4.4.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 122/5


Wiċċ nazzjonali ġdid ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni

(2023/C 122/05)

Image 1

Wiċċ nazzjonali tal-munita kommemorattiva l-ġdida taż-EUR 2, maħsuba biex titqiegħed fiċ-ċirkolazzjoni u maħruġa mil-Lussemburgu

Il-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni għandhom status ta’ valuta legali fiż-żona tal-euro. Biex tinforma lill-pubbliku u lill-partijiet kollha li jużaw il-muniti, il-Kummissjoni tippubblika deskrizzjoni tad-disinji tal-muniti l-ġodda kollha (1). F’konformità mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2009 (2), l-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-pajjiżi li kkonkludew ftehim monetarju mal-Unjoni Ewropea li jipprevedi l-ħruġ ta’ muniti tal-euro, huma awtorizzati joħorġu muniti kommemorattivi tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni kemm-il darba jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet, b’mod partikolari li jintużaw muniti taż-2 euro biss. Dawn il-muniti għandhom l-istess karatteristiċi tekniċi bħall-muniti l-oħra taż-2 euro, iżda n-naħa nazzjonali tagħhom fiha disinn kommemorattiv li jkun simboliku ħafna f’termini nazzjonali jew Ewropej.

Il-pajjiż emittenti: Il-Lussemburgu

Is-suġġett tal-kommemorazzjoni: Il-25 anniversarju tas-sħubija tal-Gran Duka Henri fil-Kumitat Olimpiku Internazzjonali

Deskrizzjoni tad-disinn: Id-disinn juri x-xbieha tal-Gran Duka Henri li jħares lejn il-lemin u lejn iċ-ċifra “25”. Qrib ix-xbieha jidhru diversi pittogrammi tad-dixxiplini Olimpiċi. Taħt ix-xbieha, tliet ċrieki li jinkroċjaw jarrikkixxu d-disinn. Fil-qiegħ fuq il-lemin, jidher it-test “MEMBER VUM INTERNATIONALEN OLYMPESCHE KOMMITEE”. L-isem tal-pajjiż “LËTZEBUERG” kif ukoll it-test “GROUSSHERZOG HENRI” huma rrappreżentati fuq ix-xellug.

Iċ-ċirku ta’ barra tal-munita juri t-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.

L-għadd ta’ muniti li huwa stmat li se jinħarġu: 500 000

Data tal-ħruġ: Frar 2023


(1)  Ara l-ĠU C 373, 28.12.2001, p. 1 għall-uċuħ nazzjonali tal-muniti kollha li nħarġu fl-2002.

(2)  Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-10 ta’ Frar 2009 u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Diċembru 2008 dwar linji gwida komuni għall-uċuħ nazzjonali u l-ħruġ ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (ĠU L 9, 14.1.2009, p. 52).