12.12.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

160


DEĊIŻJONI TA’ L-AWTORITÀ TA’ SORVELJANZA TA’ L-EFTA

(Nru 22/04/COL)

tal-25 ta’ Frar 2004

dwar notifika ta’ skema ġdida ta’ għajnuna diretta għat-trasport (in-Norveġja)

L-AWTORITÀ TA’ SORVELJANZA TA’ L-EFTA,

WARA LI KKUNSIDRAT il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (1), b’mod partikulari l-Artikoli 61 sa 63 u l-Protokoll 26 tiegħu,

WARA LI KKUNSIDRAT il-Ftehim bejn l-Istati ta’ l-EFTA dwar it-twaqqif ta’ l-Awtorità ta’ Sorveljanza u l-Qorti tal-Ġustizzja (2), b’mod partikulari l-Artikolu 24 u l-Protokoll 3 tiegħu,

WARA LI KKUNSIDRAT il-Linji ta’ Gwida ta’ l-Awtorità (3) dwar l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 61 u 62 tal-Ftehim taż-ŻEE,

WARA LI SEJĦET lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom skond id-dispożizzjonijiet ċitati hawn fuq (4),

BILLI:

I.   FATTI

1.   Daħla

B’ittra mingħand il-Missjoni tan-Norveġja lill-Unjoni Ewropea li ġġib id-data tas-26 ta’ Marzu, 2003 (Nru tad-Dok.:03-1846 A), li wasslet ittra oħra mill-Ministeru tal-Kummerċ u l-Industrija li ġġib id-data tal-25 ta’ Marzu, 2003, ittra mill-Ministeru tal-Finanzi li ġġib id-data tal-25 ta’ Marzu, 2003 u ittra mill-Ministeru tal-Gvern Lokali u l-Iżvilupp Reġjonali li ġġib id-data tal-25 ta’ Marzu, 2003, kollha riċevuti u rreġistrati mill-Awtorità fis-26 ta’ Marzu, 2003, l-awtoritajiet Norveġiżi nnotifikaw perijodu ta’ tranżizzjoni għall-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali mħallsa b’mod differenzjat skond ir-reġjun u skema ġdida ta’ għajnuna diretta għat-trasport.

B’ittra li ġġib id-data tas-16 ta’ Mejju, 2003 (Nru tad-Dok 03-2951 D), l-Awtorità irrikonoxxiet il-wasla ta’ l-ittri msemmija hawn fuq u talbet aktar informazzjoni.

B’ittra mingħand il-Missjoni tan-Norveġja lill-Unjoni Ewropea li ġġib id-data ta’ l-10 ta’ Ġunju, 2003 (Nru tad-Dok. 03-3707 A), li wasslet ittra oħra mill-Ministeru tal-Finanzi li ġġib id-data tal-5 ta’ Ġunju, 2003, it-tnejn riċevuti u rreġistrati mill-Awtorità fil-11 ta' Ġunju, 2003, l-awtoritajiet tan-Norveġja ssottomettew aktar informazzjoni.

B’ittra mingħand il-Missjoni tan-Norveġja lill-Unjoni Ewropea li ġġib id-data tad-19 ta’ Ġunju, 2003 (Nru tad-Dok. 03-3976 A), li wasslet ittra oħra mill-Ministeru tal-Kummerċ u l-Industrija li ġġib id-data ta’ l-10 ta’ Ġunju, 2003, it-tnejn riċevuti u rreġistrati mill-Awtorità fl-20 ta' Ġunju, 2003, l-awtoritajiet Norveġiżi ssottomettew stħarriġ li jiddokumenta spejjeż addizzjonali tat-trasport (5).

B’ittra li ġġib id-data tas-16 ta’ Lulju 2003 (Nru tad-Dok.: 03-4598 D), l-Awtorità infurmat lill-awtoritajiet Norveġiżi dwar id-deċiżjoni tagħha biex tagħti bidu għall-proċedura stipulata fl-Artikolu 1(2) fil-Parti I tal-Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, għal dak li għandu x’jaqsam ma’ għajnuna mill-Istat f’forma ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali mħallsa b’mod differenzjat skond ir-reġjun u għajnuna diretta għat-trasport (minn hawn ’il quddiem “id-deċiżjoni biex tinbeda investigazzjoni”).

Id-deċiżjoni biex tinbeda investigazzjoni kienet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea (6). L-Awtorità stiednet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-iskemi ta' għajnuna konċernati.

Ir-reazzjoni uffiċjali ta’ l-awtoritajiet Norveġiżi għad-deċiżjoni biex tinbeda investigazzjoni, waslet b’fax mill-Ministeru tal-Kummerċ u l-Industrija li ġġib id-data tas-17 ta’ Settembru, 2003, li wasslet ittra mill-Ministeru tal-Finanzi li ġġib id-data tas-17 ta' Settembru, 2003 (Nru tad-Dok.: 03-6381 A). L-ittra mill-Ministeru tal-Finanzi li ġġib id-data tas-17 ta' Settembru 2003 kienet ukoll imwassla minn ittra mingħand il-Missjoni tan-Norveġja li ġġib id-data tat-18 ta’ Settembru, 2003, riċevuta u rreġistrata mill-Awtorità fid-19 ta’ Settembru 2003 (Nru tad-Dok.: 03-6451 A). L-ittra mill-Ministeru tal-Finanzi kien fiha fost l-oħrajn verżjoni estiża ta’ l-istħarriġ dwar l-ispejjeż addizzjonali tat-trasport li kien intbagħat lill-Awtorità b’ittra li ġġib id-data tad-19 ta’ Ġunju, 2003.

L-Awtorità rċeviet osservazzjonijiet mingħand għaxar partijiet interessati dwar id-deċiżjoni biex tinbeda investigazzjoni.

B’ittri li jġibu d-dati tas-16 ta’ Ottubru, 2003 (Nru tad-Dok.: 03-7071 D) u s-17 ta’ Ottubru 2003 (Nru tad-Dok.: 03-7135), rispettivament, l-Awtorità ssottomettiet l-osservazzjonijiet mingħand terzi lill-awtoritajiet Norveġiżi.

B’fax li ġġib id-data tal-21 ta’ Ottubru, 2003, il-Ministeru tal-Kummerċ u l-Industrija bagħat tweġiba li ġġib id-data tal-21 ta’ Ottubru 2003 mill-Ministeru tal-Finanzi (Nru tad-Dok.: 03-7243 A) dwar l-osservazzjonijiet ta’ partijiet terzi. B’ittra mingħand il-Missjoni tan-Norveġja li ġġib id-data tat-23 ta’ Ottubru 2003, riċevuta u rreġistrata mill-Awtorità fl-24 ta' Ottubru 2003 (Nru tad-Dok.: 03-7360 A), l-ittra mill-Ministeru tal-Finanzi twasslet ukoll lill-Awtorità.

B’ittra mingħand il-Missjoni Norveġiża lill-Unjoni Ewropea li ġġib id-data tat-22 ta’ Ottubru, 2003, li wasslet ittra oħra mill-Ministeru tal-Gvern Lokali u l-Iżvilupp Reġjonali li ġġib id-data ta’ l-20 ta’ Ottubru, 2003, it-tnejn riċevuti u rreġistrati mill-Awtorità fl-24 ta’ Ottubru, 2003 (Nru tad-Dok.:03-7362 A), l-awtoritajiet Norveġiżi nnotifikaw estensjoni fiż-żona ġeografika eliġibbli għal għajnuna diretta għat-trasport li kienet innotifikata b’ittra li ġġib id-data tal-25 ta’ Marzu, 2003.

B’ittra li ġġib id-data tad-19 ta’ Diċembru, 2003 (Nru tad-Dok.: 03-8952 D), l-Awtorità talbet aktar tagħrif u kjarifika, b’mod partikulari dwar ir-regoli ta’ kumulazzjoni li jidhru fl-iskema nnotifikata.

B’fax li ġġib id-data tal-21 ta’ Jannar, 2004, il-Ministeru tal-Kummerċ u l-Industrija għadda ittra li ġġib l-istess data mill-Ministeru tal-Gvern Lokali u l-Iżvilupp Reġjonali (Nru ta’ l-Avveniment:187224) li kien fiha aktar informazzjoni. B’ittra mingħand il-Missjoni tan-Norveġja lill-Unjoni Ewropea li ġġib id-data tat-23 ta’ Jannar 2004, riċevuta u rreġistrata fis-26 ta’ Jannar 2004 (Nru ta’ l-Avveniment: 188041), l-istess ittra kienet mgħoddija lill-Awtorità.

