20.1.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 20/8


AVVIŻ TA’ REKLUTAĠĠ PE/283/S

DIRETTUR

(Grupp ta’ funzjonijiet AD, grad 14)

DIRETTORAT ĠENERALI GĦALL-KOMUNIKAZZJONI — DIRETTORAT GĦALL-KAMPANJI

(2023/C 20 A/02)

 

1.   Pożizzjoni vakanti

Il-President tal-Parlament Ewropew iddeċieda li jniedi l-proċedura biex timtela din il-pożizzjoni battala ta' direttur (AD, grad 14) fid-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni – id-Direttorat għall-Kampanji, skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (1) (minn hawn 'il quddiem imsejħa r-“Regolamenti tal-Persunal”).

Din il-proċedura ta' selezzjoni, li għandha l-iskop li tagħti lill-Awtorità tal-Ħatra għażla akbar ta' kandidati, se tiżvolġi b'mod parallel mal-proċedura interna u dik interistituzzjonali ta' reklutaġġ.

Ir-reklutaġġ se jsir fil-grad AD14 (2). Is-salarju bażiku huwa ta' EUR 16 292,34 fix-xahar. Ma' dan is-salarju bażiku, li huwa soġġett għat-taxxa Komunitarja u eżenti mit-taxxa nazzjonali, jistgħu jiżdiedu ċerti allowances skont il-kondizzjonijiet previsti mir-Regolamenti tal-Persunal.

Il-kandidati għandhom jieħdu nota li dan l-impjieg huwa soġġett għar-regolament dwar il-politika tal-mobilità, li ġie adottat mill-Bureau tal-Parlament Ewropew fil-15 ta' Jannar 2018.

Dan l-impjieg jirrikjedi disponibilità kif ukoll kuntatt frekwenti ma' nies fil-Parlament u barra minnu, b'mod partikolari mal-Membri tal-Parlament Ewropew. Il-persuna reklutata bħala direttur se tkun mitluba twettaq missjonijiet frekwenti fil-postijiet tax-xogħol differenti tal-Parlament Ewropew u barra minnhom.

2.   Post tax-xogħol

Brussell. Dan l-impjieg jaf jiġi trasferit lejn wieħed mill-postijiet tax-xogħol l-oħra tal-Parlament Ewropew.

3.   Opportunitajiet indaqs

Il-Parlament Ewropew japplika politika ta' opportunitajiet indaqs u jaċċetta l-applikazzjonijiet mingħajr ebda diskriminazzjoni, bħal pereżempju diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru, l-etniċità, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjonijiet politiċi jew oħrajn, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età, l-orjentament sesswali, l-istat ċivili jew is-sitwazzjoni tal-familja.

4.   Deskrizzjoni tal-funzjonijiet

Bħala uffiċjal ta' livell għoli, il-persuna reklutata bħala direttur, fid-dawl tal-linji gwida u d-deċiżjonijiet stabbiliti mill-awtorità parlamentari u mid-Direttur Ġenerali, tkun inkarigata minn dawn il-kompiti (3):

tiżgura l-funzjonament tajjeb ta' dipartiment kbir tas-Segretarjat Ġenerali li jinkludi diversi unitajiet li jkopru l-oqsma ta' attività tad-Direttorat, f'konformità mal-politiki tal-istituzzjoni,

tmexxi, tistimula, timmotiva u tikkoordina timijiet ta' aġenti – taħdem biex isir l-aħjar użu mir-riżorsi tad-dipartiment filwaqt li tiżgura servizz ta' kwalità għolja (organizzazzjoni, ġestjoni tar-riżorsi umani u baġitarji, innovazzjoni, eċċ.) fl-oqsma ta' attività tiegħu,

tippjana l-attivitajiet tad-Direttorat (definizzjoni tal-objettivi u l-istrateġiji) – tieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti – tivvaluta s-servizzi pprovduti bl-iskop li tiggarantixxi l-kwalità tagħhom,

tagħti pariri lid-Direttur Ġenerali, lis-Segretarjat Ġenerali u lill-Membri tal-Parlament Ewropew fl-oqsma ta' attività tiegħu,

tikkoopera mad-direttorati differenti tas-Segretarjat Ġenerali, tirrappreżenta lill-Istituzzjoni u tinnegozja kuntratti jew ftehimiet fl-oqsma ta' attività tagħha,

tiġġestixxi u twassal fi tmiemhom proġetti speċifiċi li jistgħu jinvolvu responsabilitajiet finanzjarji,

twettaq il-funzjoni ta' uffiċjal awtorizzanti b'sottodelega.

