21.10.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 405/1


Avviż ta’ pożizzjoni vakanti CONS/AD/181/22

(2022/C 405 A/01)

 

TAGĦRIF ĠENERALI

Dipartiment

ECOFIN.2

Post tax-xogħol

Brussell, Bini Justus Lipsius

Titlu tal-pożizzjoni

Direttur

Grupp tal-funzjoni u grad

AD 14

Approvazzjoni tas-sigurtà meħtieġa

SECRET UE/EU SECRET

DATA TAL-GĦELUQ GĦALL-APPLIKAZZJONIJIET

11 ta’ Novembru 2022 - 12:00 (nofsinhar) ħin ta’ Brussell

Min aħna

Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill (SĠK) jassisti lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill tal-UE u l-korpi preparatorji tagħhom fl-oqsma kollha tal-attivitajiet tagħhom. Taħt l-awtorità tas-Segretarju Ġenerali, dan jipprovdi pariri u sostenn lill-membri tal-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill u lill-Presidenzi tagħhom fl-oqsma kollha ta’ attività, inkluż pariri ta’ politika u legali, il-koordinazzjoni ma’ istituzzjonijiet oħra, l-elaborazzjoni ta’ kompromessi, is-superviżjoni kif ukoll it-trattament tal-aspetti prattiċi kollha li huma meħtieġa għat-tħejjija u t-tmexxija tajba tal-Kunsill Ewropew u l-Kunsill.

Id-Direttorat Ġenerali “Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji” (DG ECOFIN), fih żewġ direttorati: ECOFIN.1, li jittratta l-politika ekonomika u s-servizzi finanzjarji; u ECOFIN.2, li jittratta l-baġit, it-taxxa, l-unjoni doganali u l-politika ta’ koeżjoni. It-tnejn li huma jirrapportaw lid-Direttur Ġenerali. Id-Direttorat Ġenerali x’aktarx li jiġi riorganizzat fis-snin li ġejjin.

DG ECOFIN jikkoordina l-organizzazzjoni tal-konfigurazzjoni tal-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, li ġeneralment jiltaqa’ darba fix-xahar. Iservi wkoll lill-Kunsill tal-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji u lill-Kunsill Affarijiet Ġenerali-Koeżjoni. Fl-aħħar nett, DG ECOFIN huwa involut fit-tħejjija tal-laqgħat tal-Grupp tal-Euro, li huma laqgħat informali tal-Ministri għall-Finanzi tal-Istati Membri taż-Żona tal-Euro.

Id-Direttorat ECOFIN.2 jittratta l-baġit, it-taxxa, l-unjoni doganali u l-politika ta’ koeżjoni. Id-Direttorat jagħti pariri lill-presidenza tal-Kunsill u lill-President tal-Kunsill Ewropew u jgħin fit-tħejjija u jassisti lill-Kunsill ECOFIN, ECOFIN-Baġit u Kunsill Affarijiet Ġenerali (KAĠ)-Kunsill ta’ Koeżjoni u l-Coreper u l-gruppi ta’ ħidma rilevanti, bħall-Kumitat tal-Baġit, il-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Ġlieda kontra l-Frodi, il-Grupp ta’ Ħidma dwar ir-Riżorsi Proprji, il-Grupp ta’ Ħidma dwar miżuri strutturali u reġjuni ultraperiferiċi, il-Grupp ta’ Ħidma dwar Kwistjonijiet ta’ Taxxa fil-formazzjonijiet differenti tiegħu, il-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta, il-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Unjoni Doganali u l-Grupp dwar Krediti għall-Esportazzjoni.

Nipproponu

Il-kariga ta’ Direttur f’ECOFIN.2 hija pożizzjoni li toffri sfida f’ambjent politikament interessanti, b’varjetà ta’ partijiet ikkonċernati u persunal bi kwalifiki għolja.

Taħt l-awtorità tad-Direttur Ġenerali int ser tkun qed tmexxi u tikkoordina d-Direttorat tiegħek u r-riżorsi tiegħu b’mod professjonali, torganizza l-attivitajiet tiegħu u tappoġġa u timmotiva lill-persunal fil-ħidma tiegħu. Ser tiżgura l-kwalità tas-servizzi u l-prodotti pprovduti mid-Direttorat, kif ukoll il-komunikazzjoni u l-kooperazzjoni effettivi kemm ġewwa d-Direttorat kif ukoll fid-Direttorat Ġenerali kollu, u ma’ servizzi oħra tas-SĠK.