B’fax li ġġib id-data tad-9 ta’ Frar, 2004, il-Ministeru tal-Kummerċ u l-Industrija għadda ittra li ġġib l-istess data mill-Ministeru tal-Gvern Lokali u l-Iżvilupp Reġjonali (Nru ta’ l-Avveniment: 189794). B’ittra mingħand il-Missjoni tan-Norveġja lill-Unjoni Ewropea li ġġib id-data tal-11 ta’ Frar, 2004, riċevuta u rreġistrata fit-12 ta’ Frar 2004 (Nru ta’ l-Avveniment: 191138), l-istess ittra kienet mgħoddija lill-Awtorità. L-ittra li ġġib id-data tad-9 ta’ Frar mingħand il-Gvern Lokali u l-Iżvilupp Reġjonali kien fiha tibdil żgħir dwar l-amministrazzjoni ta’ l-iskema.

In-notifika li ġġib id-data tal-25 ta’ Marzu, 2003 u d-deċiżjoni biex tinbeda l-investigazzjoni msemmija hawn fuq, kienet dwar perijodu ta’ tranżizzjoni ta’ tliet snin, bejn l-2004 u l-2007, għall-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali mħallsa b’mod differenzjat skond ir-reġjun, u l-introduzzjoni ta’ skema ġdida ta’ għajnuna diretta għat-trasport. Fit-12 ta’ Novembru 2003, l-Awtorità ddeċidiet, b’deċiżjoni pożittiva, li ttemm l-investigazzjoni dwar il-perijodu ta’ tranżizzjoni ta’ tliet snin għall-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali mħallsa b’mod differenzjat skond ir-reġjun (Nru tad-Deċ.: 218/03/COL) (7)

Għalhekk, id-deċiżjoni preżenti titratta żewġ aspetti ta’ l-iskema ta’ għajnuna diretta għat-trasport. L-ewwel, in-notifika li ġġib id-data tal-25 ta’ Marzu, 2003 u d-deċiżjoni li ttieħdet wara biex tinbeda investigazzjoni. It-tieni, in-notifika l-oħra li ġġib id-data tat-22 ta’ Ottubru 2003 li hija dwar estensjoni ġeografika ta’ l-iskema.

2.   Deskrizzjoni ta’ l-iskema ta’ għajnuna nnotifikata fil-25 ta’ Marzu, 2003

2.1   L-għan ta’ l-iskema

L-awtoritajiet Norveġiżi jagħmluha ċara li spejjeż barranin tat-trasport huma wieħed mill-iżvantaġġi permanenti jew mill-ostakoli relatati ma’ l-ispejjeż minħabba d-distanzi għad-ditti li joperaw f’żoni periferiċi u reġjuni b’popolazzjonijiet żgħar imqabbla ma’ ditti li joperaw f’żoni ċentrali. Skond l-awtoritajiet Norveġiżi, l-għan ta’ l-iskema l-ġdida huwa li b’hekk tikkompensa b’mod parzjali għall-iżvantaġġi kompetittivi li l-intrapriżi li joperaw ’il bogħod ħafna mis-swieq tagħhom ibatu minħabba l-spejjeż addizzjonali tat-trasport.

2.2   Żona ġeografika proposta bħala eliġibbli

Dawn il-kontej/muniċipalitajiet li ġejjin kienu proposti bħala eliġibbli għal għajnuna nazzjonali diretta għat-trasport:

Troms: Harstad, Tromsø, Kvæfjord, Skånland, Bjarkøy, Ibestad, Gratangen, Lavangen, Bardu, Salangen, Målselv, Sørreisa, Dyrøy, Tranøy, Torsken, Berg, Lenvik u Balsfjord,

Nordland: il-muniċipalitajiet kollha,

Nord-Trøndelag: Leka, Nærøy, Vikna, Flatanger, Fosnes, Overhalla, Høylandet, Grong, Namsos, Namsskogan, Røyrvik, Lierne, Snåsa, Inderøy, Namdalseid, Verran, Mosvik, Verdal, Leksvik, Meråker u Steinkjer.

Sør-Trøndelag: Hemne, Snillfjord, Hitra, Frøya, Ørland, Agdenes, Rissa, Bjugn, Åfjord, Roan, Osen, Oppdal, Rennebu, Meldal, Røros, Holtålen, Midtre Gauldal, Selbu u Tydal.

Møre og Romsdal: Kristiansund, Vanylven, Sande, Herøy, Ulstein, Hareid, Norddal, Stranda, Stordal, Rauma, Nesset, Midsund, Sandøy, Aukra, Eide, Averøy, Frei, Gjemnes, Tingvoll, Sunndal, Surnadal, Rindal, Aure, Halsa, Tustna u Smøla.

Sogn og Fjordane: Gulen, Solund, Hyllestad, Høyanger, Vik, Balestrand, Leikanger, Sogndal, Aurland, Lærdal, Årdal, Luster, Askvoll, Fjaler, Gaular, Jølster, Bremanger, Vågsøy, Selje, Eid, Hornindal, Gloppen u Stryn.

Iż-żoni proposti bħala eliġibbli għal għajnuna diretta għat-trasport jinsabu fiż-żona eliġibbli għal għajnuna reġjonali, approvata mill-Awtorità fis-17 ta’ Diċembru, 1999 (327/99/COL), ħlief għall-muniċipalitajiet Herøy (8 374 abitant), Ulstein (6 664 abitant), Hareid (4 780 abitant) u Aukra (3 026 abitant) fil-kontea ta’ Møre og Romsdal. Iż-żona eliġibbli għal għajnuna reġjonali fin-Norveġja tkopri 25.2 % tal-popolazzjoni totali (8), filwaqt li ż-żona proposta għall-iskema l-ġdida ta’ għajnuna diretta għat-trasport, kif innotifikata fil-25 ta’ Ottubru 2003, tkopri 16.0 % tal-popolazzjoni totali (721 079 abitant).

L-awtoritajiet Norveġiżi jiddikjaraw li l-indikazzjoni taż-żona eliġibbli għal għajnuna reġjonali għat-trasport hija bbażata fuq l-Anness XI tal-Linji ta’ Gwida għall-għajnuna mill-Istat, li jistabbilixxi kriterji għall-għoti ta' għajnuna biex tikkompensa għall-ispejjeż addizzjonali tat-trasport f’żoni li għandhom densità baxxa tal-popolazzjoni, jiġifieri reġjuni b’anqas minn 12.5 abitant għal kull kilometru kwadru.

Il-kontej Troms, Nordland, Nord-Trøndelag u Sogn og Fjordane għandhom densità ta' popolazzjoni anqas minn 12.5 abitant għal kull kilometru kwadru.

Il-kontej Sør-Trøndelag u Møre og Romsdal ma għandhomx densità ta' popolazzjoni baxxa, imma l-partijiet ta' dawn il-kontej li huma proposti bħala eliġibbli għal għajnuna diretta għat-trasport għandhom densità ta’ popolazzjoni baxxa (4.1 u 9.6 abitant għal kull kilometru kwadru, rispettivament). Il-popolazzjoni totali tal-muniċipalitajiet fiż-żewġ kontej li huma inklużi fiż-żona proposta hija 179 792.

Fin-notifika tagħhom, l-awtoritajiet Norveġiżi jiddikjaraw li l-popolazzjoni koperta mill-iskema eżistenti ta’ għajnuna indiretta għat-trasport (l-iskema ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali mħallsa b’mod iddifferenzjat skond il-ġeografija) hija 23.55 % mqabbla ma’ kopertura ta’ popolazzjoni ta’ 16.01 % fiż-żona proposta l-ġdida, u li dan huwa skond l-ewwel kondizzjoni fil-ħames inċiż ta’ l-Anness XI (ara l-Artikolu II.3.1 hawn taħt) tal-Linji ta’ Gwida għall-għajnuna mill-Istat għal għajnuna reġjonali nazzjonali.

2.3   Kalkolu ta’ l-għajnuna reġjonali diretta għat-trasport

Skond in-notifika, l-għajnuna tista’ tingħata biss għal spejjeż addizzjonali għal trasport ta' oġġetti fit-territorju nazzjonali, ikkalkulata fuq il-bażi tal-mezz ta' trasport l-aktar dirett u ekonomiku bejn il-lok tal-produzzjoni u l-ipproċessar, u l-eqreb post kummerċjali mnejn jinbiegħ il-prodott. Meta t-trasport ta' l-oġġetti jkun lejn destinazzjonijiet fl-Iżvezja u l-Finlandja, il-kalkolu tad-distanza totali tat-trasport ikun jinkludi wkoll id-distanzi fl-Iżveżja u l-Finlandja. Madankollu, l-għajnuna tingħata biss għall-ispejjeż tat-trasport minfuqa ’l ġewwa mill-konfini nazzjonali.

