megħjuna fil-prinċipju tapplika mill-1 ta’ Jannar 2007 sal-31 ta’ Diċembru 2013. Madankollu, din tista’, kif ipprovdut fil-Kapitolu 25.B.7 tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat (15), tkun suġġett għal eżami f’nofs il-mandat fl-2010.

Id-deċiżjoni ma tillimitax il-poteri ta’ l-Awtorità biex teżamina l-mappa skond l-Artikolu 1(1) f’Parti I tal-Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti jekk ikun neċessarju qabel it-tmiem tal-perjodu msemmi hawn fuq.

L-awtoritajiet Norveġiżi huma mfakkra li meta japplikaw l-iskemi ta’ l-għajnuna reġjonali għall-bini tal-vapuri, il-limitu ta’ l-għajnuna ta’ 12,5 % għar-reġjuni ta’ l-“Artikolu 61(3)(c)” ma jistax jinqabeż, skond il-Kapitolu 24.B.3.3.6 tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat (16) b’rabta mal-Kapitolu 24.B tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat.

Il-limiti ta’ l-għajnuna proposti huma kumulattivi, jiġifieri jirreferu għal-limitu superjuri għall-għajnuna ta’ l-investiment reġjonali mis-sorsi pubbliċi kollha mogħtija lil proġett ta’ investiment partikolari.

Barra dan, l-għajnuna għall-investiment reġjonali m’għandhiex tiġi kumulata b’appoġġ de minimis ta’ l-istess spejjeż eliġibbli biex jiġu evitati l-intensitajiet massimi ta’ l-għajnuna stipulati fil-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat.

Kwalunkwe skema ta’ l-għajnuna reġjonali li mhix is-suġġett ta’ eżenzjoni ta’ kategorija u li tidħol fis-seħħ wara l-31 ta’ Diċembru 2006 għandha tiġi nnotifikata lill-Awtorità skond l-Artikolu 1(3) fil-Parti I ta’ Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti.

Barra dan, l-awtoritajiet Norveġiżi għandhom iżommu f’moħħhom li, skond il-Kapitolu 25.B.8 tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat, kwalunkwe skema ta’ l-għajnuna li tinkludi għajnuna għall-investiment li għandha tingħata wara l-31 ta’ Diċembru 2006 għandha, jekk ma tkunx is-suġġett ta’ eżenzjoni ta’ kategorija, tiġi emendata kif meħtieġ u nnotifikata lill-Awtorità skond l-Artikolu 1(3) fil-Parti I tal-Protokoll 3 għall-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti.

4.   Konklużjonijiet

Il-mappa nnotifikata taż-żoni megħjuna tirrifletti r-rekwiżiti stipulati fil-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat. L-Awtorità tista’ tapprova l-mappa tar-reġjuni eliġibbli għall-għajnuna taħt l-Artikolu 61(3)(c) tal-Ftehim taż-ŻEE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Awtorità ddeċidiet li tapprova l-proposta għal mappa ta’ żoni megħjuna u l-intensitajiet massimi ta’ l-għajnuna fin-Norveġja kif innotifikat lill-Awtorità b’ittra datata t-12 ta’ Ġunju 2006. L-Anness 1 għal din id-deċiżjoni, li turi l-mappa ta’ għajnuna reġjonali tan-Norveġja għall-2007 sa l-2013, jifforma parti sħiħa mill-Kapitolu 25.B tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat. L-Anness 2 għal din id-deċiżjoni jelenka l-muniċipalitajiet kollha eliġibbli għall-għajnuna reġjonali.

Artikolu 2

Bla ħsara għall-Artikolu 1(1) f’Parti I tal-Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, il-mappa taż-żoni eliġibbli għall-għajnuna ta’ investiment reġjonali għandha tkun applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2007 sal-31 ta’ Diċembru 2013.

Artikolu 3

Din id-deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tan-Norveġja.

Artikolu 4

Il-verżjoni bl-Ingliż biss hi awtentika.

Magħmul fi Brussell, 19 ta’ Lulju 2006.

Għall-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-EFTA

Bjørn T. GRYDELAND

President

Kristján Andri STEFÁNSSON

Membru tal-Kulleġġ


(1)  Minn hawn 'il quddiem l-Awtorità.