Ser tagħti pariri politiċi u proċedurali strateġiċi u ta’ livell għoli lill-Kunsill Ewropew, il-Kunsill, il-Coreper u l-Presidenzi tagħhom, u lis-Segretarju Ġenerali dwar l-aspetti kollha tad-dossiers fil-kompetenza tad-Direttorat. Ser tieħu sehem f’laqgħat u, fejn xieraq, f’laqgħat ta’ informazzjoni u/jew negozjati bil-ħsieb li jintlaħqu kompromessi u jinstabu soluzzjonijiet. F’dan il-kuntest, inti ser tassisti lill-Presidenzi fin-negozjati u tiżgura komunikazzjoni u kooperazzjoni effettivi ma’ istituzzjonijiet, aġenziji u korpi oħra tal-UE fl-oqsma ta’ kompetenza tad-Direttorat.

Inti ser tiddefinixxi l-objettivi li għandhom jintlaħqu u tikkontribwixxi biex dawn jintlaħqu billi tistabbilixxi l-programm ta’ ħidma tad-Direttorat u tiżgura l-monitoraġġ xieraq tal-implimentazzjoni tiegħu.

Ser tkun responsabbli wkoll biex tibda u tissorvelja attivitajiet ta’ analiżi tal-politiki bil-għan li tagħti pariri għat-teħid ta’ deċiżjonijiet fl-oqsma ta’ kompetenza tad-Direttorat.

Ser tkun tista’ tippjana u torganizza l-ħidma b’mod flessibbli, skont il-ħinijiet tax-xogħol u l-iskeda tal-laqgħat fil-qasam ta’ attività tad-Direttorat. Int u l-persunal tiegħek ser tkunu tistgħu tibbenefikaw mill-arranġamenti ta’ xogħol tas-SĠK, inkluż it-telexogħol.

Okkażjonalment ikunu meħtieġa missjonijiet barra mill-pajjiż (madwar seba’ darbiet fis-sena), normalment fl-UE.

Qed infittxu

Qed infittxu maniġer b’esperjenza fit-tfassil tal-politika tal-UE u l-proċess leġiżlattiv tal-UE, u b’għarfien estensiv tal-kwistjonijiet istituzzjonali tal-UE. Huma meħtieġa għarfien u esperjenza fl-oqsma koperti mid-Direttorat, b’mod partikolari l-baġit tal-UE u l-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP).

Il-maniġers kollha tas-SĠK huma mistennija jagħtu pariri lill-ġerarkija tagħhom u lill-partijiet ikkonċernati, imexxu l-persunal u jimmaniġġaw ir-riżorsi finanzjarji tagħhom u jirrappreżentaw lis-SĠK. Dawn l-aspettattivi huma mniżżla fil-profil orizzontali tal-maniġers tas-SĠK (1).

Barra minn hekk, il-persuna impjegata jeħtieġ ikollha:

il-kapaċità li taħseb u tippjana b’mod strateġiku, li tantiċipa u tidentifika problemi potenzjali u li tipproponi soluzzjonijiet u kompromessi fattibbli;

ħiliet ta’ tmexxija u l-kapaċità li tippromwovi spirtu ta’ tim qawwi u li tiggwida, timmotiva u tawtonomizza lill-persunal f’ambjent ta’ diversità u multikulturali, b’enfasi qawwija fuq l-iżvilupp tal-persunal;

sens ta’ diplomazija, tagħraf meta għandha tkun flessibbli u meta tkun soda waqt li toqgħod attenta għad-dettall mingħajr ma titlef l-istampa ġenerali;

il-kapaċità li tippromwovi u żżomm relazzjonijiet tax-xogħol tajba ma’ firxa ta’ interlokuturi interni u esterni;

il-kapaċità li tilħaq qbil jew għanijiet komuni billi tagħti pariri speċifiċi lill-partijiet ikkonċernati u billi tiffaċilita d-diskussjoni b’mod effettiv u kostruttiv;

il-kapaċità li torganizza x-xogħol ġenerali tad-Direttorat sabiex jintlaħqu l-iskadenzi kruċjali u li tiżgura t-tqassim ġust tax-xogħol fost il-membri tat-tim u l-ippjanar tas-suċċessjoni;

il-kapaċità li timmaniġġa t-tibdil u tappoġġa lill-persunal waqt it-tibdil;

ħiliet ta’ komunikazzjoni eċċellenti, inkluż ħiliet ta’ komunikazzjoni interpersonali.