5.   Rekwiżiti ta' eleġibilità

Din il-proċedura ta' selezzjoni hija miftuħa għall-kandidati kollha li, sad-data meta jagħlqu l-applikazzjonijiet, ikunu ssodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

Rekwiżiti ġenerali

Skont l-Artikolu 28 tar-Regolamenti tal-Persunal, jeħtieġ b'mod partikolari li l-kandidati:

ikunu ċittadini ta' wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (4),

igawdu mid-drittijiet ċivili tagħhom,

ikunu ssodisfaw kull obbligu impost fuqhom mil-liġijiet dwar is-servizz militari,

joffru l-garanziji ta' moralità mitluba għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet previsti.

(b)

Rekwiżiti speċifiċi

(i)

Kwalifiki u diplomi meħtieġa

livell ta' edukazzjoni li jikkorrispondi għal ċiklu sħiħ ta' studji universitarji ċċertifikati b'diploma rikonoxxuta uffiċjalment f'wieħed mill-Istati Membri, meta l-perjodu normali ta' dawn l-istudji universitarji jkun ta' erba' snin jew aktar,

jew

livell ta' edukazzjoni li jikkorrispondi għal ċiklu sħiħ ta' studji universitarji ċċertifikati b'diploma rikonoxxuta uffiċjalment f'wieħed mill-Istati Membri flimkien ma' esperjenza professjonali xierqa ta' sena jew aktar (5) meta l-perjodu normali ta' dawn l-istudji universitarji jkun ta' tliet snin jew aktar.

Id-diplomi, kemm jekk maħruġa fi Stat Membru tal-Unjoni jew f'pajjiż ieħor, iridu jiġu rikonoxxuti minn korp uffiċjali ta' Stat Membru tal-Unjoni, bħall-ministeru tal-edukazzjoni ta' Stat Membru.

Il-kandidati li jkollhom diplomi maħruġa f'pajjiż mhux tal-UE (6) jeħtiġilhom jehmżu mal-applikazzjoni tagħhom ekwivalenza tal-UE għad-diplomi tagħhom. Tista' ssib aktar informazzjoni dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki mhux tal-UE fin-networks ENIC-NARIC https://www.enic-naric.net/.

(ii)

Esperjenza professjonali meħtieġa

Esperjenza professjonali miksuba wara li jkunu nkisbu l-kwalifiki msemmija hawn fuq:

tnax-il sena, li għall-inqas parzjalment ikunu nkisbu fl-oqsma ta' attività tad-Direttorat u li jkunu jinkludu minimu ta' sitt snin f'ambjent Ewropew u/jew internazzjonali, u minimu ta' sitt snin f'funzjonijiet ta' ġestjoni f'dipartiment kbir.

(iii)

Għarfien lingwistiku

Il-pożizzjoni teżiġi għarfien fil-fond ta' waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (7), kif ukoll għarfien tajjeb ħafna ta' mill-inqas lingwa waħda oħra minnhom.

Il-Kumitat Konsultattiv iqis ukoll l-għarfien ta' lingwi uffiċjali oħrajn tal-Unjoni Ewropea.

6.   Testijiet

Sabiex jgħin lill-Awtorità tal-Ħatra fl-għażla tagħha, il-Kumitat Konsultattiv għall-Ħatra ta' Uffiċjali Għolja jistabbilixxi l-lista ta' kandidati u jirrakkomanda lill-Bureau tal-Parlament Ewropew il-persuni li għandhom jiġu mistiedna għal intervista. Il-Bureau jiffinalizza l-lista ta' dawn il-persuni, filwaqt li l-Kumitat jagħmel l-intervisti u jippreżenta r-rapport finali tiegħu lill-Bureau għad-deċiżjoni. F'dan il-qafas, il-Bureau jkun jista' jipproċedi għas-smigħ tal-kandidati.