Dawk l-ispejjeż tat-trasport dokumentati biss jistgħu jiffurmaw bażi għall-kalkolu ta’ l-għajnuna. L-għajnuna għat-trasport hija kkalkulata bħala persentaġġ ta’ l-ispejjeż totali tat-trasport. L-ispejjeż tat-trasport għandhom ikunu speċifikati fuq nota ta’ kunsinna jew dokument ekwivalenti għar-reġistrazzjoni tad-distanza tat-trasport li jkun sar ’il ġewwa mill-konfini nazzjonali, il-piż ta’ l-oġġetti u t-tip ta’ l-oġġetti u l-ħlasijiet għat-trasport tal-merkanzija u ħlasijiet oħra li jistgħu jkunu attribwiti lit-trasport attwali li jkun sar. Jingħata kumpens fuq il-bażi ta’ applikazzjonijiet magħmula mid-ditti, sena wara li jkunu saru l-ispejjeż tat-trasport.

L-intensità ta’ l-għajnuna tkun iddifferenzjata skond żewġ żoni ġeografiċi tat-trasport u skond id-distanza tat-trasport (minimu ta’ 350 km). L-ogħla prijorità għall-intensità ta’ l-għajnuna tingħata lil Troms, Nordland and Nord-Trøndelag (żona 1) filwaqt li Sør-Trøndelag, Møre og Romsdal u Sogn og Fjordane (żona 2) jaqgħu taħt intensità ta’ għajnuna aktar baxxa. Fit-Tabella 1 ta’ hawn taħt tidher id-differenzazzjoni fl-intensitajiet ta' l-għajnuna.

Tabella 1

Intensità ta’ l-għajnuna

(f' %)

Distanzi ta’ trasport f’kilometri

Żona 1

Żona 2

350-700

30 fil-mija

20 fil-mija

701 -

40 fil-mija

30 fil-mija

2.4   Dokumentazzjoni ta’ spejjeż addizzjonali tat-trasport

B’ittra li ġġib id-data ta’ l-10 ta’ Ġunju, 2003, il-Ministeru tal-Kummerċ u l-Industrija ssottometta stħarriġ magħmul mill-Istitut ta’ l-Ekonomija tat-Trasport (TØI) (9) dwar l-ispejjeż barranin tat-trasport fiż-żona proposta għal għajnuna għat-trasport. L-isħarriġ jissejjes fuq intervisti ma’ 33 impriża mqassma f'6 kampjuni (żoni ġeografiċi). It-33 impriża ntgħażlu mir-Reġistru Ċentrali ta’ l-Istabbilimenti u l-Impriżi (CRE) fiċ-Ċentru Norveġiż ta’ l-Istatistika (10) bil-metodu ta' l-istatistika tal-kampjunatura każwali. Il-konklużjoni tat-TØI hija li l-kampjun 1 (it-tliet kontej l-aktar fit-tramuntana (Troms, Nordland u Nord-Trøndelag)) u l-kampjun 2 (il-kontej fin-Norveġja tal-punent (Sør-Trøndelag, Møre og Romsdal u Sogn og Fjordane)) għandhom medja ta’ spejjeż tat-trasport għal kull sena ta’ xogħol – fit-total u għal distanzi tat-trasport aktar minn 350 kilometru – ħafna ogħla mill-figuri paragunabbli ta’ l-ispejjeż fiż-żona ta’ referenza. Iż-żona ta’ referenza hija ż-żona 1 ta’ l-iskema ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali mħallsa b’mod differenzjat skond il-ġeografija (l-aktar Oslo u ż-żoni tal-madwar).

2.5   Kemm iddum l-iskema

L-1 ta’ Jannar, 2004 – Il-31 ta’ Diċembru, 2006.

2.6   Baġit

L-istima tal-baġit hija bejn wieħed u ieħor 200 Miljun NOK (madwar EUR 24.5 Miljun) fis-sena.

2.7   Kumulazzjoni

Bl-iffissar ta’ l-intensitajiet massimi ta’ l-għajnuna bħala persentaġġi ta’ l-ispejjeż totali tat-trasport (ara t-tabella 1 hawn fuq), l-awtoritajiet Norveġiżi jiddikjaraw li jiggarantixxu li d-ditti ma humiex ikunu kkompensati aktar milli suppost. Jekk l-impriżi jibbenefikaw minn kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali mnaqqsa matul l-istess perijodu, il-vantaġġi ta’ dan it-tnaqqis jinqatgħu mill-għotja ta’ l-għajnuna għat-trasport ikkalkulata skond it-tabella 1. Barra minn hekk, l-impriżi ma jirċevux iżjed għajnuna għat-trasport mill-iskema l-ġdida ta’ l-għajnuna għat-trasport u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali mnaqqsa, magħduda flimkien, mill-ammont ekwivalenti għal dak li kienu jirċievu mill-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali mħallsa b’mod iddifferenzjat skond ir-reġjun kif inhuma llum.

2.8   Setturi eżentati mill-iskema u setturi sensittivi li jaqgħu taħt il-ħtiġiet speċifiċi tan-notifika

L-attivitajiet ekonomiċi li ġejjin ma jistgħux, skond in-notifika, jingħataw għajnuna diretta għat-trasport:

a)

L-iskema ma tapplikax għal trasport jew trasportazzjoni ta’ prodotti tas-setturi li ġejjin u/jew prodotti ta’ negozji mingħajr lok alternattiv:

Il-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta’ l-elettriku

It-tħaffir għaż-żejt grezz u l-gass naturali

L-attivitajiet ta’ servizzi konnessi mat-tħaffir għaż-żejt u l-gass minbarra s-surveying.

It-tħaffir għal minerali metalliċi

It-tħaffir għall-minerali industrijali nefelina sienite u olivina

b)

L-industriji koperti minn regoli speċifiċi settorjali

Is-setturi li ġejjin jistgħu ma jirċevux għajnuna reġjonali għat-trasport minħabba regoli speċifiċi settorjali:

L-impriżi koperti mill-Att imsemmi fil-punt 1a u b ta’ l-Anness XV tal-Ftehim taż-ŻEE (dwar għajnuna lill-industrija ta’ l-azzar u għajnuna lill-industrija tal-bini tal-vapuri).

c)

L-attivitajiet ekonomiċi fis-setturi ta’ l-agrikoltura/selvikoltura u s-sajd li xorta jaqgħu taħt is-sistema kurrenti tar-rati tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali mħallsa b'mod differenzjat skond ir-reġjun.

Skond in-notifika, l-għajnuna diretta għat-trasport mogħtija lill-industrija tal-vetturi bil-mutur jew il-produzzjoni industrijali tal-fibri sintetiċi hija soġġetta għal notifika u approvazzjoni bil-quddiem mill-Awtorità skond il-Linji ta’ Gwida għall-għajnuna mill-Istat.

2.9   Id-deċiżjoni biex tinbeda investigazzjoni

Fid-deċiżjoni tagħha tas-16 ta’ Lulju, 2003 biex tinbeda investigazzjoni, l-Awtorità esprimiet żewġ dubji dwar l-iskema ta’ għajnuna diretta.

L-ewwel, l-Awtorità nnutat li erbgħa mill-muniċipalitajiet innotifikati li kienu proposti bħala eliġibbli għal għajnuna diretta għat-trasport huma barra mill-mappa approvata għall-għajnuna reġjonali (Herøy, Ulstein, Hareid u Aukra). Minħabba li l-awtoritajiet Norveġiżi ma nnotifikawx aġġustament tal-mappa taż-żoni eliġibbli għall-għajnuna, l-Awtorità dehrilha li għajnuna diretta għat-trasport lil dawn l-erba' muniċipalitajiet ma tkunx kompatibbli mad-diżpożizzjonijiet tal-Ftehim taż-ŻEE għall-għajnuna mill-Istat

It-tieni, l-Awtorità kienet tal-fehma li d-dokumentazzjoni li ssottomettew l-awtoritajiet Norveġiżi ma hijiex prova biżżejjed li jeżistu spejjeż addizzjonali tat-trasport fiż-żoni ġeografiċi fin-nofsinhar tan-Norveġja li kienu proposti bħala eliġibbli għal għajnuna diretta għat-trasport (Sogn og Fjordane, Møre og Romsdal u Sør-Trøndelag).

