5.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 160/1


AVVIŻ TA’ REKLUTAĠĠ PE/288/S

DIRETTUR

(grupp ta’ funzjonijiet AD, grad 14)

Direttorat Ġenerali għas-Sħubijiet għad-Demokrazija Parlamentari — Direttorat għar-Relazzjonijiet mal-Parlamenti Nazzjonali

(2023/C 160 A/01)

 

1.   Pożizzjoni vakanti

Il-President tal-Parlament Ewropew iddeċiediet li tniedi proċedura għall-pożizzjoni ta’ direttur (AD, grad 14) fi ħdan id-Direttorat Ġenerali għas-Sħubijiet għad-Demokrazija Parlamentari, id-Direttorat għar-Relazzjonijiet mal-Parlamenti Nazzjonali, skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (1) (minn hawn ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”).

Din il-proċedura ta’ selezzjoni, li għandha l-iskop li tagħti lill-Awtorità tal-Ħatra għażla akbar ta’ kandidati, se tiżvolġi b’mod parallel mal-proċedura interna u dik interistituzzjonali ta’ reklutaġġ.

Ir-reklutaġġ se jsir fil-grad AD 14 (2). Is-salarju bażiku huwa ta’ EUR 16 292,34 fix-xahar. Ma’ dan is-salarju bażiku, li huwa soġġett għat-taxxa għall-benefiċċju tal-Unjoni u eżenti mit-taxxa nazzjonali, jistgħu jiżdiedu ċerti allowances skont il-kondizzjonijiet previsti mir-Regolamenti tal-Persunal.

Il-kandidati għandhom jieħdu nota li dan l-impjieg huwa soġġett għar-regolament dwar il-politika tal-mobilità, li ġie adottat mill-Bureau tal-Parlament Ewropew fil-15 ta’ Jannar 2018.

Dan l-impjieg jirrikjedi disponibilità kif ukoll kuntatt frekwenti ma’ nies fil-Parlament u barra minnu, b’mod partikolari mal-Membri tal-Parlament Ewropew. Il-persuna reklutata bħala direttur se tkun mitluba twettaq missjonijiet frekwenti fil-postijiet tax-xogħol differenti tal-Parlament Ewropew u barra minnhom.

2.   Post tax-xogħol

Brussell. Dan l-impjieg jaf jiġi trasferit lejn wieħed mill-postijiet tax-xogħol l-oħra tal-Parlament Ewropew.

3.   Opportunitajiet indaqs

Il-Parlament Ewropew japplika politika ta’ opportunitajiet indaqs u jaċċetta l-applikazzjonijiet mingħajr ebda diskriminazzjoni, kemm jekk tkun ibbażata fuq il-ġeneru, l-etniċità, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjonijiet politiċi jew oħrajn, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età, l-orjentament sesswali, l-istat ċivili jew is-sitwazzjoni tal-familja.

4.   Deskrizzjoni tal-funzjonijiet

Bħala uffiċjal ta’ livell għoli, il-persuna reklutata bħala direttur, fid-dawl tal-linji gwida u d-deċiżjonijiet stabbiliti mill-awtorità parlamentari u mid-Direttur Ġenerali, tkun inkarigata minn dawn il-kompiti (3):

tiżgura l-funzjonament tajjeb ta’ dipartiment kbir tas-Segretarjat Ġenerali li jinkludi diversi unitajiet li jkopru l-oqsma ta’ attività tad-direttorat, f’konformità mal-politiki tal-istituzzjoni,

tmexxi, tistimula, timmotiva u tikkoordina timijiet ta’ aġenti; taħdem biex isir l-aħjar użu mir-riżorsi tad-dipartiment filwaqt li tiżgura servizz ta’ kwalità għolja (organizzazzjoni, ġestjoni tar-riżorsi umani u baġitarji, innovazzjoni, eċċ.) fl-oqsma ta’ attività tiegħu,

