20.12.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 484/32


Wiċċ nazzjonali ġdid ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni

(2022/C 484/14)

Image 1

Wiċċ nazzjonali għall-munita l-ġdida kommemorattiva taż-żewġ euro, maħsuba biex titqiegħed fiċ-ċirkolazzjoni u maħruġa mill-Andorra

Il-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni għandhom status ta’ valuta legali fiż-Żona tal-Euro. Biex tinforma lill-pubbliku u lill-partijiet kollha li jużaw il-muniti, il-Kummissjoni tippubblika deskrizzjoni tad-disinji tal-muniti l-ġodda kollha (1). F’konformità mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2009 (2), l-Istati Membri taż-Żona tal-Euro u l-pajjiżi li kkonkludew ftehim monetarju mal-Unjoni Ewropea li jipprevedi l-ħruġ ta’ muniti tal-euro huma awtorizzati li joħorġu muniti kommemorattivi tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni kemm-il darba jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet, b’mod partikolari li jintużaw muniti taż-żewġ euro biss. Dawn il-muniti għandhom l-istess karatteristiċi tekniċi bħall-muniti l-oħra taż-żewġ euro, iżda l-wiċċ nazzjonali tagħhom ikun fih disinn kommemorattiv li jkun tassew simboliku f’termini nazzjonali jew Ewropej.

Il-pajjiż emittenti: Andorra

Is-suġġett tal-kommemorazzjoni: Il-leġġenda ta’ Charlemagne

Id-deskrizzjoni tad-disinn: Il-leġġenda tgħid li Imperatur Charlemagne kien il-fundatur ta’ Andorra fis-sena 805 u li ta lill-abitanti tiegħu l-istatus legali tagħhom stess. Id-disinn tal-munita jirrappreżenta din il-leġġenda li għandha għeruq fondi fl-istorja u l-kultura ta’ Andorra u turi, fl-isfond tagħha, pajsaġġ b’muntanji u xmara, li jirrappreżenta x-xenarju għani tal-pajjiż, bl-isem tal-pajjiż emittenti “ANDORRA”. Il-faċċata tad-disinn turi riproduzzjoni parzjali tar-ritratt magħruf tal-Imperatur Charlemagne mill-artist Albrecht Dürer u s-sena tal-ħruġ “2022”.

Iċ-ċirku ta’ barra tal-munita juri t-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.

L-għadd ta’ muniti li huwa stmat li se jinħarġu: 70 000

Id-data tal-ħruġ: Fl-aħħar kwart tal-2022.


(1)  Ara l-ĠU C 373, 28.12.2001, p. 1, għall-uċuħ nazzjonali tal-muniti kollha li nħarġu fl-2002.

(2)  Ara l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-10 ta’ Frar 2009 u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Diċembru 2008 dwar linji-gwida komuni għall-uċuħ nazzjonali u l-ħruġ ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (ĠU L 9, 14.1.2009, p. 52).