2.10   Osservazzjonijiet min-Norveġja dwar id-deċiżjoni biex tinbeda investigazzjoni

B’ittra li ġġib id-data tas-17 ta’ Settembru, 2003 mill-Ministeru tal-Finanzi, l-awtoritajiet Norveġiżi ssottomettew osservazzjonijiet dwar id-deċiżjoni ta’ l-Awtorità biex tinbeda investigazzjoni. L-awtoritajiet Norveġiżi ddikjaraw li, biex jiżguraw il-validità tad-dokumentazzjoni li kienet ippreżentata qabel dwar spejjeż barranin tat-trasport fiż-żona nnotifikata għal għajnuna għat-trasport, kienu għamlu stħarriġ aktar wiesa’ meta mqabbel ma’ dak li kienu ssottomettew b’ittra li ġġib id-data tad-19 ta’ Ġunju, 2003 (mehmuż ma’ l-osservazzjonijiet). Dan l-istħarriġ jikkonferma r-riżultati ta’ l-istħarriġ preċedenti, skond l-awtoritajiet Norveġiżi.

L-istħarriġ aktar wiesa’ (11) jkopri 39 impriża, u jinkludi ditti fiż-żona li ma hijiex proposta bħala eliġibbli għall-għajnuna nazzjonali l-ġdida għat-trasport. L-ispiża tat-trasport fiż-żona 1 ta’ l-iskema ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali mħallsa b’mod differenzjat skond il-ġeografija hija ffissata bħala l-ispiża tat-trasport ta’ referenza meta mqabbla ma’ l-ispejjeż barranin tat-trasport fiż-żoni proposti bħala eliġibbli għal għajnuna diretta għat-trasport. Skond l-awtoritajiet Norveġiżi, il-konklużjonijiet ta’ l-istħarriġ jikkonfermaw li l-impriżi fil-kontej ta’ Troms, Nordland, Nord-Trøndelag, Sør-Trøndelag, Møre og Romsdal u Sogn u Fjordane għandhom medja ta’ spejjeż tat-trasport – kemm fit-total kif ukoll għal distanzi tat-trasport aktar minn 350 kilometru – ħafna ogħla minn dik ta’ l-impriżi fiż-żona ta’ referenza. L-ispiża tat-trasport fil-kontej ta’ Troms, Nordland u Nord-Trøndelag hija 220 % ogħla minn dik taż-żona ta’ referenza għal distanzi tat-trasport aktar minn 350 kilometru. L-ispiża tat-trasport fil-kontej ta’ Sør-Trøndelag, Møre og Romsdal u Sogn og Fjordane hija 143 % ogħla minn dik taż-żona ta’ referenza għal distanzi tat-trasport aktar minn 350 kilometru.

2.11   Osservazzjonijiet minn partijiet interessati dwar id-deċiżjoni biex tinbeda investigazzjoni

Għaxar organizzazzjonijiet u impriżi min-Norveġja ssottomettew osservazzjonijiet dwar id-deċiżjoni biex tinbeda investigazzjoni. Il-biċċa l-kbira ta’ l-osservazzjonijiet kienu dwar l-iskema ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali mħallsa b’mod differenzjat skond il-ġeografija (perijodu ta’ tranżizzjoni). Il-partijiet interessati li bagħtu osservazzjonijiet dwar l-iskema ta’ għajnuna diretta għat-trasport iddikjaraw fost l-oħrajn li ma jafux kif se taħdem l-iskema ta’ għajnuna diretta għat-trasport, jew x’sejrin ikunu l-effetti ta’ l-iskema. Uħud mill-osservazzjonijiet isostnu wkoll li, sa ċertu limitu, l-iskema l-ġdida ta’ għajnuna diretta għat-trasport tnaqqas l-ispejjeż addizzjonali tat-trasport li jagħmlu impriżi li joperaw biss fir-reġjuni periferiċi tan-Norveġja.

B’ittra li ġġib id-data tat-23 ta’ Ottubru, 2003 mingħand il-Missjoni tan-Norveġja lill-Unjoni Ewropea, li wasslet ittra li ġġib id-data tal-21 ta’ Ottubru, 2003 mill-Ministeru tal-Kummerċ u l-Industrija u ittra li ġġib id-data tal-21 ta’ Ottubru, 2003 mill-Ministeru tal-Finanzi, kollha riċevuti u rreġistrati mill-Awtorità fl-24 ta’ Ottubru, (Nru tad-Dok.: 03-7360 A), l-awtoritajiet Norveġiżi kkummentaw fil-qosor dwar l-osservazzjonijiet magħmula mill-partijiet terzi. L-awtoritajiet Norveġiżi jinnutaw li l-konsiderazzjonijiet u l-figuri mressqa fl-osservazzjonijiet tal-partijiet terzi jissostanzjaw l-argumenti li kienu ppreżentati qabel lill-Awtorità. L-awtoritajiet Norveġiżi jinnutaw ukoll li ħadd mit-terzi ma oġġezzjona għall-iskema nnotifikata ta’ għajnuna diretta għat-trasport.

3.   Deskrizzjoni tan-notifika tat-22 ta’ Ottubru 2003

3.1   Estenzjoni ta’ l-iskop ġeografiku

Fit-22 ta’ Ottubru, 2003, l-awtoritajiet Norveġiżi nnotifikaw estenzjoni ta’ l-iskop ġeografiku ta’ l-iskema nnotifikata fil-25 ta’ Marzu, 2003. It-13-il muniċipalità li ġejja kienu proposti wkoll bħala eliġibbli għal għajnuna nazzjonali diretta għat-trasport:

 

Fil-kontea ta’ Hedmark: Rendalen, Engerdal, Tolga, Tynset, Alvdal, Folldal u Os.

 

Fil-kontea ta’ Oppland: Dovre, Lesja, Lom, Skjåk, Vågå u Sel.

Il-popolazzjoni totali ta’ dawn it-13-il muniċipalità hija ta’ 37 271 persuna. Kemm Hedmark kif ukoll Oppland għandhom densità ta’ popolazzjoni ta’ anqas minn 12.5 abitant għal kull kilometru kwadru. Id-densità tal-popolazzjoni taż-żona ta' Hedmark li kienet proposta bħala eliġibbli għal għajnuna diretta għat-trasport hija ta’ 1.5 abitant għal kull kilometru kwadru, filwaqt li d-densità tal-popolazzjoni fiż-żona proposta bħala eliġibbli fil-kontea ta’ Oppland hija ta’ 2.0 abitant għal kull kilometru kwadru.

3.2   Ġustifikazzjoni emendata għall-inklużjoni ta’ miniċipalitajiet minn kontej li d-densità tal-popolazzjoni tagħhom ma hijiex baxxa (Møre og Romsdal u Sør-Trøndelag)

Fin-notifika tat-22 ta’ Ottubru, 2003, l-awtoritajiet Norveġiżi emendaw il-ġustifikazzjoni tagħhom għall-inklużjoni ta' muniċipalitajiet minn kontej li d-densità tal-popolazzjoni tagħhom ma hijiex baxxa fiż-żona proposta bħala eliġibbli għal għajnuna diretta għat-trasport (ara l-aħħar paragrafu fil-punt I.2.2 hawn fuq).

L-awtoritajiet Norveġiżi issa qegħdin jargumentaw li l-inklużjoni ta’ muniċipalitajiet f’Sør-Trøndelag u Møre og Romsdal hija ġġustifikata skond l-Anness XI tal-Linji ta’ Gwida għal għajnuna mill-Istat, għaliex il-popolazzjoni ta’ Sør-Trøndelag u Møre og Romsdal fiż-żona proposta bħala eliġibbli għal għajnuna diretta għat-trasport hija ta’ 179 792 abitant, filwaqt li l-popolazzjoni f’kontej oħra b’densità ta' popolazzjoni baxxa (12) li jidhru fil-mappa għal għajnuna reġjonali imma barra mill-mappa proposta għall-għajnuna diretta għat-trasport, hija ta’ 172 322 abitant. Il-popolazzjoni ta’ Sør-Trøndelag u Møre og Romsdal fiż-żona proposta bħala eliġibbli għal għajnuna diretta għat-trasport (kontej b’densità ta’ popolazzjoni ogħla minn 12.5 abitant għal kull kilometru kwadru) hija għaldaqstant xi ftit ogħla (7 470 abitant) mill-popolazzjoni ta’ kontej li jidhru fil-mappa għal għajnuna reġjonali, imma barra mill-mappa proposta għall-għajnuna diretta għat-trasport, f’kontej b’densità ta’ popolazzjoni baxxa. L-awtoritajiet Norveġiżi jħossu li huwa fl-ambitu tas-setgħat diskrezzjonali ta’ l-Awtorità li tapprova din iż-żieda limitata fil-popolazzjoni koperta mill-iskema.

3.3   Dokumentazzjoni addizzjonali ta’ spejjeż tat-trasport

Bħala parti min-notifika emendata tat-22 ta’ Ottubru 2003, l-awtoritajiet Norveġiżi ssottomettew stħarriġ ġdid li jkopri impriżi f’muniċipalitajiet innotifikati f’Hedmark u Oppland. Il-metodu mħaddem huwa l-istess bħal dak fl-ewwel stħarriġ (ara l-punt 2.4 hawn fuq).