(2)  Minn hawn 'il quddiem imsejjaħ il-Ftehim taż-ŻEE

(3)  Minn hawn 'il quddiem imsejjaħ il-Ftehim dwar il-Sorveljanza u l-Qorti.

(4)  Linji Gwida dwar l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 61 u 62 tal-Ftehim taż-ŻEE u l-Artikolu 1 tal-Protokoll 3 mal-Ftehim tas-Sorveljanza u l-Qorti, adottati u maħruġa mill-Awtorità tas-Sorveljanza ta' l-EFTA fid-19 ta' Jannar 1994, ippubblikati fil-ĠU 1994 L 231, is-Supplimenti taż-ŻEE 3.9.1994 Nru 32. Id-Direttivi ġew emendati l-aħħar fid-9 ta’ April 2006. Minn issa il quddiem imsejħin “Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat” Il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat huma disponibbli fuq: http://www.eftasurv.int/fieldsofwork/fieldstateaid/guidelines/

(5)  Paragrafu (92).

(6)  Kif definiti fi “Reġjuni statistiċi fil-pajjiżi ta' l-EFTA u fil-pajjiżi kandidati”, edizjoni 2001 mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u l-Uffiċċju ta' l-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej.

(7)  Id-data dwar il-popolazzjoni minn issa 'l quddiem hija dik ta' l-1 ta' Jannar 2005.

(*)  Iż-żoni NUTS livell III proposti eliġibbli bl-applikazzjoni tar-regoli ta' flessibbiltà (ara t-tabella 2 fuq).

(1)  

(°)

Il-provinċji b'densità baxxa tal-popolazzjoni mhumiex innotifikati kollha. Iċ-ċifri jirrappreżentaw il-partijiet innotifikati.

(2)  

(')

Il-provinċji b'densità baxxa tal-popolazzjoni nnotifikati kollha.

(**)  ekwivalenza grossa ta' l-għajnuna (Gross Grant Equivalent)

(***)  Anness 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 364/2004 tal-25 ta' Frar 2004 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 70/2001, ĠU L 63, 28.2.2004, p. 22 inkorporat fil-Ftehim taż-ŻEE permezz ta' l-Anness XV punt 1f) bid-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 131/2004 tal-24.9.2004 (ĠU L 64, 10.3.2005, p. 67 u s-suppliment taż-ŻEE Nru 12, p. 42), jew kwalunkwe Regolament sussegwenti.

(****)  Ara n-nota f'qiegħ il-paġna 7.

(8)  Paragrafu (81).

(9)  Paragrafu (85).

(10)  Ara tabella 3 fuq.

(11)  Il-muniċipalitajiet ta’ Aremark, Rømskog u Marker (li jinsabu fir-reġjun NUTS livell III ta’ Østfold) anke jekk mhux strettament kontigwi mal-bqija tal-mappa taż-żoni assistiti ġew inklużi minħabba li d-distanza bejn dawn il-muniċipalitajiet u r-reġjun NUTS livell III ta’ Hedmark hija inqas minn 10 kilometri u minħabba li d-densità tal-popolazzjoni f’dawn il-muniċipalitajiet hija baxxa ħafna (medja ta’ 6 abitanti /km2). Il-popolazzjoni totali f’dawn il-muniċipalitajiet hija ta’ 5 331. %

(12)  Paragrafu (21).

(13)  Paragrafu (37).

(14)  Paragrafu (38).

(15)  Paragrafu (89).

(16)  Paragrafu (26(c)).


ANNESS I

Mappa ta’ l-għajnuna reġjonali fin-Norveġja 2007-2013

Kopertura demografika : 27,5 %

Image

ANNESS II

Lista tal-muniċipalitajiet proposti bħala eliġibbli għall-għajnuna nazzjonali reġjonali mill-awtoritajiet Norveġiżi

It-tabella hawn taħt turi l-muniċipalitajiet kollha proposti eliġibbli għall-għajnuna reġjonali mill-awtoritajiet Norveġiżi:

Provinċja

Muniċipalitajiet

Finnmark

Sør-Varanger, Båtsfjord, Unjárga-Nesseby, Deatnu-Tana, Berlevåg, Gamvik, Lebesby, Kárásjohka-Karasjok, Porsanger, Nordkapp, Måsøy, Kvalsund, Hasvik, Loppa, Alta, Guovdageaidnu-Kautokeino, Hammerfest, Vadsø, Vardø