L-intervisti jkunu bbażati fuq id-deskrizzjoni tal-funzjonijiet, kif imsemmija fil-punt 4 ta' dan l-avviż, kif ukoll fuq il-kapaċitajiet li ġejjin:

sens ta' strateġija,

kapaċità maniġerjali,

kapaċità ta' ppjanar bil-quddiem,

kapaċità ta' reazzjoni għall-avvenimenti,

approċċ metikoluż,

kapaċità ta' komunikazzjoni.

7.   Tressiq tal-applikazzjonijiet

Id-data li fiha jagħlqu l-applikazzjonijiet hija:

il-Ġimgħa, 3 ta' Frar 2023, f'12.00 (nofsinhar), ħin ta' Brussell.

Il-kandidati huma mitluba jibagħtu, permezz ta' email biss, f'format pdf, ittra ta' motivazzjoni (Għall-attenzjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew, Avviż ta' reklutaġġ numru PE/283/S) u curriculum vitae fil-format tal-Europass (8), b'indikazzjoni tar-referenza tal-avviż (PE/283/S) fis-suġġett tal-messaġġ, fl-indirizz li ġej:

PERS-EPSeniorManagement@ep.europa.eu

u jitqiesu bħala prova d-data u l-ħin tat-trażmissjoni tal-email.

Il-kandidati jeħtiġilhom jiżguraw li d-dokumenti skennjati jkunu jistgħu jinqraw.

Il-kandidati li jissejħu għal intervista għandhom jieħdu nota li jeħtiġilhom jipprovdu, sad-data tal-intervista, kopji jew fotokopji tad-dokumenti li jikkonfermaw l-istudji tagħhom, kif ukoll l-esperjenza professjonali tagħhom u l-attività li jeżerċitaw fil-preżent (9) . L-ebda wieħed minn dawn id-dokumenti ma jingħata lura lill-kandidati.

Id-data ta' natura personali li l-kandidati jibagħtu fil-qafas ta' din il-proċedura ta' selezzjoni se tkun ipproċessata skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), speċjalment f'dak li jirrigwarda l-kunfidenzjalità u s-sigurtà ta' tali data.


(1)  Ara r-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tal-Kunsill (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1) emendat mir-Regolament (KE, Euratom) Nru 723/2004 (ĠU L 124, 27.4.2004, p. 1) kif ukoll mir-Regolament (UE, Εuratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2013 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 15).

(2)  Bħala uffiċjal, il-persuna reklutata tingħata grad skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 32 tar-Regolamenti tal-Persunal.

(3)  Għall-kompiti prinċipali, ara l-Anness.

(4)  L-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea huma: l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, iċ-Ċekja, Ċipru, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, il-Kroazja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, is-Slovakkja, Spanja, l-Ungerija u l-Iżvezja.

(5)  Din is-sena ta' esperjenza ma titqiesx għall-evalwazzjoni tal-esperjenza professjonali li jirreferi għaliha l-punt li jmiss.

(6)  Il-kwalifiki/diplomi Brittaniċi miksuba sal-31.12.2020 jiġu aċċettati mingħajr rikonoxximent ieħor. Għad-diplomi miksuba wara din id-data, rikonoxximent NARIC huwa meħtieġ. Fil-prattika, dan ifisser li d-diplomi Brittaniċi mogħtija mill-1 ta' Jannar 2021 iridu jkunu akkumpanjati minn ekwivalenza mogħtija minn awtorità kompetenti ta' Stat li jkun membru tal-UE.

(7)  Il-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea huma: il-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Irlandiż, l-Ispanjol, l-Iżvediż, il-Kroat, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan u l-Ungeriż.

(8)  https://europa.eu/europass/mt

(9)  Dan ma japplikax għall-kandidati li jkunu fis-servizz tal-Parlament Ewropew fid-data meta jagħlqu l-applikazzjonijiet.

