4.7.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 236/1


Avviż ta’ pożizzjoni vakanti CONS/AD/187/23 — Direttur — JUR.6 Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, Baġit, Fondi Strutturali

(2023/C 236 A/01)

 

TAGĦRIF ĠENERALI

Dipartiment

JUR.6 Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, Baġit, Fondi Strutturali

Post tax-xogħol

Brussell, il-Bini Justus Lipsius

Titlu tal-pożizzjoni

Direttur

Grupp tal-funzjoni u grad

AD 14

Approvazzjoni tas-sigurtà meħtieġa

SECRET UE/EU SECRET

SKADENZA GĦALL-APPLIKAZZJONIJIET

l-24 ta’ Lulju 2023 — 12.00 (nofsinhar) ħin ta’ Brussell

Min aħna

Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill (SĠK) jassisti lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill tal-UE u l-korpi preparatorji tagħhom fl-oqsma kollha tal-attivitajiet tagħhom. Taħt l-awtorità tas-Segretarju Ġenerali, jipprovdi pariri u sostenn lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill u lill-Presidenzi tagħhom fl-oqsma kollha ta’ attività, inkluż pariri politiċi u legali, koordinazzjoni ma’ istituzzjonijiet oħra, elaborazzjoni ta’ kompromessi, superviżjoni kif ukoll trattament tal-aspetti prattiċi kollha li huma meħtieġa għat-tħejjija u t-tmexxija tajba tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill.

Is-Servizz Legali huwa l-konsulent legali tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill li jassisti lill-Kunsill Ewropew, il-Kunsill u l-korpi preparatorji tiegħu, il-Presidenza u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, sabiex tkun żgurata l-legalità u l-kwalità tal-abbozzar tal-atti. Filwaqt li jieħu approċċ kreattiv fejn xieraq, jikkontribwixxi biex isib soluzzjonijiet legalment korretti u politikament aċċettabbli, b’kooperazzjoni ma’ dipartimenti oħra tal-Kunsill. Għal dak il-għan, jagħti opinjonijiet b’imparzjalità sħiħa – bil-fomm jew bil-miktub, fuq talba tal-Kunsill jew fuq inizjattiva tiegħu stess – dwar kwalunkwe kwistjoni ta’ natura legali. Is-Servizz Legali jirrappreżenta wkoll lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill fi proċedimenti quddiem il-Qrati tal-Unjoni. Huwa responsabbli milli jivverifika l-kwalità tal-abbozzar tal-atti legali tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill u jiżgura li jkunu legalment u lingwistikament konsistenti bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni. L-għan kostanti tas-Servizz Legali huwa li jipprovdi kontributi f’waqthom li jkunu kkaratterizzati mir-rispett sħiħ tal-liġi, l-imparzjalità u ċ-ċarezza tagħhom.

Is-Servizz Legali fih sitt direttorati tematiċi li jkopru l-oqsma kollha tal-attività tal-Unjoni u direttorat wieħed responsabbli għall-kwalità tal-leġiżlazzjoni.

Id-Direttorat “Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, Baġit, Fondi Strutturali” (Direttorat JUR.6) huwa responsabbli għall-fajls relatati mal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, is-servizzi bankarji u finanzjarji, it-tassazzjoni, l-unjoni doganali, il-baġit, il-Qafas Finanzjarju Pluriennali, l-istatistika u l-Fondi Strutturali u ta’ Koeżjoni. Il-fajls ittrattati mid-Direttorat JUR.6 jaqgħu fil-kompetenza tal-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji.

Qed noffru

Il-kariga ta’ Direttur tad-Direttorat JUR.6 hija pożizzjoni li toffri sfida f’ambjent politikament u legalment interessanti, li jmexxi grupp ta’ 12-il avukat bi kwalifiki għolja u persunal ta’ appoġġ.

Taħt l-awtorità tad-Direttur Ġenerali, tkun qed timmaniġġja d-Direttorat tiegħek u r-riżorsi tiegħu b’mod professjonali, torganizza l-attivitajiet tiegħu u tappoġġa u timmotiva lill-membri tal-persunal fil-ħidma tagħhom. Ser tkun qed tiżgura l-kwalità tas-servizzi u l-prodotti mogħtija mid-Direttorat, kif ukoll il-komunikazzjoni u l-kooperazzjoni effettivi fi ħdan id-Direttorat, fis-Servizz Legali kollu, ma’ servizzi oħra tas-SĠK u ma’ għadd ta’ partijiet ikkonċernati esterni.