L-istħarriġ (13) – magħmul ukoll mit-TØI – ikopri 13-il impriża fi 13-il muniċipalità fin-naħiet tat-tramuntana tal-kontej ta’ Hedmark u Oppland. Il-muniċipalità ta’ Engerdal ma kenitx koperta mill-istħarriġ, imma hija inkluża fin-notifika addizzjonali. L-istħarriġ jikkonferma, skond l-awtoritajiet Norveġiżi, li l-impriżi f’dawn it-12-il muniċipalità għandhom spejjeż tat-trasport - kemm fit-total kif ukoll għal distanzi ta’ aktar minn 350 kilometru – li bejn wieħed u ieħor huma ogħla b’mod sinifikattiv mill-ispejjeż ta’ impriżi fiż-żona ta’ referenza. Iż-żona ta’ referenza hija l-istess waħda bħal dik ta’ l-ewwel studju. L-istħarriġ jikkonkludi li l-ispejjeż tat-trasport fit-12-il muniċipalità huma 120 % ogħla miż-żona ta’ referenza għal distanzi tat-trasport aktar minn 350 kilometru.

II.   APPREZZAMENT

1.   L-eżistenza ta’ l-għajnuna

L-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE jaqra hekk:

“Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet oħra f’dan il-Ftehim, kull għajnuna mogħtija mill-Istati Membri tal-KE, l-Istati ta’ l-EFTA jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat, tkun xi tkun in-natura tagħha, li xxekkel jew thedded li xxekkel il-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti oġġetti u għaldaqstant taffettwa l-kummerċ bejn Partijiet Kontraenti, għandha tkun inkompatibbli mat-tħaddim ta’ dan il-Ftehim.”

L-għajnuna nnotifikata hija ffinanzjata minn riżorsi ta’ l-Istat u tiffavorixxi lil ċerti impriżi skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE. L-impriżi li jibbenefikaw jidħlu fil-fatt jew potenzjalment f’kompetizzjoni ma’ impriżi simili fin-Norveġja u Stati oħra taż-ŻEE. Billi l-għajnuna proposta xxekkel jew thedded li xxekkel l-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ fiż-ŻEE, l-iskema taqa’, għaldaqstant, taħt għajnuna mill-Istat fit-tifsira ta’ l-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE.

2.   Ħtieġa ta’ notifika

L-Artikolu 1(3) fil-Parti I tal-Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti jiddikjara li: “L-Awtorità ta’ Sorveljanza ta’ l-EFTA għandha tkun mgħarrfa dwar pjani għall-għoti jew it-tibdil ta’ l-għajnuna kmieni biżżejjed biex tkun tista' tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha.” Għajnuna mogħtija mingħajr notifika jew għajnuna li tkun innotifikata tard, jiġifieri li tkun innotifikata wara li “tkun daħlet fis-seħħ”, hija meqjusa bħala għajnuna illegali.

B’ittri mingħand il-Missjoni tan-Norveġja lill-Unjoni Ewropea li jġibu d-dati tas-26 ta’ Marzu, 2003 (Nru tad-Dok. 03-1846 A), u l-10 ta’ Ġunju, 2003 (Nru tad-Dok.: 03-3707 A), it-22 ta’ Ottubru, 2003 (Nru tad-Dok.:03-7362 A), it-23 ta’ Jannar, 2004 (Nru ta’ l-Avveniment: 188041) u l-11 ta’ Frar 2004 (Nru ta’ l-Avveniment: 191138), l-awtoritajiet Norveġiżi kkonformaw ma’ l-obbligu tagħhom skond l-Artikolu 1(3) fil-Parti I tal-Protokoll 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti billi nnotifikaw il-miżura dwar l-għajnuna qabel ma daħħluha fis-seħħ.

3.   Bażi legali relevanti

Fin-notifiki tagħhom, l-awtoritajiet Norveġiżi kkwalifikaw l-għajnuna mogħtija skond l-iskema proposta bħala għajnuna għat-trasport.

Il-Kapitolu 25.4(27). tal-Linji ta’ Gwida ta’ l-Awtorità għal għajnuna mill-Istat jistipula li: Fir-reġjuni ta’ densità ta’ popolazzjoni baxxa li jikkwalifikaw għal eżenzjoni jew skond l-Artikolu 61(3)(a) jew skond il-61(3)(c) fuq il-bażi tat-test tad-densità tal-popolazzjoni msemmi fil-Kapitolu 25.3, paragrafu 17, għajnuna intiża biex, tikkompensa parzjalment spejjeż addizzjonali tat-trasport (14), tista’ tkun awtorizzata skond kondizzjonijiet speċjali. Huwa d-dmir ta' l-Istat ta' l-EFTA li jipprova li jeżistu dawn l-ispejjeż addizzjonali u jiddetermina l-ammont tagħhom.

Il-Kapitolu 25(3), paragrafu 17, tal-Linji ta’ Gwida għal għajnuna mill-Istat jiddefinixxi densità ta' popolazzjoni baxxa bħala anqas minn 12.5 abitant għal kull kilometru kwadru.

Għal dak li għandu x’jaqsam mal-kondizzjonijiet speċjali li jikkwalifikaw għad-deroga ta’ l-Artikolu 61(3)(c) skond il-kriterju ta' densità tal-popolazzjoni, il-Kapitolu 25.4.(27) tal-Linji ta' Gwida jirreferi għall-Anness XI li jiddikjara x'inhuma l-kondizzjonijiet li jridu jkunu osservati biex għajnuna tikkwalifika għall-eżenzjoni. Il-kondizzjonijiet li għandhom ikunu osservati huma:

“—

L-għajnuna tista’ tintuża biss biex tikkompensa għall-ispejjeż addizzjonali tat-trasport. L-Istat ta’ l-EFTA kkonċernat għandu juri li teżisti l-ħtieġa għal kumpens għal raġunijiet oġġettivi. Qatt ma jista’ jingħata kumpens żejjed. Hawn għandhom jitqiesu skemi oħra ta’ għajnuna għat-trasport.

L-għajnuna tista’ tingħata biss fil-każ ta' spejjeż żejda ta’ trasport ta’ oġġetti ’l ġewwa mill-konfini nazzjonali tal-pajjiż ikkonċernat. Ma tistax titħalla tinbidel f’għajnuna għall-esportazzjoni.

L-għajnuna għandha tkun ikkwantifikata oġġettivament bil-quddiem, fuq bażi ta’ proporzjon ta’ għajnuna-għal-kull-kilometru u proporzjon ta’ għajnuna-għal-kull-unità-ta’-piż, u għandu jinkiteb rapport kull sena li, barra ħwejjeġ oħra, jiddokumenta l-operazzjoni tal-proporzjon jew proporzjonijiet.

L-istima ta’ l-ispiża addizzjonali għandha tkun ibbażata fuq il-mezz ta’ trasport l-iżjed ekonomiku u l-iqsar rotta bejn il-lok ta’ produzzjoni jew ipproċessar u l-postijiet kummerċjali mnejn jinbiegħ il-prodott.

L-għajnuna tista’ tingħata biss lil ditti li joperaw fiż-żoni li jikkwalifikaw għal għajnuna reġjonali fuq il-bażi tat-test il-ġdid tad-densità tal-popolazzjoni. Essenzjalment, dawn iż-żoni jkunu magħmula mir-reġjuni ġeografiċi tal-livell III tan-NUTS (Nomenklatura ta’ Unitajiet Territorjali għall-Istatistika) b’densità ta’ popolazzjoni ta’ anqas minn 12.5 abitant għal kull kilometru kwadru. Madankollu, titħalla ċerta flessibilità fl-għażla taż-żoni, basta jkunu osservati l-limitazzjonijiet li ġejjin:

Il-flessibilità fl-għażla taż-żoni ma għandhiex tfisser żieda fil-popolazzjoni koperta mill-għajnuna għat-trasport;

Il-partijiet tan-NUTS III li jikkwalifikaw għall-flessibilità għandhom densità ta' popolazzjoni ta' anqas minn 12.5 abitant għal kull kilometru kwadru;

Dawn għandhom ikunu jmissu mar-reġjuni tan-NUTS III li jissodisfaw it-test tad-densità ta’ popolazzjoni baxxa;

Il-popolazzjoni tagħhom għandha tibqa’ baxxa meta mqabbla mal-kopertura totali ta’ l-għajnuna għat-trasport.

Ma tista’ tingħata l-ebda għajnuna għal trasport jew trasportazzjoni ta’ prodotti ta’ negozji li ma jkollhomx lok alternattiv (prodotti ta’ industriji estrattivi, stazzjonijiet ta’ enerġija idroelettrika, eċċ.).

