20.12.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 484/42


Wiċċ nazzjonali ġdid ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni

(2022/C 484/24)

Image 1

Naħa nazzjonali tal-munita kommemorattiva l-ġdida taż-żewġ euro, maħsuba biex titqiegħed fiċ-ċirkolazzjoni u maħruġa mil-Litwanja

Il-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni għandhom status ta’ valuta legali fiż-Żona tal-Euro. Biex tinforma lill-pubbliku u lill-partijiet kollha li jużaw il-muniti, il-Kummissjoni tippubblika deskrizzjoni tad-disinji tal-muniti l-ġodda kollha (1). F’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2009 (2), l-Istati Membri taż-Żona tal-Euro u l-pajjiżi li kkonkludew ftehim monetarju mal-Unjoni Ewropea li jipprevedi l-ħruġ ta’ muniti tal-euro huma awtorizzati li joħorġu muniti kommemorattivi tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni kemm-il darba jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet, b’mod partikolari li jintużaw muniti taż-żewġ euro biss. Dawn il-muniti għandhom l-istess karatteristiċi tekniċi bħall-muniti l-oħra taż-żewġ euro, iżda n-naħa nazzjonali tagħhom fiha disinn kommemorattiv li jkun simboliku ħafna f’termini nazzjonali jew Ewropej.

Il-pajjiż emittenti: Il-Litwanja

Is-suġġett tal-kommemorazzjoni: 100 sena ta’ basketball fil-Litwanja

Id-deskrizzjoni tad-disinn: Id-disinn juri l-kontorn tal-mappa tal-Litwanja rranġata bħala basketball court fiċ-ċentru, li jfisser li l-basketball diġà ilu jintlagħab fil-Litwanja għal 100 sena. Il-munita tinkludi wkoll l-iskrizzjonijiet “LIETUVA” (il-Litwanja), “1922-2022” u l-logo taz-zekka Litwana, il-manifattur tagħha, irranġati f’nofs ċirku madwar iċ-ċentru.

Iċ-ċirku ta’ barra tal-munita juri t-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.

L-għadd ta’ muniti li huwa stmat li se jinħarġu: 750 000

Id-data tal-ħruġ: Fit-tieni kwart tal-2022


(1)  Ara l-ĠU C 373, 28.12.2001, p. 1, għall-uċuħ nazzjonali tal-muniti kollha li nħarġu fl-2002.

(2)  Ara l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-10 ta’ Frar 2009 u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Diċembru 2008 dwar linji gwida komuni għall-uċuħ nazzjonali u l-ħruġ ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (ĠU L 9, 14.1.2009, p. 52).