Ser tkun qed tipprovdi fuq inizjattiva proprja jew fuq talba, pariri u opinjonijiet bil-miktub jew bil-fomm f’livell għoli dwar kwistjonijiet legali, istituzzjonali u proċedurali lill-Kunsill, lill-Coreper u lil korpi preparatorji oħra, lill-Presidenza, lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill u lis-SĠK fir-rigward ta’ dossiers li jaqgħu taħt il-kompetenza tad-Direttorat. Ser tkun qed tieħu sehem fil-laqgħat tal-Kunsill, tal-Coreper, u tal-korpi preparatorji oħra, u f’laqgħat ta’ informazzjoni u negozjati, bil-ħsieb li jintlaħqu kompromessi u jinstabu soluzzjonijiet legalment korretti u politikament aċċettabbli. Ser tkun qed tirrappreżenta lis-Servizz Legali fil-livell ta’ Direttur kemm fis-SĠK kif ukoll esternament. Ser tkun qed tgħin u tirrappreżenta wkoll lill-Kunsill Ewropew jew lill-Kunsill f’tilwim legali u, skont il-każ, f’każijiet quddiem il-Qrati tal-Unjoni.

B’mod ġenerali, ser tkun tista’ tippjana u torganizza l-ħidma b’mod flessibbli, skont il-ħinijiet tax-xogħol u l-iskeda tal-laqgħat fil-qasam ta’ attività tad-Direttorat. Int u l-persunal tiegħek ser tkunu tistgħu tgawdu mill-arranġamenti tax-xogħol tas-SĠK, inkluż it-telexogħol.

Ikunu meħtieġa missjonijiet okkażjonali barra mill-pajjiż, normalment fl-UE (pereżempju il-Lussemburgu u Strasburgu).

Qed infittxu

Qed infittxu avukat b’għarfien tajjeb ħafna tal-liġi tal-UE u tal-funzjonament u l-proċeduri tal-UE kif ukoll għarfien tajjeb tal-oqsma koperti mid-Direttorat. Esperjenza fl-għoti ta’ pariri legali f’livell għoli f’ambjent politikament sensittiv tkun ta’ vantaġġ.

Il-managers kollha tas-SĠK huma mistennija jagħtu pariri lill-ġerarkija tagħhom u lill-partijiet ikkonċernati, jimmaniġġaw il-persunal u r-riżorsi finanzjarji tagħhom, u jirrappreżentaw lis-SĠK. Dawn l-aspettattivi huma mfissra fil-profil orizzontali tal-managers tas-SĠK (1).

Barra minn hekk, il-persuna impjegata jeħtieġ ikollha:

il-kapaċità li taħseb u tippjana b’mod strateġiku, li tantiċipa u tidentifika problemi potenzjali u li tipproponi kompromessi u soluzzjonijiet fattibbli;

ħila ta’ tmexxija u kapaċità li tippromwovi spirtu ta’ tim qawwi u li tiggwida, timmotiva u tawtonomizza lill-persunal f’ambjent ta’ diversità u multikulturali, b’enfasi qawwija fuq l-iżvilupp tal-persunal;

sens ta’ diplomazija, tagħraf meta għandha tkun flessibbli u meta tkun soda waqt li toqgħod attenta għad-dettall mingħajr ma titlef l-istampa ġenerali;

il-kapaċità li tippromwovi u żżomm relazzjonijiet tax-xogħol tajba ma’ firxa ta’ interlokuturi interni u esterni;

il-kapaċità li tilħaq qbil u għanijiet komuni billi tagħti pariri speċifiċi lill-partijiet ikkonċernati u billi tiffaċilita d-diskussjoni b’mod effettiv u kostruttiv;

il-kapaċità li torganizza x-xogħol ġenerali tad-Direttorat sabiex jintlaħqu l-iskadenzi kruċjali u li tiżgura t-tqassim ġust tax-xogħol fost il-membri tat-tim u l-ippjanar tas-suċċessjoni;

il-kapaċità li timmaniġġa t-tibdil u tappoġġa lill-persunal waqt it-tibdil;

ħiliet ta’ komunikazzjoni eċċellenti, inkluż ħiliet ta’ komunikazzjoni interpersonali.