(10)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39)


ANNESS

DIRETTORAT ĠENERALI GĦALL-KOMUNIKAZZJONI – DIRETTORAT GĦALL-KAMPANJI

DMIRIJIET PRINĊIPALI

(Dipartiment magħmul minn 97 aġent: 56 uffiċjal, 10 aġenti temporanji u 31 aġent kuntrattwali)

9.1.2023

It-tfassil, il-koordinazzjoni u l-implimentazzjoni ta' azzjonijiet ta' komunikazzjoni maħsuba għaċ-ċittadini, sabiex jiġu infurmati, tinħoloq attitudni pożittiva rigward il-Parlament Ewropew u jiġu mistiedna jimpenjaw ruħhom b'mod attiv, partikolarment billi jivvutaw fl-elezzjonijiet. Tipi ta' proġetti: kontenut editorjali għas-siti web u l-media soċjali tal-PE; kampanji ta' komunikazzjoni istituzzjonali; attivazzjoni taċ-ċittadini, iż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; ġestjoni tal-Kumitat Permanenti tal-Internet;

L-iżgurar tat-tmexxija, il-koordinazzjoni u l-animazzjoni tal-unitajiet fil-qafas tad-Direttorat għall-Kampanji (inkluż dwar il-kwistjonijiet marbutin mar-riżorsi umani, il-baġit, il-programmazzjoni, il-kuntratti, il-GDPR, id-DPI, it-taħriġ, eċċ.);

L-għoti ta' pariri u għarfien espert dwar il-proġetti ta' komunikazzjoni ta' Direttorati oħra fid-DĠ COMM, filwaqt li jiġu żgurati l-koerenza u l-uniformità tal-komunikazzjoni tagħna bis-saħħa ta' “Brand Book” dwar il-komunikazzjoni koerenti u konformi mal-kunċett ta' “deċiżur inklużiv”; l-iżvilupp ta' kunċetti, kontenut u materjal għal dawn il-proġetti. Eżempji: Jum l-Ewropa, Europa Experience, Digital Citizens;

Iwettaq il-funzjonijiet ta' uffiċjal awtorizzanti b'sottodelega.

UNITÀ TAL-KOMUNIKAZZJONI BL-INTERNET

li tħaddan is-Servizzi tal-Politiki Ekonomiċi u Xjentifiċi, tal-Politiki Strutturali u ta' Koeżjoni, tal-Affarijiet Kostituzzjonali u d-Drittijiet taċ-Ċittadini, tal-Affarijiet Baġitarji u l-Politiki Esterni

Tipprogramma, tikkoordina u tipproduċi l-kopertura editorjali (testi, materjal viżiv u multimedjali) tal-aħbarijiet tal-Parlament Ewropew indirizzati lill-pubbliku ġenerali b'24 lingwa permezz tas-sit web tal-PE, kif ukoll permezz ta' siti speċjali marbuta ma' avvenimenti speċifiċi; tikkonċepixxi u tipproduċi infografiċi b'24 lingwa dwar suġġetti ta' interess kurrenti li jirrigwardaw il-Parlament Ewropew;

Tiżgura l-istrateġija, il-manutenzjoni u l-iżvilupp ta' 10 pjattaformi differenti ta' komunikazzjoni online “barra mis-sit” (Facebook, Twitter, Flickr, LinkedIn, Instagram, Spotify, eċċ): il-pubblikazzjoni kuljum;

Tikkonċepixxi u timplimenta l-istrateġija ta' komunikazzjoni tad-DĠ COMM u tal-kampanji (mobilizzazzjoni diġitali fuq il-post, produzzjoni speċifika, kampanji bi ħlas, eċċ.);

Tikkonċepixxi u tiddeskrivi l-iżviluppi kunċettwali u editorjali tas-sit Europarl u tal-preżenza globali online tal-Parlament; tieħu sehem fil-gruppi tal-proġetti relatati (siti ġodda, applikazzjonijiet multimedjali, eċċ.);

Tikkonċepixxi u tmexxi l-fażijiet pilota ta' ġabra ta' proġetti editorjali maħsuba biex iwessgħu l-kopertura medjatika u jtejbu l-kwalità kunċettwali u ergonomika, id-diversità u l-kwalità tal-prodotti editorjali u l-politika ta' komunikazzjoni online tal-Parlament Ewropew.