tippjana l-attivitajiet tad-direttorat (tfassil tal-objettivi u l-istrateġiji); tieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti; tivvaluta s-servizzi pprovduti bl-iskop li tiggarantixxi l-kwalità tagħhom,

tagħti pariri lid-Direttur Ġenerali, lis-Segretarju Ġenerali u lill-Membri tal-Parlament Ewropew fl-oqsma ta’ attività tad-direttorat,

tikkoopera mad-direttorati differenti tas-Segretarjat Ġenerali, tirrappreżenta lill-istituzzjoni u tinnegozja kuntratti jew ftehimiet fl-oqsma ta’ attività tad-direttorat,

tiġġestixxi u twassal fi tmiemhom proġetti speċifiċi li jistgħu jinvolvu responsabilitajiet finanzjarji,

twettaq il-funzjoni ta’ uffiċjal awtorizzanti b’sottodelega.

5.   Rekwiżiti ta’ eleġibilità

Din il-proċedura ta’ selezzjoni hija miftuħa għall-kandidati kollha li, sad-data meta jagħlqu l-applikazzjonijiet, ikunu ssodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

Rekwiżiti ġenerali

Skont l-Artikolu 28 tar-Regolamenti tal-Persunal, jeħtieġ b’mod partikolari li l-kandidati:

ikunu ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (4),

igawdu mid-drittijiet ċivili tagħhom,

ikunu ssodisfaw kull obbligu impost fuqhom mil-liġijiet dwar is-servizz militari,

joffru l-garanziji ta’ moralità mitluba għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet previsti.

(b)

Rekwiżiti speċifiċi

(i)

Kwalifiki u diplomi meħtieġa

livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal ċiklu sħiħ ta’ studji universitarji ċċertifikati b’diploma rikonoxxuta uffiċjalment f’wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni, meta l-perjodu normali ta’ dawn l-istudji universitarji jkun ta’ erba’ snin jew aktar,

jew

livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal ċiklu sħiħ ta’ studji universitarji ċċertifikati b’diploma rikonoxxuta uffiċjalment f’wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni flimkien ma’ esperjenza professjonali xierqa ta’ sena jew aktar (5) meta l-perjodu normali ta’ dawn l-istudji universitarji jkun ta’ tliet snin jew aktar.

Id-diplomi, kemm jekk maħruġa fi Stat Membru tal-Unjoni jew f’pajjiż ieħor, iridu jkunu rikonoxxuti minn korp uffiċjali ta’ Stat Membru tal-Unjoni, bħall-ministeru tal-edukazzjoni ta’ Stat Membru.

Il-kandidati li jkollhom diplomi maħruġa f’pajjiż mhux tal-UE (6) jeħtiġilhom jehmżu mal-applikazzjoni tagħhom ekwivalenza tal-UE għad-diplomi tagħhom. Għal aktar informazzjoni dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki mhux tal-UE fin-networks ENIC-NARIC, ara https://www.enic-naric.net/

(ii)

Esperjenza professjonali meħtieġa

Esperjenza professjonali miksuba wara li jkunu nkisbu l-kwalifiki msemmija hawn fuq:

tnax-il sena, li għall-inqas parzjalment ikunu nkisbu fl-oqsma ta’ attività tad-direttorat u li jkunu jinkludu minimu ta’ sitt snin f’ambjent Ewropew u/jew internazzjonali, u minimu ta’ sitt snin f’funzjonijiet ta’ ġestjoni f’dipartiment kbir.

(iii)

Għarfien lingwistiku

Il-pożizzjoni teżiġi għarfien komplut ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (7), kif ukoll għarfien sodisfaċenti ta’ mill-inqas lingwa waħda oħra minnhom.

Il-Kumitat Konsultattiv iqis ukoll l-għarfien ta’ lingwi uffiċjali oħrajn tal-Unjoni Ewropea.