Għajnuna għat-trasport mogħtija lil ditti li joperaw f’industriji li l-Awtorità ta’ Sorveljanza ta' l-EFTA tqis bħala sensittivi (l-industriji tal-karozzi, il-fibri sintetiċi, il-bini tal-vapuri u l-azzar) għandha dejjem tkun innotifikata bil-quddiem u għandha taqa’ taħt il-linji ta’ gwida industrijali li jkunu fis-seħħ.”

Fil-Kapitolu 25.5(5) tal-Linji ta’ Gwida għal Għajnuna mill-Istat, dwar dak li għandu x’jaqsam mal-mapep ta’ għajnuna reġjonali ta’ l-Istat ta’ l-EFTA, hemm stipulat li: “Matul il-perijodu ta’ validità tal-mappa, l-Istati ta’ l-EFTA jistgħu jitolbu aġġustamenti għaliha, jekk ikun ippruvat li l-kondizzjonijiet soċjo-ekonomiċi jkunu tbiddlu b’mod sinifikanti. Dawn it-tibdiliet jistgħu jkollhom x’jaqsmu mar-rati ta’ intensità u r-reġjuni eliġibbli, bil-kondizzjoni li l-inklużjoni ta’ reġjuni ġodda li tista' tinqala’ tagħmel tajjeb għaliha l-esklużjoni ta’ reġjuni li jkollhom l-istess popolazzjoni. Il-validità tal-mappa aġġustata tiskadi fid-data li kienet diġà ffissata għall-mappa oriġinali”.

L-Awtorità eżaminat iż-żewġ notifiki li jġibu d-dati tal-25 ta’ Marzu, 2003 u t-22 ta’ Ottubru 2003, rispettivament, fid-dawl ta’ l-Artikolu 61(3)(c) taż-ŻEE u l-partijiet relevanti tal-Linji ta’ Gwida għal Għajnuna mill-Istat dwar l-għajnuna reġjonali nazzjonali ċċitata hawn fuq.

4.   In-notifika li ġġib id-data tal-25 ta’ Marzu, 2003

Il-valutazzjoni tan-notifika li ġġib id-data tal-25 ta’ Marzu, 2003, li kienet is-suġġett tad-deċiżjoni tal-bidu li ġġib id-data tas-16 ta’ Lulju, 2003, wasslet għall-osservazzjonijiet li ġejja:

a)   L-għajnuna hija limitata għal reġjuni ta’ densità ta’ popolazzjoni baxxa li jikkwalifikaw għall-istatus ta’ l-Artikolu 61(3)(c), bl-eċċezzjoni ta’ erba’ muniċipalitajiet (Kapitolu 25.4.(27) u 25.5.(5) u l-ħames inċiż ta’ l-Anness XI tal-Linji ta’ Gwida għall-Għajnuna mill-Istat)

L-awtoritajiet Norveġiżi nnotifikaw lil erba’ muniċipalitajiet li jinsabu barra mill-mappa kurrenti għal għajnuna reġjonali (Herøy, Ulstein, Hareid u Aukra).

L-awtorizzazzjoni mill-Awtorità tal-mappa taż-żoni mgħejjuna fin-Norveġja fl-1999 (327/99/COL) issuġġeriet approvazzjoni għall-għoti ta' għajnuna lil impriżi fiż-żoni koperti mill-mappa għal għajnuna reġjonali taħt skemi ta' għajnuna reġjonali approvati. Dan ifisser li għajnuna reġjonali (per eżempju għajnuna diretta għat-trasport) ma tistax tingħata lil reġjuni barra l-mappa approvata taż-żoni mgħejjuna.

Il-Kapitolu 25.5(5) tal-Linji ta’ Gwida għal Għajnuna mill-Istat jobbliga lill-Istati Membri biex ineħħu reġjuni eżistenti mill-mappa approvata għal għajnuna reġjonali, biex jinkludu reġjuni ġodda. Billi l-awtoritajiet Norveġiżi ma nnotifikawx aġġustament tal-mappa taż-żoni mgħejjuna skond il-Kapitolu 25.5(5) tal-Linji ta’ Gwida għal Għajnuna mill-Istat, għajnuna reġjonali (għajnuna diretta għat-trasport) għall-erba’ muniċipalitajiet li jinsabu barra l-mappa ta’ għajnuna reġjonali (Herøy, Ulstein, Hareid u Aukra, kollha fil-kontea ta’ Møre og Romsdal)) ma hijiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim taż-ŻEE għal għajnuna mill-Istat. Għalhekk, l-awtoritajiet Norveġiżi ma jistgħux jimplimentaw l-iskema ta’ għajnuna nnotifikata għal dawn l-erba’ muniċipalitajiet.

Il-kopertura totali tal-popolazzjoni fin-notifika li ġġib id-data tal-25 ta’ Marzu, 2003 kienet ta’ 721 079 abitant, jew 16.0 % tal-popolazzjoni totali tan-Norveġja. Il-popolazzjoni totali ta’ Herøy, Ulstein, Hareid u Aukra hija ta’ 22 844 abitant. Għalhekk, il-kopertura tal-popolazzjoni mingħajr dawn l-erba’ muniċipalitajiet issir ta’ 698 235 abitant, jew 15.5 % tal-popolazzjoni totali.

Il-kopertura tal-popolazzjoni f’Sør-Trøndelag u Møre og Romsdal (il-kontej li ma għandhomx densità ta’ popolazzjoni baxxa) kienet ta’ 179 792 abitant fin-notifika li ġġib id-data tal-25 ta’ Marzu, 2003. Mingħajr l-erba’ muniċipalitajiet Herøy, Ulstein, Hareid u Aukra, il-kopertura tal-popolazzjoni ta’ dawn iż-żewġ kontej issir ta’156 948 (15) abitant, li hija anqas mill-popolazzjoni fil-mappa għal għajnuna reġjonali f'kontej b’densità ta’ popolazzjoni baxxa li ma hijiex proposta bħala eliġibbli għal għajnuna diretta għat-trasport (Hedmark, Oppland, Telemark u Aust-Agder). Il-popolazzjoni totali fil-mappa għal għajnuna reġjonali f’dawn l-erba’ kontej hija ta’ 209 593 abitant.

Iż-żoni f’Sør-Trøndelag u Møre og Romsdal li huma proposti bħala eliġibbli għal għajnuna diretta għat-trasport għandhom densità ta' popolazzjoni anqas minn 12.5 abitant għal kull kilometru kwadru. Dawn iż-żoni jmissu mal-kontej li jissodisfaw it-test tad-densità ta’ popolazzjoni baxxa (Nord-Trøndelag u l-inħawi lejn it-tramuntana). Il-kopertura tal-popolazzjoni f’Sør-Trøndelag u Møre og Romsdal(156 948 abitant) tlaħħaq it-22.5 % tal-kopertura totali tal-popolazzjoni ta’ l-iskema proposta (698 235 abitant).

Il-bqija taż-żoni nnotifikati huma kollha żoni ta’ l-Artikolu 61(3)(c) taż-ŻEE b’densità ta’ popolazzjoni baxxa. Il-kondizzjonijiet tal-Kapitolu 25.4.(27) u l-ħames inċiż ta’ l-Anness XI huma mħarsa.

b)   L-awtoritajiet Norveġiżi taw prova ta’ l-eżistenza ta’ spejjeż addizzjonali tat-trasport u ddeterminaw l-ammont tagħhom (Kapitolu 25.4.(27) tal-Linji ta’ Gwida għal Għajnuna mill-Istat)

Biex jiddokumentaw l-ispejjeż addizzjonali tat-trasport, l-awtoritajiet Norveġiżi ssottomettew żewġ stħarriġ. L-ewwel wieħed kien sottomess b'ittra mingħand il-Missjoni tan-Norveġja lill-Unjoni Ewropea li ġġib id-data tad-19 ta' Ġunju, 2003, it-tieni, li kien estenzjoni ta’ l-ewwel wieħed, b’ittra mingħand il-Missjoni tan-Norveġja lill-Unjoni Ewropea li ġġib id-data tat-18 ta’ Settembru, 2003. Għaż-żewġ stħarriġ tħaddem il-metodu ta’ kampjunatura każwali b’numru ta' ditti magħżula skond metodi ta’ l-istatistika stabbiliti. Inġabar tagħrif dwar l-ispejjeż tat-trasport għad-ditti magħżula.

Fid-deċiżjoni tal-bidu (li ġġib id-data tas-16 ta’ Lulju 2003), l-Awtorità esprimiet id-dubji tagħha dwar id-dokumentazzjoni sottomessa mill-awtoritajiet Norveġiżi (l-ewwel stħarriġ). L-Awtorità kienet tal-fehma li l-istħarriġ ma tax prova biżżejjed ta’ l-eżistenza ta’ spejjeż addizzjonali għat-trasport fiż-żoni ġeografiċi fin-nofsinhar tan-Norveġja proposti bħala eliġibbli għal għajnuna diretta għat-trasport (Sogn og Fjordane, Møre og Romsdal u Sør-Trøndelag).