UNITÀ TAL-KONĊEZZJONI U D-DISINN

Tiżviluppa l-kunċetti għall-kampanji ta' komunikazzjoni u tforni servizzi ta' konċezzjoni grafika għall-prodotti ta' komunikazzjoni online u offline;

Timplimenta l-istrateġija ta' mmarkar korporattiv riveduta tal-Parlament u l-arkitettura tiegħu;

Tapplika l-linji gwida dwar il-“komunikazzjoni konsistenti” u tiżgura li l-prodotti tad-DĠ COMM jirrispettaw l-istandards ta' kwalità minimi u li jkunu konformi mal-istrateġija globali għall-promozzjoni tal-marka tal-Parlament;

Tipprovdi servizzi fil-qasam tar-reviżjoni tat-testi;

Timmaniġġja l-kuntratti dwar ix-xiri ta' spazji tal-media u s-servizzi ta' konċezzjoni grafika;

Tipprepara s-sejħa għall-offerti fil-qasam tax-xiri ta' spazji tal-media, fil-qasam tal-konċezzjoni grafika u tal-istampi (ritratti) u fil-qasam tat-testijiet ta' validazzjoni (gruppi ta' diskussjoni).

UNITÀ TAL-KUNTATT MAŻ-ŻGĦAŻAGĦ

Tiżgura l-ġestjoni tal-avveniment biennali “EYE” – “Avveniment Ewropew taż-żgħażagħ”, inklużi l-attivitajiet kollha ta' tħejjija, evalwazzjoni u segwitu; tiżgura t-trasformazzjoni progressiva tal-avveniment ad hoc lejn ċiklu ta' avvenimenti u punti ta' laqgħat u djalogu permanenti bejn iż-żgħażagħ u l-Parlament; tiżgura trasformazzjoni diġitali tal-EYE biex joffri l-possibbiltà ta' avveniment f'verżjoni ibrida b'attivitajiet bi preżenza fiżika u attivitajiet online fuq pjattaforma ddedikata lill-avvenimenti virtwali;

Tikkoordina l-implimentazzjoni tal-istrateġija għaż-żgħażagħ fil-livell tad-DĠ COMM. Tanalizza l-attivitajiet għaż-żgħażagħ organizzati mid-DĠ COMM fir-rigward tal-objettiv, il-koerenza u l-effikaċja sabiex jiġu proposti ideat dwar is-simplifikazzjoni, it-titjib u r-razzjonalizzazzjoni ta' dawn l-attivitajiet, kif ukoll il-promozzjoni tal-offerta;

Tiżgura l-komunikazzjoni maż-żgħażagħ permezz tal-pjattaformi online u siti web (EYE, youthideas.eu, Youth Hub) kif ukoll il-media soċjali;

Tiżviluppa relazzjoni sostenibbli bejn il-Parlament u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ billi toħloq network ta' organizzazzjonijiet sħab, biex: i. Jaħdmu flimkien fuq il-proġetti maħsuba għaż-żgħażagħ Ewropej, ii. Isaħħu l-komunikazzjoni dwar il-Parlament u l-Unjoni Ewropew, iii. Jestendu n-network tal-organizzazzjonijiet sħab għal impatt ikbar fil-kampanja ta' informazzjoni li jmiss dwar l-elezzjonijiet Ewropej;

Jippreparaw u jimplimentaw il-kampanja ta' promozzjoni tal-offerta tal-PE liż-żgħażagħ fil-qafas tas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ, f'kollaborazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea u istituzzjonijiet u sħab oħrajn;

Żvilupp ta' fehim aħjar tal-udjenza fil-mira (studji u statistika eżistenti kif ukoll it-twettiq ta' riċerka kumplementari dwar iż-żgħażagħ Ewropej);

Ġestjoni tal-verżjonijiet lokali tal-avvenimenti EYE inklużi l-attivitajiet kollha ta' preparazzjoni, evalwazzjoni u segwitu tas-sejħa għal proposti. Ġestjoni ta' sessjonijiet “EYE Online”, li jipproponu attivitajiet online regolari għall-udjenza fil-mira bil-parteċipazzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew u l-esperti.