6.   Testijiet

Sabiex jgħin lill-Awtorità tal-Ħatra fl-għażla tagħha, il-Kumitat Konsultattiv għall-Ħatra ta’ Uffiċjali Għolja jistabbilixxi l-lista ta’ kandidati u jirrakkomanda lill-Bureau tal-Parlament Ewropew il-persuni li għandhom jiġu mistiedna għal intervista. Il-Bureau jiffinalizza l-lista ta’ dawn il-persuni, filwaqt li l-Kumitat jagħmel l-intervisti u jippreżenta r-rapport finali tiegħu lill-Bureau għad-deċiżjoni. F’dan il-qafas, il-Bureau jkun jista’ jipproċedi għas-smigħ tal-kandidati.

L-intervisti jkunu bbażati fuq id-deskrizzjoni tal-funzjonijiet, kif imsemmija fil-punt 4 ta’ dan l-avviż, kif ukoll fuq il-kapaċitajiet li ġejjin:

sens ta’ strateġija,

kapaċità maniġerjali,

kapaċità ta’ ppjanar bil-quddiem,

kapaċità ta’ reazzjoni għall-avvenimenti,

approċċ metikoluż,

kapaċità ta’ komunikazzjoni.

7.   Tressiq tal-applikazzjonijiet

Id-data li fiha jagħlqu l-applikazzjonijiet hija:

il-Ġimgħa, 26 ta’ Mejju 2023, f’12.00 (nofsinhar), ħin ta’ Brussell.

Il-kandidati huma mitluba jibagħtu, permezz ta’ email biss, f’format pdf, ittra ta’ motivazzjoni (Għall-attenzjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew, Avviż ta’ reklutaġġ numru PE/288/S) u curriculum vitae fil-format tal-Europass (8), b’indikazzjoni tar-referenza tal-avviż (PE/288/S) fis-suġġett tal-messaġġ, fl-indirizz li ġej:

PERS-EPSeniorManagement@ep.europa.eu

u jitqiesu bħala prova d-data u l-ħin tat-trażmissjoni tal-email.

Il-kandidati jeħtiġilhom jiżguraw li d-dokumenti skennjati jkunu jistgħu jinqraw.

Il-kandidati li jissejħu għal intervista jeħtiġilhom jieħdu nota li jridu jipprovdu, sad-data tal-intervista, kopji jew fotokopji tad-dokumenti li jikkonfermaw l-istudji tagħhom, kif ukoll l-esperjenza professjonali tagħhom u l-attività li jeżerċitaw fil-preżent (9) . L-ebda wieħed minn dawn id-dokumenti ma jingħata lura lill-kandidati.

Id-data ta’ natura personali li l-kandidati jibagħtu fil-qafas ta’ din il-proċedura ta’ selezzjoni se tkun ipproċessata skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), speċjalment f’dak li jirrigwarda l-kunfidenzjalità u s-sigurtà ta’ tali data.


(1)  Ara r-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tal-Kunsill (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1) emendat mir-Regolament (KE, Euratom) Nru 723/2004 (ĠU L 124, 27.4.2004, p. 1) kif ukoll mir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 15).

(2)  Bħala uffiċjal, il-persuna reklutata tingħata grad skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 32 tar-Regolamenti tal-Persunal.

(3)  Għall-kompiti prinċipali, ara l-Anness.

(4)  L-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea huma: il-Belġju, il-Bulgarija, iċ-Ċekja, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, l-Irlanda, il-Greċja, Spanja, Franza, il-Kroazja, l-Italja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, Malta, in-Netherlands, l-Awstrija, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, is-Slovakkja, il-Finlandja u l-Iżvezja.

(5)  Din is-sena ta’ esperjenza ma titqiesx għall-evalwazzjoni tal-esperjenza professjonali li jirreferi għaliha l-punt li jmiss.