Fit-tieni stħarriġ, tkabbar in-numru ta' impriżi. L-istudju issa jikkonferma li l-impriżi li joperaw fiż-żona proposta għal għajnuna diretta għat-trasport għandhom spejjeż addizzjonali tat-trasport. Il-medja ta’ l-ispejjeż tat-trasport ta’ l-impriżi fil-kontej ta’ Troms, Nordland, Nord-Trøndelag, Sør-Trøndelag, Møre og Romsdal u Sogn u Fjordane – kemm fit-total kif ukoll għal distanzi tat-trasport aktar minn 350 kilometru – hija ħafna ogħla minn dik ta’ l-impriżi fiż-żona ta’ referenza. L-ispejjeż tat-trasport għall-impriżi fil-kontej ta’ Troms, Nordland u Nord-Trøndelag huma 220 % ogħla minn dawk ta’ l-impriżi fiż-żona ta’ referenza għal distanzi tat-trasport aktar minn 350 kilometru. L-ispejjeż tat-trasport għall-impriżi fil-kontej ta’ Sør-Trøndelag, Møre og Romsdal u Sogn og u Fjordane huma 143 % ogħla minn dawk fiż-żona ta’ referenza għal distanzi tat-trasport aktar minn 350 kilometru.

L-Awtorità taqbel li l-awtoritajiet Norveġiżi kienu taw prova ta’ l-eżistenza ta’ spejjeż addizzjonali tat-trasport, u li għalhekk il-kondizzjoni tal-Kapitolu 25.4.(27) tal-Linji ta' Gwida għal għajnuna mill-Istat hija ssodisfatta.

(c)   L-għajnuna sservi biss biex tikkompensa għall-ispejjeż addizzjonali tat-trasport (l-ewwel inċiż ta’ l-Anness XI tal-Linji ta’ Gwida għal Għajnuna mill-Istat)

L-intensitajiet ta’ l-għajnuna li jidhru fit-tabella 1 fil-punt I.2.3 hawn fuq jiżguraw li l-impriżi jistgħu jirċievu għajnuna ta' massimu ta' 40 % ta' l-ispejjeż tat-trasport li jonfqu (għal distanzi tat-trasport ta' aktar minn 701 kilometru). Trasport ta’ aktar minn 350 kilometru biss huwa eliġibbli għal għajnuna għat-trasport. L-Awtorità jidhrilha li dan huwa konformi mar-riżultati ta’ l-istħarriġ ppreżentati mill-awtoritajiet Norveġiżi (ara l-punt 3.3 hawn fuq) u taqbel li l-iskema ma tagħtix għajnuna aktar milli meħtieġa biex ikunu kkompensati l-ispejjeż addizzjonali tat-trasport.

Biex ikun żgurat li l-kumpaniji ma humiex qegħdin jirċievu kumpens aktar milli jmisshom, kull benefiċċju minn rata mnaqqsa ta’ kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali jinqata’ mill-għoti ta’ għajnuna għat-trasport b’kalkolu skond it-tabella 1 punt I.2.3 hawn fuq.

B’hekk, il-kondizzjoni li tinsab fl-ewwel inċiż ta’ l-Anness XI tal-Linji ta’ Gwida għal Għajnuna mill-Istat hija ssodisfatta.

d)   L-għajnuna tista’ tingħata biss fil-każ ta’ trasport ta’ oġġetti ’l ġewwa mill-konfini nazzjonali tal-pajjiż ikkonċernat (it-tieni inċiż ta’ l-Anness XI tal-Linji ta’ Gwida għal Għajnuna mill-Istat)

Skond l-iskema, l-għajnuna tista’ tingħata biss għal dak li għandu x’jaqsam ma’ spejjeż addizzjonali tat-trasport ta’ oġġetti ’il ġewwa mill-konfini nazzjonali, u kkalkulata fuq il-bażi ta’ mezz ta' trasport l-aktar dirett u ekonomiku bejn il-lok tal-produzzjoni u l-ipproċessar, u l-eqreb post kummerċjali mnejn jinbiegħ il-prodott. Meta t-trasport ta’ oġġetti jkun lejn destinazzjonijiet fil-Finlandja u l-Iżvezja, il-kalkolu tad-distanza totali tat-trasport jinkludi wkoll id-distanzi fl-Iżvezja u l-Finlandja imma l-għajnuna tingħata biss għal spejjeż tat-trasport minfuqa ’l ġewwa mill-konfini nazzjonali.

Għalhekk, il-kondizzjoni li tinsab fit-tieni inċiż ta’ l-Anness XI tal-Linji ta’ Gwida għal Għajnuna mill-Istat hija ssodisfatta.

e)   L-ammont ta’ għajnuna jista’ jkun ikkwantifikat b’mod oġġettiv minn qabel fuq bażi ta’ proporzjon ta’ għajnuna-għal-kull-kilometru u proporzjon ta’ għajnuna-għal-kull-unità-ta’-piż; l-istima ta’ l-ispiża addizzjonali hija bbażata fuq il-mezz ta’ trasport l-iżjed ekonomiku u l-iqsar rotta (it-tielet u r-raba’ inċiż ta’ l-Anness XI tal-Linji ta’ Gwida għal Għajnuna mill-Istat)

L-iskema proposta tissodisfa dawn il-ħtiġiet b’dan il-mod:

L-għajnuna hija kkalkulata bħala persentaġġ ta’ l-ispejjeż tat-trasport (ara t-tabella 1 fil-punt I.2.3 hawn fuq).

L-ispejjeż tat-trasport jirreferu għall-ispejjeż raġonevoli li huma speċifikati fuq nota ta’ kunsinna jew dokument ekwivalenti, u li huma marbuta mad-distanza tat-trasport li jkun sar ’il ġewwa mill-konfini nazzjonali, il-piż ta’ l-oġġetti u t-tip ta’ l-oġġetti u ma’ ħlasijiet għat-trasport tal-merkanzija u ħlasijiet oħra li jistgħu jkunu relatati mat-trasport attwali.

L-ispejjeż tat-trasport għandhom ikunu kkalkulati fuq il-bażi tal-mezz ta' trasport l-aktar ekonomiku u l-iqsar rotta bejn il-lok tal-produzzjoni u d-destinazzjoni.

Għalhekk, il-kondizzjonijiet li jinsabu fit-tielet u r-raba’ inċiż ta’ l-Anness XI tal-Linji ta’ Gwida għal Għajnuna mill-Istat huma mħarsa.

f)   L-arranġamenti li saru speċifikament għas-settur huma mħarsa (is-sitt u s-seba' inċiż ta' l-Anness XI tal-Linji ta' Gwida għal għajnuna mill-Istat)

L-iskema ma tapplikax għal trasport jew li jintbagħtu prodotti ta’ negozji mingħajr lok alternattiv: il-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta’ l-elettriku, it-tħaffir għaż-żejt grezz u l-gass naturali, l-attivitajiet ta’ servizzi konnessi mat-tħaffir għaż-żejt u l-gass minbarra s-surveying, it-tħaffir għal minerali metalliċi u t-tħaffir għall-minerali industrijali nefelina sienite u olivina.

L-iskema ma tapplikax għal impriżi koperti mill-Att imsemmi fil-punt 1a u b ta’ l-Anness XV tal-Ftehim taż-ŻEE (dwar għajnuna lill-industrija ta’ l-azzar u għajnuna lill-industrija tal-bini tal-vapuri).

L-iskema ma tapplikax għall-agrikoltura, is-selvikoltura u s-sajd li jibqgħu jaqgħu taħt is-sistema kurrenti ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali mħallsa b'mod differenzjat skond il-ġeografija.

Għalhekk, il-kondizzjonijiet li jinsabu fis-sitt u s-seba’ inċiż ta’ l-Anness XI tal-Linji ta’ Gwida għal Għajnuna mill-Istat huma mħarsa.

5.   In-notifika emendata li ġġib id-data tat-22 ta’ Ottubru, 2003

B’ittra mingħand il-Missjoni Norveġiża lill-Unjoni Ewropea li ġġib id-data tat-22 ta’ Ottubru, 2003, l-awtoritajiet Norveġiżi nnotifikaw estensjoni ġeografika eliġibbli ta’ l-iskema nnotifikata fil-25 ta’ Marzu, 2003 (ara l-punt I.3.1 hawn fuq).