UNITÀ TAL-ĠESTJONI TAS-SIT WEB

inklużi s-servizzi tal-Konċezzjoni web u l-Implimentazzjoni

Tiżgura l-ġestjoni tal-proġetti taċ-Ċentru Multimedjali; twettaq ir-reviżjoni tas-siti tal-Uffiċji ta' Kollegament tal-PE; tanalizza l-kompiti mwettqa miċ-ċittadini u l-impatti fuq l-istrateġija tal-komunikazzjoni SEF “L-invenzjoni mill-ġdid tal-Preżenza Web il-ĠDIDA”; tiżgura s-segwitu tal-proġetti tal-app taċ-Ċittadini, il-Pjattaforma ta' involviment, l-Ewrobarometru u l-Hub taż-Żgħażagħ;

Tiżgura l-manutenzjoni evoluttiva, adattiva u korrettiva, il-migrazzjonijiet tekniċi u l-varar, l-amministrazzjoni u l-isfruttament tas-sistemi ta' kontribuzzjoni u pubblikazzjoni tal-kontenut tas-siti web tal-Parlament; timmaniġġja l-proġetti ta' żvilupp u telabora studji fil-qasam tal-internet;

Tikkonċepixxi siti web ġodda partikolarment għall-appoġġ tal-kampanji ta' komunikazzjoni filwaqt li titqies l-identità viżwali tal-PE u f'konformità mal-gwida tal-konċezzjoni u l-implimentazzjoni tas-siti web tal-PE; tassisti lill-unitajiet u d-direttorati l-oħra fir-rigward tal-bżonnijiet tagħhom fil-qasam tal-web u taġġorna din il-gwida filwaqt li tqis l-aspetti mil-lat tal-utent (UX), is-SEO u t-trattament ta' data personali;

Tiżgura l-ġestjoni amministrattiva, finanzjarja u baġitarja tal-unità, kif ukoll il-kooordinazzjoni tal-attivitajiet tal-internet fil-livell insteristituzzjonali (CEiii);

Tiżgura l-aġġornament tar-rubriki skont l-iżviluppi fil-Parlament u l-iżvilupp editorjali ta' rubriki ġodda; twieġeb għall-mistoqsijiet magħmula lill-webmaster mill-utenti tal-internet rigward is-siti web tal-Parlament Ewropew;

Tagħti taħriġ lill-utenti interni tal-Parlament rigward is-sistemi ta' kontribuzzjoni ta' kontenuti għas-sit Europarl (Scribo u SmartCMS), tiżgura l-amministrazzjoni ta' dawn is-sistemi u tagħti assistenza u sostenn tal-ewwel livell lill-utenti;

UNITÀ TAR-RELAZZJONIJIET MAS-SOĊJETÀ ĊIVILI

Tifformula u timplimenta strateġija ta' kollaborazzjoni mal-organizzazzjonijiet pan-Ewropej tas-soċjetà ċivili li jxerrdu l-kampanji u l-messaġġi tal-Parlament maċ-ċittadini, jipprovduhom b'informazzjoni ċara, rilevanti u prattika u ttejjeb l-kompetenzi tagħhom rigward il-komunikazzjoni; tikkoopera mal-Unità ta' Sostenn Strateġiku għall-Uffiċċji ta' Kollegament biex tiggwidahom fl-implimentazzjoni ta' strateġija simili fl-Istati Membri;

Torganizza l-edizzjonijiet annwali tal-premjijiet tal-Parlament Ewropew (inklużi l-azzjonijiet/il-kampanji ta' komunikazzjoni relatati), jiġifieri il-Premju ċinematografiku LUX, il-Premju Sakharov (f'kollaborazzjoni mad-DĠ EXPO);

Tiġġestixxi l-kollezzjoni tal-arti kontemporanja tal-Parlament b'kollaborazzjoni mal-kwestur inkarigat mill-kollezzjoni tal-arti u/jew il-kumitat artistiku (akkwisti, donazzjonijiet, ħżin, assigurazzjoni, drittijiet tal-awtur u restawr ta' opri tal-arti); tikkomunika u tippromwovi l-kollezzjoni tal-arti kontemporanja tal-Parlament mal-Membri u l-persunal tal-Parlament Ewropew u ċ-ċittadini permezz tal-preżentazzjoni tagħha online u l-espożizzjoni tagħha fil-binjiet tal-Parlament;

Twettaq jew tikkollabora fuq proġetti ad hoc deċiżi mill-ġerarkija u/jew l-awtoritajiet politiċi;

Tipprepara u timplimenta programm kulturali annwali għall-Ġnien iċ-Ċittadini.