20.12.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 484/25


Wiċċ nazzjonali ġdid ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni

(2022/C 484/07)

Image 1

Il-wiċċ nazzjonali tal-munita l-ġdida kommemorattiva taż-żewġ euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni u maħruġa mill-Belġju

Il-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni għandhom status ta’ valuta legali fiż-Żona tal-Euro. Biex tinforma lill-pubbliku u lill-partijiet kollha li jużaw il-muniti, il-Kummissjoni tippubblika deskrizzjoni tad-disinji tal-muniti l-ġodda kollha (1). F’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2009 (2), l-Istati Membri taż-Żona tal-Euro u l-pajjiżi li kkonkludew ftehim monetarju mal-Unjoni Ewropea li jipprevedi l-ħruġ ta’ muniti tal-euro huma awtorizzati li joħorġu muniti kommemorattivi tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni kemm-il darba jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet, b’mod partikolari li jintużaw muniti taż-żewġ euro biss. Dawn il-muniti għandhom l-istess karatteristiċi tekniċi bħall-muniti l-oħra taż-żewġ euro, iżda n-naħa nazzjonali tagħhom fiha disinn kommemorattiv li jkun simboliku ħafna f’termini nazzjonali jew Ewropej.

Il-pajjiż emittenti: Il-Belġju

Is-suġġett tal-kommemorazzjoni: Is-settur tal-kura tas-saħħa b’rikonoxximent tal-impenn eċċezzjonali matul il-pandemija tal-COVID-19

Id-deskrizzjoni tad-disinn: Id-disinn juri fil-parti ta’ ġewwa tal-munita l-persunal tas-saħħa. Fuq ix-xellug tista’ ssib l-iskrizzjoni “Danke - Merci - Dank u” flimkien ma’ diversi pittogrammi li jirreferu għas-settur tal-kura tas-saħħa. Minn fuq sal-qiegħ, jintwerew salib, stetoskopju, qalb, siringa, siġġu tar-roti u taħlita kimika. Fuq il-lemin estrem hemm l-inizjali tad-disinjatur, Luc Luycx. Billi z-Zekka Rjali tan-Netherlands se tkun responsabbli għall-ħruġ tal-muniti, il-marka taz-zekka ta’ Utrecht, il-bakketta ta’ merkurju tidher fuq ix-xellug flimkien mal-marka tal-mastru taz-zekka Belġjana, l-arma tal-muniċipalità ta’ Herzele, il-kodiċi tal-pajjiż BE u s-sena 2022.

Iċ-ċirku ta’ barra tal-munita juri t-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.

L-għadd ta’ muniti li huwa stmat li se jinħarġu: 2 000 000

Id-data tal-ħruġ: Fir-Rebbiegħa 2022


(1)  Ara ĠU C 373, 28.12.2001, p. 1, għall-uċuħ nazzjonali tal-muniti kollha li nħarġu fl-2002.

(2)  Ara l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-10 ta’ Frar 2009 u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Diċembru 2008 dwar linji-gwida komuni għall-uċuħ nazzjonali u l-ħruġ ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (ĠU L 9, 14.1.2009, p. 52-55).