Peress li s-SĠK iħaddan politika ta’ mobbiltà għall-maniġers tiegħu, li huma mistennija jkollhom esperjenza estensiva, il-kandidati għandhom ikunu lesti u kapaċi jaħdmu f’oqsma ta’ attività differenti matul il-karriera tagħhom fis-SĠK.

POLITIKA TA’ REKLUTAĠĠ

L-applikanti għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin fil-mument tal-applikazzjoni:

(a)   Kondizzjonijiet ġenerali

ikunu ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea;

igawdu mid-drittijiet kollha tagħhom bħala ċittadini;

ikunu wettqu kwalunkwe obbligu impost fuqhom mil-liġijiet dwar il-lieva.

(b)   Kondizzjonijiet speċifiċi

ikollhom lawrja universitarja (2);

ikollhom mill-inqas ħmistax-il sena esperjenza professjonali rilevanti li minnhom ikunu effettivament wettqu mill-inqas 3 snin f’responsabbiltajiet maniġerjali u organizzattivi. Tliet snin esperjenza f’kariga b’responsabbiltajiet sinifikanti ta’ koordinazzjoni jkunu ekwivalenti għall-esperjenza maniġerjali meħtieġa;

peress li l-Ingliż u l-Franċiż jintużaw b’mod estensiv għall-komunikazzjoni fis-SĠK u ma’ istituzzjonijiet oħra, huwa meħtieġ għarfien eċċellenti ta’ waħda miż-żewġ lingwi u għarfien tajjeb tal-oħra. L-għarfien ta’ lingwi uffiċjali oħra tal-UE jkun ta’ vantaġġ.

NB:

(1)

Din il-pożizzjoni tirrikjedi approvazzjoni tas-sigurtà li tippermetti aċċess għal dokumenti klassifikati (livell SECRET UE/EU SECRET). Il-kandidati li japplikaw għall-pożizzjoni jridu jkunu lesti jgħaddu minn investigazzjoni ta’ sigurtà skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (3). Il-ħatra għal din il-pożizzjoni ssir effettiva biss bil-kondizzjoni li l-kandidat magħżul jew magħżula tkun kisbet ċertifikat validu ta’ approvazzjoni tas-sigurtà. Kandidat mingħajr approvazzjoni tas-sigurtà jiġi offrut kuntratt temporanju sakemm jinkiseb ir-riżultat tal-proċedura tal-approvazzjoni tas-sigurtà.

(2)

Il-persuna magħżula minn fost il-kandidati għandha tkun lesta ssegwi l-programm ta’ taħriġ tas-SĠK fit-tmexxija.

PROĊEDURA TA’ SELEZZJONI

Fl-għażla tal-kandidati, l-Awtorità tal-Ħatra tiġi megħjuna minn bord konsultattiv ta’ selezzjoni. Il-bord konsultattiv ta’ selezzjoni jkollu l-appoġġ ta’ ċentru ta’ evalwazzjoni, immexxi minn konsulenti tar-reklutaġġ esterni. Rapporti stabbiliti miċ-ċentru ta’ evalwazzjoni għall-istess tip ta’ pożizzjoni ma jibqgħux validi wara sentejn mid-data li fiha saru l-eżerċizzji rilevanti jew mat-tmiem tal-kuntratt qafas bejn is-SĠK u ċ-ċentru ta’ evalwazzjoni inkwistjoni – skont liema data tiġi l-ewwel.

Il-bord konsultattiv ta’ selezzjoni l-ewwel jevalwa u jqabbel il-kwalifiki, l-esperjenza u l-motivazzjoni tal-applikanti kollha, abbażi tal-applikazzjonijiet tagħhom. Abbażi ta’ dik l-evalwazzjoni komparattiva, il-bord konsultattiv ta’ selezzjoni jagħmel lista ristretta tal-kandidati li, fl-opinjoni tiegħu, huma l-aktar adatti sabiex jiġu mistiedna għall-ewwel intervista. Peress li din l-ewwel selezzjoni hija bbażata fuq evalwazzjoni komparattiva tal-applikazzjonijiet, l-ilħuq tar-rekwiżiti għal din il-pożizzjoni vakanti ma jiggarantix stedina għall-ewwel intervista. Minn fost il-kandidati intervistati, il-bord konsultattiv ta’ selezzjoni jagħżel minn qabel il-kandidati biex jattendu ċ-ċentru ta’ evalwazzjoni, kif ukoll għat-tieni intervista mal-bord konsultattiv ta’ selezzjoni.

