|
20.2.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CA 62/1 |
Avviż ta’ kompetizzjoni għall-għażla ta’ membri tal-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq li mhumiex minn bank ċentrali u għall-ħolqien ta’ lista ta’ riżerva
(Ref. PRO-008792)
(2023/C 62 A/01)
Permezz ta’ dan l-Avviż ta’ Kompetizzjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) qiegħed iniedi l-proċess għall-għażla u l-ħatra ta’ żewġ membri tal-banek mhux ċentrali tal-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq (MIB) u għall-ħolqien ta’ lista ta’ riżerva.
1. Informazzjoni Ġenerali
B’konformità mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, l-Eurosistema toffri infrastrutturi tas-suq, pjattaformi, applikazzjonijiet u servizzi relatati fl-oqsma tas-saldu tal-flus kontanti, is-saldu ta’ titoli u l-ġestjoni tal-kollateral, li jikkonsisti f’servizzi TARGET, li jinkludu T2, T2S u servizzi TIPS, kif ukoll, fil-futur, l-ECMS.
Fis-16 ta’ Marzu 2016, il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew approva l-istabbiliment tal-MIB. L-MIB huwa l-korp għall-governanza responsabbli għal kompiti ta’ ġestjoni tekniċi u operattivi fil-qasam tal-infrastrutturi u pjattaformi tas-suq. Fil-25 ta’ Jannar 2019, il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni (UE) 2019/166 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2019/3) (1) (minn hawn ’il quddiem id-“Deċiżjoni”).
Il-MIB huwa kompost minn, fost l-oħrajn, żewġ membri ta’ bank mhux ċentrali (mingħajr drittijiet ta’ votazzjoni), wieħed b’esperjenza bħala uffiċjal anzjan fl-industrija tal-pagamenti u wieħed b’esperjenza bħala uffiċjal anzjan fl-industrija tat-titoli (Kapitolu 1, Sezzjoni 2 tal-Anness II tad-Deċiżjoni).
Il-mandat tal-MIB, inklużi l-għanijiet, ir-responsabbiltajiet u l-kompiti tiegħu huma stabbiliti fl-Anness I ta’ din id-Deċiżjoni.
Il-BĊE qed jorganizza dan l-Avviż ta’ Kompetizzjoni biex jinħatru żewġ membri ġodda fil-MIB li mhumiex minn bank ċentrali, u għall-ħolqien ta’ lista ta’ riżerva li tista’ tintuża għas-sostituzzjoni tal-membri ta’ bank mhux ċentrali fil-MIB.
2. Post tal-qadi/tat-twettiq tad-dmirijiet
Is-servizzi huma pprovduti kemm mill-bogħod kif ukoll fil-bini tal-BĊE fi Frankfurt am Main, il-Ġermanja, u jistgħu jinvolvu vvjaġġar lejn postijiet oħra tal-UE.
3. Tip ta’ proċedura: avviż ta’ kompetizzjoni
Il-BĊE jistieden applikazzjonijiet bil-ħsieb li jintgħażlu u jinħatru żewġ kandidati bħala membri li mhumiex minn bank ċentrali fil-MIB u tinħoloq lista ta’ riżerva ta’ sostituti. L-għażla tiddependi esklużivament mill-kwalità tal-applikazzjonijiet li jsiru.
Il-proċedura għandha tiġi rregolata mill-Anness IV tad-Deċiżjoni, li tistabbilixxi l-proċeduri u rekwiżiti applikabbli għall-għażla, ħatra u sostituzzjoni ta’ membri fil-MIB li mhumiex minn bank ċentrali, kif ukoll mid-Deċiżjoni (UE) 2016/245 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2016/2) (2).
4. Dokumentazzjoni sħiħa
Id-dokumentazzjoni sħiħa (bl-Ingliż), li tispeċifika (a) ir-rwol tal-MIB; (b) ir-rwol u dmirijiet tal-membri fil-MIB li mhumiex minn bank ċentrali; (ċ) il-kriterji għall-għażla; (d) l-aspetti finanzjarja relevanti u (e) il-proċedura għall-applikazzjoni, inkluża l-iskadenza sa meta għandhom jaslu l-applikazzjonijiet (35 jum mid-data ta’ meta dan l-avviż ġie ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea) tista’ titniżżel mis-sit web tal-BĊE permezz ta’ din il-link: https://www.ecb.europa.eu/ecb/jobsproc/tenders/html/index.en.html.
5. Aktar informazzjoni
Il-kandidati jistgħu jindirizzaw kwalunkwe mistoqsija dwar din il-proċedura lil:
|
Sur Francois-Guillaume Bertrand |
|
Bank Ċentrali Ewropew |
|
Direttorat Ġenerali għall-Infrastruttura tas-Suq u l-Pagamenti |
|
Sonnemannstrasse 22 |
|
60314 Frankfurt am Main |
|
IL-ĠERMANJA |
|
Tel. + 49 69 13448475 |
Il-mistoqsijiet iridu jintbagħtu bil-posta elettronika lil mip-procurement@ecb.europa.eu. Il-BĊE ma jassumi l-ebda responsabbiltà għal mistoqsijiet li ma jintbagħtux hekk kif deskritt hawn fuq.
(1) Id-Deċiżjoni (UE) 2019/166 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-25 ta’ Jannar 2019 dwar il-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq u li tħassar id-Deċiżjoni BĊE/2012/6 dwar it-twaqqif tal-Bord għall-Programm TARGET2-Securities (BĊE/2019/3) (ĠU L 32, 4.2.2019, p. 14).
(2) Id-Deċiżjoni (UE) 2016/245 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-9 ta’ Frar 2016 li tistabbilixxi r-regoli dwar l-akkwisti (BĊE/2016/2) (ĠU L 45, 20.2.2016, p. 15), kif emendata bid-Deċiżjoni (UE) 2016/956 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-7 ta’ Ġunju 2016 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2016/245 (BĊE/2016/2) li tistabbilixxi r-regoli dwar l-akkwisti (BĊE/2016/17) (ĠU L 159, 16.6.2016, p. 21) u d-Deċiżjoni (UE) 2020/380 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-18 ta’ Frar 2020 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2016/245 li tistabbilixxi r-regoli dwar l-akkwisti (BĊE/2020/10) (ĠU L 69, 6.3.2020,p. 41).