|
12.6.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 204/28 |
Wiċċ nazzjonali ġdid tal-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni
(2023/C 204/07)
Wiċċ nazzjonali għall-munita kommemorattiva l-ġdida taż-żewġ euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni u maħruġa minn San Marino
Il-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni għandhom status ta’ valuta legali fiż-Żona tal-Euro kollha. Bil-għan li tinforma lill-pubbliku u lill-partijiet kollha li jużaw il-muniti, il-Kummissjoni tippubblika deskrizzjoni tad-disinji tal-muniti l-ġodda kollha (1). F’konformità mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2009 (2), l-Istati Membri taż-Żona tal-Euro u l-pajjiżi li kkonkludew ftehim monetarju mal-Unjoni Ewropea li jipprevedi l-ħruġ ta’ muniti tal-euro, huma awtorizzati joħorġu muniti kommemorattivi tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni kemm-il darba jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet, b’mod partikolari li jintużaw il-muniti taż-żewġ euro biss. Dawn il-muniti għandhom l-istess karatteristiċi tekniċi bħall-muniti l-oħra taż-żewġ euro, iżda n-naħa nazzjonali tagħhom fiha disinn kommemorattiv li jkun simboliku ħafna f’termini nazzjonali jew Ewropej.
Il-pajjiż emittenti: San Marino
Is-suġġett tal-kommemorazzjoni: Il-ħames mitt anniversarju mill-mewt ta’ Luca Signorelli
Deskrizzjoni tad-disinn: Id-disinn juri anġlu fiċ-ċentru, dettall mill-pittura “Il Paradiso” ta’ Luca Signorelli, ippreservata fil-Kappella ta’ San Brizio fil-Katidral ta’ Orvieto. Fuq in-naħa tax-xellug hemm l-ittra R, li tidentifika z-Zekka ta’ Ruma. F’nofs ċirku fin-naħa t’isfel tax-xellug hemm il-kelma “SIGNORELLI”. Fuq in-naħa tal-lemin hemm l-isem tal-pajjiż li qed joħroġ il-munita “SAN MARINO”, u fin-naħa ta’ fuq hemm is-snin “1523 2023”. Fin-nofs t’isfel hemm l-inizjali tal-artista, Marta Bonifacio, MB.
Iċ-ċirku ta’ barra tal-munita juri t-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.
L-għadd stmat ta’ muniti li għandhom jinħarġu: 56 000
Id-data stmata tal-ħruġ: Settembru 2023.
(1) Ara ĠU C 373, 28.12.2001, p. 1 għall-uċuħ nazzjonali tal-muniti kollha li nħarġu fl-2002.
(2) Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-10 ta’ Frar 2009 u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Diċembru 2008 dwar il-linji gwida komuni għall-uċuħ nazzjonali u l-ħruġ ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (ĠU L 9, 14.1.2009, p. 52).