|
12.6.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 204/29 |
Wiċċ nazzjonali ġdid tal-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni
(2023/C 204/08)
Wiċċ nazzjonali tal-munita kommemorattiva l-ġdida taż-żewġ euro, maħsuba biex titqiegħed fiċ-ċirkolazzjoni u maħruġa minn Ċipru
Il-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni għandhom status ta’ valuta legali fiż-Żona tal-Euro kollha. Bil-għan li tinforma lill-pubbliku u lill-partijiet kollha li jużaw il-muniti, il-Kummissjoni tippubblika deskrizzjoni tad-disinji tal-muniti l-ġodda kollha (1). F’konformità mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2009 (2), l-Istati Membri taż-Żona tal-Euro u l-pajjiżi li kkonkludew ftehim monetarju mal-Unjoni Ewropea li jipprevedi l-ħruġ ta’ muniti tal-euro, huma awtorizzati joħorġu muniti kommemorattivi tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni kemm-il darba jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet, b’mod partikolari li jintużaw il-muniti taż-żewġ euro biss. Dawn il-muniti għandhom l-istess karatteristiċi tekniċi bħall-muniti l-oħra taż-żewġ euro, iżda n-naħa nazzjonali tagħhom fiha disinn kommemorattiv li jkun simboliku ħafna f’termini nazzjonali jew Ewropej.
Il-pajjiż emittenti: Ċipru
Is-suġġett tal-kommemorazzjoni: Is-sittin anniversarju mit-twaqqif tal-Bank Ċentrali ta’ Ċipru
Deskrizzjoni tad-disinn: Id-disinn juri għodod fuq mikroċippa li jissimbolizzaw l-istabbiltà tal-ekonomija fl-era industrijali u diġitali moderna żgurata mill-Bank Ċentrali ta’ Ċipru, li jiċċelebra 60 sena ta’ eżistenza. L-isem tal-pajjiż emittenti, “ΚYΠΡΟΣ KIBRIS” u d-dati “1963-2023” jinsabu fin-naħa t’isfel. Barra minn hekk, il-frażi “60 ΧΡOΝΙΑ ΑΠO ΤΗΝ IΔΡΥΣΗ ΤΗΣ ΚΕΝΤΡΙKHΣ ΤΡAΠΕΖΑΣ ΤΗΣ ΚYΠΡΟΥ” (jiġifieri 60 sena mill-fondazzjoni tal-Bank Ċentrali ta’ Ċipru) hija miktuba fuq in-naħa ta’ ġewwa tan-naħa nazzjonali tal-munita. Iċ-ċirku ta’ barra tal-munita juri t-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.
L-għadd ta’ muniti li huwa stmat li se jinħarġu: 412 000
Id-data tal-ħruġ: Fit-tieni/fit-tielet kwart tal-2023.
(1) Ara ĠU C 373, 28.12.2001, p. 1 għall-uċuħ nazzjonali tal-muniti kollha li nħarġu fl-2002.
(2) Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-10 ta’ Frar 2009 u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Diċembru 2008 dwar il-linji gwida komuni għall-uċuħ nazzjonali u l-ħruġ ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (ĠU L 9, 14.1.2009, p. 52).