Peress li s-SĠK iħaddan politika ta’ mobbiltà għall-managers tiegħu, li huma mistennija jkollhom esperjenza estensiva, il-kandidati għandhom ikunu lesti u kapaċi jaħdmu f’oqsma ta’ attività differenti matul il-karriera tagħhom fis-SĠK.

POLITIKA TA’ REKLUTAĠĠ

L-applikanti għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin fil-mument tal-applikazzjoni:

(a)

Kondizzjonijiet ġenerali

ikunu ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea;

igawdu d-drittijiet kollha tagħhom bħala ċittadini;

ikunu wettqu kwalunkwe obbligu impost fuqhom mil-liġijiet dwar il-lieva.

(b)

Kondizzjonijiet speċifiċi

ikollhom lawrja universitarja (2) fil-liġi li tagħti aċċess għal studji li jwasslu għal dottorat fil-liġi jew ikollhom kwalifika professjonali ekwivalenti;

ikollhom mill-inqas ħmistax-il sena esperjenza professjonali rilevanti fl-għoti ta’ pariri legali, li minnhom ikunu effettivament wettqu mill-inqas tliet snin f’responsabbiltajiet maniġerjali u organizzattivi. Tliet snin esperjenza f’kariga b’responsabbiltajiet sinifikanti f’termini ta’ responsabbiltajiet ta’ koordinazzjoni legali hija ekwivalenti għall-esperjenza maniġerjali meħtieġa;

peress li l-Ingliż u l-Franċiż jintużaw b’mod estensiv għall-komunikazzjoni fis-SĠK u ma’ istituzzjonijiet oħra, huwa meħtieġ għarfien eċċellenti ta’ waħda miż-żewġ lingwi u għarfien tajjeb tal-oħra. L-għarfien ta’ lingwi uffiċjali oħra tal-UE jkun ta’ vantaġġ.

NB:

(1)

Din il-pożizzjoni tirrikjedi approvazzjoni tas-sigurtà li tippermetti aċċess għal dokumenti klassifikati (livell SECRET UE/EU SECRET). Il-kandidati li japplikaw għall-pożizzjoni jridu jkunu lesti jgħaddu minn investigazzjoni ta’ sigurtà skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (3). Il-ħatra għal din il-pożizzjoni ssir effettiva biss bil-kondizzjoni li l-kandidat magħżul jew magħżula tkun kisbet ċertifikat validu ta’ approvazzjoni tas-sigurtà. Kandidat mingħajr awtorizzazzjoni tas-sigurtà jiġi offrut jew tiġi offruta kuntratt temporanju sakemm ikun inkiseb ir-riżultat tal-proċedura tal-approvazzjoni tas-sigurtà.

(2)

Il-kandidat li jintgħażel għandu jew għandha tkun lesta ssegwi l-programm ta’ taħriġ fil-ġestjoni tas-SĠK.

PROĊEDURA TAL-GĦAŻLA

Fl-għażla tal-kandidati, l-Awtorità tal-Ħatra tkun megħjuna minn kumitat konsultattiv ta’ selezzjoni. Il-kumitat konsultattiv ta’ selezzjoni jkollu l-appoġġ ta’ ċentru ta’ evalwazzjoni, immexxi minn konsulenti tar-reklutaġġ esterni. Rapporti stabbiliti miċ-ċentru ta’ evalwazzjoni għall-istess tip ta’ pożizzjoni ma jibqgħux validi wara sentejn mid-data li fiha saru l-eżerċizzji rilevanti jew mat-tmiem tal-kuntratt qafas bejn is-SĠK u ċ-ċentru ta’ evalwazzjoni inkwistjoni — skont liema data tiġi l-ewwel.

Il-kumitat konsultattiv ta’ selezzjoni l-ewwel jevalwa u jqabbel il-kwalifiki, l-esperjenza u l-motivazzjoni tal-applikanti kollha, abbażi tal-applikazzjonijiet tagħhom. Abbażi ta’ dik l-evalwazzjoni komparattiva, il-kumitat konsultattiv ta’ selezzjoni jagħmel lista ristretta tal-kandidati li, fl-opinjoni tiegħu, huma l-aktar adatti sabiex jiġu mistiedna għall-ewwel intervista. Peress li din l-ewwel għażla hija bbażata fuq evalwazzjoni komparattiva tal-applikazzjonijiet, l-ilħuq tar-rekwiżiti għal dan l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti ma jiggarantix stedina għall-ewwel intervista. Minn fost il-kandidati intervistati, il-kumitat konsultattiv ta’ selezzjoni jagħżel il-kandidati li għandhom jattendu ċ-ċentru ta’ evalwazzjoni, kif ukoll għat-tieni intervista mal-kumitat konsultattiv ta’ selezzjoni.