(6)  Il-kwalifiki/diplomi Brittaniċi miksuba sal-31.12.2020 jiġu aċċettati mingħajr rikonoxximent ieħor. Għad-diplomi miksuba wara din id-data, rikonoxximent NARIC huwa meħtieġ. Fil-prattika, dan ifisser li d-diplomi Brittaniċi mogħtija mill-1 ta’ Jannar 2021 iridu jkunu akkumpanjati minn ekwivalenza mogħtija minn awtorità kompetenti ta’ Stat li jkun membru tal-UE.

(7)  Il-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea huma: il-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Irlandiż, l-Ispanjol, l-Iżvediż, il-Kroat, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan u l-Ungeriż.

(8)  https://europa.eu/europass/

(9)  Dan ma japplikax għall-kandidati li jkunu fis-servizz tal-Parlament Ewropew fid-data meta jagħlqu l-applikazzjonijiet. Hija r-responsabilità tal-kandidati li jiżguraw li s-servizzi tal-Parlament ikollhom il-fajl komplut li jikkorrispondi għall-applikazzjoni tagħhom (fil-każ li xi dokumenti rilevanti jkunu neqsin fil-portal HRM (Streamline)).

(10)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


ANNESS

Direttorat Ġenerali għas-Sħubijiet għad-Demokrazija Parlamentari — Direttorat għar-Relazzjonijiet mal-Parlamenti Nazzjonali

Dmirijiet prinċipali

(Dipartiment magħmul minn 22 aġent: 20 uffiċjal u 2 aġenti kuntrattwali)

18.4.2023

Jikkoordina l-attivitajiet ewlenin tad-direttorat, inklużi l-kuntatti u s-segwitu mal-korpi politiċi u amministrattivi tal-PE (l-Uffiċċji, il-Viċi Presidenti, il-Gruppi Politiċi, id-DĠ, eċċ.);

Iħejji noti u analiżijiet għall-Membri;

Jiżgura r-relazzjonijiet mar-rappreżentanti tal-parlamenti nazzjonali fi Brussell u fil-bliet kapitali Ewropej;

Jipparteċipa fl-attivitajiet tan-network taċ-Ċentru Ewropew ta’ Riċerka u Dokumentazzjoni Parlamentari (ECPRD) u l-Iskambju ta’ Informazzjoni Interparlamentari tal-UE (IPEX) (tmexxija konġunta tal-ECPRD — membru tal-Kunsill tal-IPEX);

Isegwi fajls varji: l-objettivi, ir-rapporti ta’ attività, il-proġetti tal-Portafoll tal-Proġetti Parlamentari (PPP), il-fajls tal-persunal, eċċ.;

Iwettaq il-funzjonijiet ta’ uffiċjal awtorizzanti b’sottodelega.

UNITÀ TAL-KOOPERAZZJONI ISTITUZZJONALI

Tassisti lid-delegazzjoni tal-PE għall-Konferenza tal-Kumitati għall-Affarijiet Ewropej (COSAC) fit-tħejjija tal-laqgħat, l-abbozzar ta’ noti, is-segwitu, eċċ. u tipparteċipa fix-xogħol tas-segretarjat tal-COSAC;

Torganizza ż-żjarat bilaterali tad-deputati u l-uffiċjali tal-parlamenti nazzjonali, torganizza u tiżviluppa relazzjonijiet mar-rappreżentanti tal-parlamenti nazzjonali fil-PE; torganizza l-Programm ta’ Appoġġ għall-Parlament tal-Istat tal-Presidenza (PPSP);

Tassisti lill-President, lill-Viċi Presidenti u lill-korpi politiċi tal-PE fir-relazzjonijiet tagħhom mal-parlamenti nazzjonali, inklużi l-Konferenza tal-Presidenti tal-Parlamenti (EUSC), il-laqgħat tas-Segretarji Ġenerali u oħrajn;

Tiżgura l-kosegretarjat u ssegwi l-attivitajiet tal-ECPRD, inkluża l-pubblikazzjoni “Spotlight on Parliaments in Europe”. Kooperazzjoni mad-DĠ EPRS;

Tiżgura l-parteċipazzjoni tal-PE fil-pjattaforma IPEX;

Kooperazzjoni mad-DĠ EXPO, b’mod partikolari l-koordinazzjoni u l-avvenimenti mal-parlamenti nazzjonali fil-qasam tal-appoġġ għad-demokrazija, il-bini tal-kapaċità istituzzjonali, l-osservazzjoni elettorali u l-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni fil-qafas tal-Portafoll tal-Proġetti Parlamentari (PPP);

Tiżgura l-ġestjoni baġitarja tal-approprjazzjonijiet disponibbli għad-direttorat.