Biex jiddokumentaw l-ispejjeż addizzjonali tat-trasport, l-awtoritajiet Norveġiżi ssottomettew stħarriġ li jiddokumenta l-ispejjeż addizzjonali tat-trasport għat-13-il muniċipalità fil-kontej ta’ Hedmark u Oppland li kienu proposti bħala eliġibbli. L-istħarriġ jikkonkludi li l-impriżi f’dawn it-13-il muniċipalità għandhom spejjeż tat-trasport - kemm fit-total kif ukoll għal distanzi ta’ aktar minn 350 kilometru – li l-medja tagħhom hija ogħla b’mod sinifikattiv mill-ispejjeż ta’ impriżi fiż-żona ta’ referenza (120 % għad-distanzi tat-trasport ta’ aktar minn 350 kilometru).

L-Awtorità taqbel li għat-13-il muniċipalità nnotifikati, l-isħarriġ jagħti prova ta’ l-eżistenza ta’ spejjeż addizzjonali tat-trasport.

L-Awtorità tinnota li l-estenzjoni ta’ l-iskop ġeografiku ta’ l-iskema ttella’ l-kopertura totali tal-popolazzjoni fl-iskema għal 735 506 abitant (16), jew 16.3 % tal-popolazzjoni totali (mingħajr il-muniċipalitajiet ta’ Herøy, Ulstein, Hareid u Aukra).

L-Awtorità tinnota wkoll li d-densità tal-popolazzjoni fiż-żoni proposti f’Hedmark u Oppland hija anqas minn 12.5 abitant għal kull kilometru kwadru.

Barra minn hekk, il-popolazzjoni fil-mappa għal għajnuna reġjonali f'kontej b’densità ta’ popolazzjoni baxxa li ma hijiex proposta bħala eliġibbli għal għajnuna diretta għat-trasport issir ta’ 172 322 abitant (17), li hija ogħla mill-popolazzjoni taż-żoni f’Møre og Romsdal u Sør-Trøndelag (il-kontej li ma għandhomx densità ta’ popolazzjoni baxxa) li hija proposta bħala eliġibbli għal għajnuna diretta għat-trasport (156 948 abitant).

Dwar in-notifika tat-22 ta’ Ottubru 2003, l-Awtorità tikkonkludi li d-densità tal-popolazzjoni fit-13-il muniċipalità hija anqas minn 12.5 abitant għal kull kilometru kwadru u li dawn jinsabu fil-mappa eżistenti ta’ għajnuna reġjonali. L-inklużjoni ta’ dawn it-13-il muniċipalità ma ttellax il-kopertura tal-popolazzjoni fil-kontej ta’ Møre og Romsdal u Sør-Trøndelag li d-densità tal-popolazzjoni tagħhom ma hijiex waħda baxxa (156 948 abitant), aktar ’il fuq mill-kopertura tal-popolazzjoni fil-kontej ta’ Hedmark, Oppland, Telemark u Aust-Agder fejn id-densità tal-popolazzjoni hija waħda baxxa u li ma hijiex proposta bħala eliġibbli għal għajnuna diretta għat-trasport (172 322 abitant). L-awtoritajiet Norveġiżi taw prova wkoll ta’ l-eżistenza ta’ spejjeż addizzjonali tat-trasport fit-13-il muniċipalità addizzjonali. Għal dak li għandu x’jaqsam mal-bqija tal-ħtiġiet li jridu jkunu ssodisfati, l-Awtorità tirreferi għall-valutazzjoni fil-punt 4 ta’ hawn fuq li tibqa’ valida meta t-13-il muniċipalità ikunu inklużi fl-iskema.

6.   Għeluq

B’referenza għall-argumenti ta’ hawn fuq, l-Awtorità tikkonkludi li għajnuna diretta għat-trasport lill-erba’ muniċipalitajiet Herøy, Ulstein, Hareid u Aukra ma hijiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim taż-ŻEE għal għajnuna mill-Istat u l-għajnuna lil dawn l-erba' muniċipalitajiet ma għandhiex tidħol fis-seħħ. Mill-bqija, l-iskema nnotifikata ta’ għajnuna diretta għat-trasport hija konformi mal-Ftehim taż-ŻEE.

L-awtoritajiet Norveġiżi huma mfakkra li għandhom id-dmir li jinfurmaw lill-Awtorità dwar kull pjan biex jemendaw jew jestendu l-iskema. L-awtoritajiet Norveġiżi huma wkoll mitluba jissottomettu rapport annwali li jagħti tagħrif dettaljat dwar l-implimentazzjoni ta’ l-iskema u l-proporzjon ta’ għajnuna-għal-kull-kilometru jew il-proporzjon ta’ għajnuna-għal-kull-kilometru u għajnuna-għal-kull-unità-ta’-piż b’mod partikulari.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

1.

Għajnuna diretta għat-trasport lill-erba’ muniċipalitajiet Herøy, Ulstein, Hareid u Aukra ma hijiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim taż-ŻEE għal għajnuna mill-Istat. L-għajnuna lil dawn l-erba’ muniċipalitajiet ma għandhiex tidħol fis-seħħ.

2.

L-iskema ta’ għajnuna diretta għat-trasport kif innotifikata mill-awtoritajiet Norveġiżi fil-25 ta’ Marzu, 2003 u t-22 ta’ Ottubru, 2003, bl-eċċezzjoni ta’ l-għajnuna diretta għat-trasport lill-erba’ muniċipalitajiet imsemmijin fil-punt 1 ta’ hawn fuq, hi kompatibbli ma’ l-Artikolu 61(3)(c) tal-Ftehim taż-ŻEE.

3.

Din id-deċiżjoni hija indirizzata lin-Norveġja.

4.

Din id-deċiżjoni hija awtentika fil-lingwa Ingliża.

Magħmul fi Brussell, nhar il-25 ta’ Frar, 2004.

Għall-Awtorità ta’ Sorveljanza ta’ l-EFTA

Hannes HAFSTEIN

President

Einar M. BULL

Membru tal-Kulleġġ


(1)  ‘Il quddiem imsejjaħ il-Ftehim taż-ŻEE.

(2)  ‘Il quddiem imsejjaħ il-Ftehim ta’ Sorveljanza u l-Qorti.

(3)  Regoli Proċedurali u Sostantivi fil-Qasam ta’ l-Għajnuna mill-Istat (Linji ta’ Gwida għall-Għajnuna mill-Istat), adottati u maħruġa mill-Awtorità ta’ Sorveljanza ta’ l-EFTA fid-19 ta’ Jannar 1994. Ippubblikati fil-ĠU L 231, 3.9.1994, p. 1. Il-Linji ta’ Gwida kienu emendati l-aħħar fit-18 ta’ Frar 2004 (għadhom ma humiex ippubblikati).

(4)  Deċiżjoni Nru 141/03/COL tas-16 ta’ Lulju 2003. ĠU C 216, 11.9.2003, p. 3, u s-Suppliment Nru 45, 11.9.2003, p. 1.

(5)  L-Istitut ta’ l-Ekonomija tat-Trasport (TØI), Arbeidsdokument av 04.06.2003. U-2899. TR1180/2003.

(6)  Ara n-nota 4 ta’ qiegħ il-paġna.

(7)  ĠU L 145, 9.6.2005, p. 25.

(8)  Il-figuri kollha tal-popolazzjoni użati f’din id-deċiżjoni huma dawk ta’ l-1 ta’ Jannar 2002. Il-popolazzjoni totali tan-Norveġja fl-1 ta’ Jannar 2002 kienet ta’ 4 503 436 abitant.

(9)  Interju av industribedrifter i aktuelle transportstøttesoner og i referansesoner. Arbeidsdokument av 4.6.2003.

(10)  “Statistisk sentralbyrås bedrifts- og foretaksregister”.

(11)  “Arbeidsdokument av 04.06.2003 (riv. 01.09.2003-U-2899. TR1180/2003)”.

(12)  Il-popolazzjoni fil-kontej ta’ Aust-Agder, Telemark, Hedmark u Oppland li għandhom densità baxxa ta’ popolazzjoni.

(13)  “Arbeidsdokument av 22.09.2003-U-2929-TR1194/2003”.

(14)  Spejjeż addizzjonali tat-trasport huma dawk l-ispejjeż żejda li jinqalgħu meta jinġarru oġġetti ’il ġewwa mill-konfini tal-pajjiż ikkonċernat. Din l-għajnuna fl-ebda ċirkustanza ma għandha ssir għajnuna għall-esportazzjoni u anqas ma għandha tikkostitwixxi miżuri b’effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni, fl-ambitu tat-tifsira ta’ l-Artikolu 11 tal-Ftehim taż-ŻEE

(15)  179 792 – 22 844 = 156 948

(16)  698 235 + 37 271 = 735 506.

(17)  209 593 – 37 271 = 172 322.