L-ippjanar proviżorju għall-proċedura ta’ selezzjoni huwa kif ġej:

huwa mistenni li l-kandidati magħżula għall-intervisti ser jiġu infurmati matul l-ewwel nofs ta’ Settembru 2023;

l-ewwel intervisti huma previsti li jsiru fit-tieni nofs ta’ Settembru 2023;

iċ-ċentru ta’ evalwazzjoni mistenni jsir fl-ewwel nofs ta’ Ottubru 2023;

it-tieni ċiklu ta’ intervisti huwa previst għat-tieni nofs ta’ Ottubru 2023.

NB: L-iskeda mogħtija hawn fuq hija purament indikattiva u tista’ tinbidel.

BAŻI LEGALI

Din il-pożizzjoni hija ppubblikata fl-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni Ewropea u barra mill-istituzzjonijiet, f’konformità mal-Artikolu 29, il-paragrafi 1 u 2, tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (4).

KIF TAPPLIKA

Id-data tal-għeluq għall-applikazzjonijiet hija l-24 ta’ Lulju 2023 f’12:00 (nofsinhar) ħin ta’ Brussell.

L-applikazzjonijiet jintlaqgħu biss bil-posta elettronika u jridu jintbagħtu lil applications.management@consilium.europa.eu (5) sa mhux aktar tard mid-data u l-ħin tal-għeluq. Applikazzjonijiet li jaslu tard mhumiex ser jitqiesu.

Għandu jintuża l-indirizz elettroniku indikat hawn fuq għal kwalunkwe korrispondenza dwar il-proċedura tal-għażla (fil-linja tas-suġġett għandha titniżżel ir-referenza li ġejja: CONS/AD/187/23 JUR.6).

Qabel ma jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom, il-kandidati għandhom jivverifikaw sew jekk jissodisfawx ir-rekwiżiti mniżżla hawn fuq, taħt “Politika ta’ Reklutaġġ”, biex b’hekk jevitaw l-esklużjoni awtomatika mill-proċedura tal-għażla.

Biex ikun validu, il-fajl tal-applikazzjoni jrid jinkludi d-dokumenti li ġejjin f’format pdf (NB: dokumenti maqfula, protetti bil-password jew b’firma elettronika ma jiġux aċċettati):

(a)

il-formola tal-applikazzjoni mimlija u datata kif suppost (il-fajl għandu jissemma “XXX (KUNJOMOK) — Application form.pdf”); biex tniżżel il-formola tal-applikazzjoni elettronika (EN jew FR) agħfas fuq il-ħolqa t-tajba hawn taħt jew ikkopjaha u ppejstjaha fil-browser tiegħek (6):

https://www.consilium.europa.eu/media/62493/gsc-application_form_senior_management_en.docx

https://www.consilium.europa.eu/media/62492/gsc-application_form_senior_management_fr.docx

(b)

curriculum vitae dettaljat bl-Ingliż jew bil-Franċiż (mingħajr ritratti inklużi), preferibbilment fil-format Europass (https://europa.eu/europass/en/create-europass-cv; https://europa.eu/europass/fr/create-your-europass-cv), li jkopri l-karriera kollha tal-applikant u jelenka, fost oħrajn, il-kwalifiki, l-għarfien lingwistiku, l-esperjenza u d-dmirijiet attwali tal-applikant (il-fajl għandu jissemma “XXX (KUNJOMOK) — CV.pdf”);

(c)

ittra ta’ motivazzjoni, bl-Ingliż jew bil-Franċiż (il-fajl għandu jissemma “XXX (KUNJOMOK) — Motivation letter.pdf”).

Jekk ma jiġux inklużi dawn id-dokumenti l-applikazzjoni tkun invalida.

N.B: Ser jintalbu l-kopji ta’ diplomi li jiċċertifikaw l-edukazzjoni u l-kopji ta’ dokumenti u ċertifikati relatati mal-esperjenza professjonali mingħand il-kandidati preselezzjonati mistiedna għall-ewwel ċiklu ta’ intervisti. Id-dokumenti ta’ sostenn iridu jkunu nħarġu minn parti terza.