UNITÀ TAD-DJALOGU LEĠIŻLATTIV

Djalogu leġiżlattiv u skrutinju parlamentari: torganizza laqgħat interparlamentari tal-kumitati (ICMs) f’kooperazzjoni mas-segretarjati tal-kumitati, inklużi konferenzi interparlamentari speċjalizzati bħall-Konferenza tal-Artikolu 13 tat-TSKG, is-Semestru Ewropew (EPW), il-Grupp ta’ Skrutinju Parlamentari Konġunt (JPSG) tal-EUROPOL u appoġġ għall-Konferenza tal-PESK/PSDK; torganizza żjarat bilaterali tad-deputati u l-uffiċjali tal-parlamenti nazzjonali fil-PE;

Kontroll tas-sussidjarjetà: tittratta dokumenti tal-parlamenti nazzjonali, tiġġestixxi l-bażi tad-data“CONNECT” u tħejji nota ta’ kull xahar għall-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati u l-Membri dwar id-dokumenti mibgħuta mill-parlamenti nazzjonali skont it-tifsira tal-Protokolli 1 u 2 (opinjonijiet motivati u kontributi); taġġorna (b’kollaborazzjoni mar-rappreżentanti tal-parlamenti nazzjonali) id-Direttorju Elettroniku tal-Kumitati Korrispondenti tal-PE/il-parlamenti nazzjonali (CORCOM);

Koordinazzjoni tal-attivitajiet interparlamentari: tfassal il-kalendarju ta’ kull sitt xhur tal-attivitajiet interparlamentari tal-PE/il-parlamenti nazzjonali għall-attenzjoni tal-Konferenza tal-Presidenti u tiżgura t-trażmissjoni interna u esterna tiegħu; ixxerred il-“Weekly Agenda” fil-PE dwar attivitajiet organizzati mal-parlamenti nazzjonali;

Organizzazzjoni ta’ laqgħat interparlamentari ta’ livell għoli bejn il-President tal-Parlament Ewropew u l-Presidenti tal-parlamenti nazzjonali;

Appoġġ għall-korpi parlamentari: tassisti lill-korpi u lill-amministrazzjoni tal-PE billi tipprovdi għarfien espert fil-qasam tal-kooperazzjoni interparlamentari, b’mod partikolari billi tipprovdi noti tematiċi ta’ tgħarrif u noti dwar is-sitwazzjoni politika u soċjoekonomika ta’ pajjiż għaż-żjarat bilaterali u għad-delegazzjonijiet tal-kumitati;

Appoġġ għar-rapporteurs: tassisti lill-Membri, b’mod partikolari lir-rapporteurs, fir-rigward tal-abbozzi leġiżlattivi tal-Unjoni li attiraw għadd konsiderevoli ta’ opinjonijiet motivati u kontributi mill-parlamenti nazzjonali (noti lir-rapporteurs, laqgħat ad hoc bejn ir-rapporteurs u l-parlamenti nazzjonali, eċċ.);

Kooperazzjoni interparlamentari fil-livell amministrattiv: torganizza, f’kooperazzjoni mad-direttorati ġenerali differenti, laqgħat fil-forma ta’ seminars jew gruppi ta’ ħidma bejn l-amministrazzjonijiet tal-parlamenti nazzjonali u s-segretarjat tal-Parlament Ewropew dwar kwistjonijiet tematiċi.