12.6.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 204/31


Wiċċ nazzjonali ġdid tal-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni

(2023/C 204/10)

Image 1

Wiċċ nazzjonali għall-munita kommemorattiva l-ġdida taż-żewġ euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni u maħruġa minn San Marino

Il-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni għandhom status ta’ valuta legali fiż-Żona tal-Euro kollha. Bil-għan li tinforma lill-pubbliku u lill-partijiet kollha li jużaw il-muniti, il-Kummissjoni tippubblika deskrizzjoni tad-disinji tal-muniti l-ġodda kollha (1). F’konformità mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2009 (2), l-Istati Membri taż-Żona tal-Euro u l-pajjiżi li kkonkludew ftehim monetarju mal-Unjoni Ewropea li jipprevedi l-ħruġ ta’ muniti tal-euro, huma awtorizzati joħorġu muniti kommemorattivi tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni kemm-il darba jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet, b’mod partikolari li jintużaw il-muniti taż-żewġ euro biss. Dawn il-muniti għandhom l-istess karatteristiċi tekniċi bħall-muniti l-oħra taż-żewġ euro, iżda n-naħa nazzjonali tagħhom fiha disinn kommemorattiv li jkun simboliku ħafna f’termini nazzjonali jew Ewropej.

Il-pajjiż emittenti: San Marino

Is-suġġett tal-kommemorazzjoni: Il-ħames mitt anniversarju mill-mewt ta’ Perugino

Deskrizzjoni tad-disinn: Id-disinn juri fiċ-ċentru l-Verġni Marija mat-Tfajjel Ġesù, dettall tal-pittura ‘il-Madonna mat-Tfajjel, San Sebastjan u San Ġwann Battista’ minn Perugino, ippreservata fil-Galleriji tal-Uffizi (Firenze). Fuq in-naħa tax-xellug hemm l-iskrizzjoni “PERUGINO”, bid-dati “1523” u “2023” u l-marka taz-zekka “R”. Fuq in-naħa tal-lemin hemm l-isem tal-pajjiż tal-ħruġ “SAN MARINO” u fil-qiegħ tal-lemin hemm l-inizjali tal-artista Maria Angela Cassol, MAC.

Iċ-ċirku ta’ barra tal-munita juri t-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.

L-għadd ta’ muniti li huwa stmat li se jinħarġu: 56 000

Id-data tal-ħruġ: April 2023


(1)  Ara ĠU C 373, 28.12.2001, p. 1 għall-uċuħ nazzjonali tal-muniti kollha li nħarġu fl-2002.

(2)  Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-10 ta’ Frar 2009 u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Diċembru 2008 dwar il-linji gwida komuni għall-uċuħ nazzjonali u l-ħruġ ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (ĠU L 9, 14.1.2009, p. 52).