Id-dokumenti ta’ sostenn għandhom jiġu nnumerati (Anness 1, 2, eċċ.) u għandhom jinġabru flimkien f’dokument pdf wieħed (fajl li għandu jissemma “XXX (KUNJOMOK) — Supporting documents.pdf”). Dan jenħtieġ jinkludi indiċi.

In-nuqqas ta’ sottomissjoni tad-dokumenti ta’ sostenn kollha sa mhux aktar tard mill-jum ta’ qabel l-ewwel intervista, jista’ jitqies bħala bażi għal skwalifika.

Applikazzjonijiet li jaslu bil-posta jew permezz ta’ soluzzjonijiet ta’ ħżin ta’ data bbażati fi cloud jew pjattaformi għall-kondiviżjoni ta’ fajls ma jiġux ikkunsidrati.

Il-persuna magħżula minn fost il-kandidati tintalab tipprovdi d-dokumenti oriġinali msemmija hawn fuq.

Il-kandidati jirċievu email li tinfurmahom li l-applikazzjoni tagħhom tkun waslet. Madankollu, jistgħu jinqalgħu diffikultajiet tekniċi li minħabba fihom l-emails ma jaslux. Għalhekk, il-kandidati li ma jirċevux email li tikkonferma l-wasla tal-applikazzjoni huma mitluba jikkuntattjaw lil applications.management@consilium.europa.eu. Peress li l-kumitat konsultattiv ta’ selezzjoni ser jibda l-ħidma tiegħu ftit wara d-data tal-għeluq għall-applikazzjonijiet, kull korrispondenza dwar il-wasla tal-applikazzjoni għandha ssir fil-ġimgħa ta’ wara dik id-data.

DIVERSITÀ U INKLUŻJONI

Is-SĠK huwa impenjat favur id-diversità u l-inklużjoni. Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ara d-dikjarazzjoni rilevanti:

https://www.consilium.europa.eu/mt/general-secretariat/jobs/diversity-and-inclusion/

RIEŻAMI TAL-APPLIKAZZJONIJIET

Għal informazzjoni dwar il-proċeduri marbuta mat-talbiet għal ilmenti, appelli u riferimenti lill-Ombudsman Ewropew tista’ tikkonsulta lil:

https://www.consilium.europa.eu/media/56647/complaint-mt.pdf

PROTEZZJONI TAD-DATA

Ir-regoli li jirregolaw l-ipproċessar tad-data personali b’rabta ma’ din il-proċedura ta’ selezzjoni jinsabu fid-dikjarazzjoni ta’ privatezza:

https://www.consilium.europa.eu/media/56671/jobs-data-protection-083r00-mt.pdf


(1)  https://www.consilium.europa.eu/media/53266/gsc-manager-profile-mt.pdf

(2)  L-Artikolu 5(3)(c) tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ir-Regolamenti tal-Persunal) jesiġi li l-applikanti jkollhom mill-inqas:

(i)

livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji kompluti, iċċertifikati b’diploma, fejn il-perjodu normali ta’ edukazzjoni universitarja hu ta’ erba’ snin jew iżjed, jew

(ii)

livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji kompluti, iċċertifikati b’diploma u esperjenza professjonali adegwata ta’ mill-inqas sena, fejn it-tul ta’ żmien normali tal-edukazzjoni universitarja hu ta’ mill-inqas tliet snin.

(3)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta’ Settembru 2013 dwar ir-regoli ta’ sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).

(4)  Ir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ aġenti oħra tal-Unjoni Ewropea, stabbiliti bir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1), test konsolidat disponibbli fuq https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A01962R0031-20230101.

(5)  Dan l-indirizz elettroniku jappartjeni għal kaxxa postali funzjonali u jista’ jipproċessa biss messaġġi bil-kunfidenzjalità speċifikata bħala “Normali”; emails b’livell ta’ kunfidenzjalità differenti (eż. “Personal”, “Private”, “Confidential” jew posta kriptata) ma jistgħux jiġu pproċessati. Għaldaqstant, jekk jogħġbok agħżel il-livell ta’ kunfidenzjalità “Normal”. L-email ma tridx tkun akbar minn 25 MB. Jekk id-daqs tal-email tiegħek bl-hemżiet magħha jkun ikbar minn dan, jekk jogħġbok qassam l-hemżiet fuq għadd ta’ emails.

(6)  Jekk teħtieġ aktar informazzjoni u/jew tiltaqa’ ma’ problemi tekniċi, jekk jogħġbok ibgħat email lil: applications.management@consilium.europa.eu