Troms

Kvænangen, Nordreisa, Skjervøy, Gáivuotna-Kåfjord, Storfjord, Lyngen, Karlsøy, Balsfjord, Lenvik, Berg, Torsken, Tranøy, Dyrøy, Sørreisa, Målselv, Salangen, Bardu, Lavangen, Gratangen, Ibestad, Bjarkøy, Skånland, Kvæfjord, Tromsø, Harstad

Nordland

Moskenes, Andøy, Sortland, Øksnes, Bø, Hadsel, Vågan, Vestvågøy, Flakstad, Værøy, Røst, Ballangen, Evenes, Tjeldsund, Lødingen, Tysfjord, Hamarøy, Steigen, Sørfold, Fauske, Saltdal, Beiarn, Gildeskål, Meløy, Rødøy, Træna, Lurøy, Rana, Hemnes, Nesna, Dønna, Hattfjelldal, Grane, Vesfn, Leirfjord, Alstahaug, Herøy, Vevelstad, Vega, Brønnøy, Sømna, Bindal, Narvik, Bodø

Nord-Trøndelag

Leka, Nærøy, Vikna, Flatanger, Fosnes, Overhalla, Høylandet, Grong, Namsskogan, Røyrvik, Lierne, Snåsa, Inderøy, Namdalseid, Verran, Mosvik, Verdal, Leksvik, Frosta, Meråker, Namsos, Steinkjer

Sør-Trøndelag

Tydal, Selbu, Midtre Gauldal, Holtålen, Røros, Meldal, Rennebu, Oppdal, Osen, Roan, Åfjord, Bjugn, Rissa, Agdenes, Ørland, Frøya, Hitra, Snillfjord, Hemne

Møre og Romsdal

Aure, Smøla, Halsa, Rindal, Surnadal, Sunndal, Tingvoll, Gjemnes, Averøy, Eide, Aukra, Sandøy, Midsund, Nesset, Rauma, Vestnes, Haram, Stordal, Stranda, Norddal, Ørsta, Volda, Herøy, Sande, Vanylven, Kristiansund, Frei

Sogn og Fjordane

Flora, Gulen, Solund, Hyllestad, Høyanger, Vik, Balestrand, Leikanger, Sogndal, Aurland, Lærdal, Årdal, Luster, Askvoll, Fjaler, Gaular, Jølster, Førde, Naustdal, Bremanger, Vågsøy, Selje, Eid, Hornindal, Gloppen, Stryn

Hordaland

Masfjorden, Fedje, Modalen, Vaksdal, Austevoll, Samnanger, Kvam, Voss, Granvin, Ulvik, Eidfjord, Ullensvang, Odda, Jondal, Kvinnherad, Tysnes, Fitjar, Etne

Rogaland

Vindafjord, Utsira, Kvitsøy, Finnøy, Sauda, Suldal, Hjemeland, Lund, Sokndal

Vest-Agder

Sirdal, Kvinesdal, Hægebostad, Audnedal, Åseral, Marnadal, Flekkefjord, Farsund

Aust-Agder

Risør, Gjerstad, Vegårshei, Tvedestrand, Åmli, Evje og Hornnes, Bygland, Valle, Bykle

Telemark

Notodden, Kragerø, Drangedal, Nome, Bø, Sauherad, Tinn, Hjartdal, Seljord, Kviteseid, Nissedal, Fyresdal, Tokke, Vinje

Buskerud

Nore og Uvdal, Rollag, Flesberg, Krødsherad, Sigdal, Hol, Ål, Hemsedal, Gol, Nes, Flå

Oppland

Dovre, Lesja, Sjåk, Lom, Vågå, Nord-Fron, Sel, Sør-Fron, Ringebu, Gausdal, Søndre Land, Nordre Land, Sør-Aurdal, Etnedal, Nord-Aurdal, Vestre Slidre, Øystre Slidre, Vang

Hedmark

Kongsvinger, Eidskog, Grue, Åsnes, Våler, Trysil, Åmot, Stor-Elvdal, Rendalen, Engerdal, Tolga, Tynset, Alvdal, Folldal, Os

Østfold

Rømskog, Marker, Aremark