L-ippjanar proviżorju tal-proċedura ta’ selezzjoni huwa kif ġej:

huwa mistenni li l-kandidati magħżula għall-intervisti jiġu infurmati fit-tieni nofs ta’ Novembru 2022;

l-ewwel intervisti huma previsti li jsiru fl-aħħar ta’ Novembru 2022;

it-testijiet taċ-ċentru ta’ evalwazzjoni mistennija li jsiru fit-tieni nofs ta’ Diċembru 2022;

it-tieni ċiklu ta’ intervisti huwa previst għall-ewwel nofs ta’ Jannar 2023.

NB: L-iskeda ta’ hawn fuq hija purament indikattiva u tista’ tinbidel.

BAŻI ĠURIDIKA

Din il-pożizzjoni hija ppubblikata fl-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni Ewropea u barra mill-istituzzjonijiet, f’konformità mal-Artikolu 29, il-paragrafi 1 u 2 tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (4).

KIF TAPPLIKA

Id-data tal-għeluq għall-applikazzjonijiet hija l-11 ta’ Novembru 2022 f’12:00 (nofsinhar) ħin ta’ Brussell.

L-applikazzjonijiet jintlaqgħu biss bil-posta elettronika u jridu jintbagħtu lil: applications.management@consilium.europa.eu (5) mhux aktar tard mid-data u l-ħin tal-għeluq. Mhumiex ser jitqiesu l-applikazzjonijiet li jaslu tard.

Għandu jintuża l-indirizz elettroniku indikat hawn fuq għal kwalunkwe korrispondenza marbuta mal-proċedura tas-selezzjoni (fit-titlu tas-suġġett tal-email għandu jkun hemm ir-referenza li ġejja: CONS/AD/181/22)

Qabel ma jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom, il-kandidati għandhom jivverifikaw sew jekk jissodisfawx ir-rekwiżiti elenkati hawn fuq, taħt “Politika ta’ Reklutaġġ”, biex b’hekk jevitaw l-esklużjoni awtomatika mill-proċedura tas-selezzjoni.

Biex ikun validu, il-fajl tal-applikazzjoni jrid jinkludi d-dokumenti li ġejjin f’format pdf (NB: dokumenti maqfula, protetti bil-password jew b’firma elettronika mhumiex ser jiġu aċċettati):

(a)

il-formola ta’ applikazzjoni mimlija u datata kif suppost (il-fajl għandu jissemma “XXX (KUNJOMOK) – Formola ta’ applikazzjoni.pdf”); biex tniżżel il-formola ta’ applikazzjoni elettronika (EN jew FR), agħfas fuq il-ħolqa xierqa hawn taħt jew ikkopjaha u ppejstjaha fil-brawżer tiegħek (6):

https://www.consilium.europa.eu/media/53249/gsc-application_form_senior_management_en.docx

https://www.consilium.europa.eu/media/53248/gsc-application_form_senior_management_fr.docx

(b)

curriculum vitae dettaljat, bl-Ingliż jew bil-Franċiż (mingħajr ritratti), preferibbilment fil-format Europass (http://europass.cedefop.europa.eu), li jkopri l-karriera kollha tal-persuna li tapplika u jelenka, fost oħrajn, il-kwalifiki, l-għarfien lingwistiku, l-esperjenza u d-dmirijiet attwali tal-persuna li tapplika (il-fajl għandu jissemma “XXX (KUNJOMOK) – CV.pdf”);

(c)

ittra ta’ motivazzjoni, bl-Ingliż jew bil-Franċiż (il-fajl ikun imsemmi “XXX (KUNJOMOK) – Motivation letter.pdf”);

(d)

kopji tad-diplomi li jiċċertifikaw l-edukazzjoni u kopji tad-dokumenti u ċ-ċertifikati relatati mal-esperjenza professjonali miġbura flimkien f’dokument pdf wieħed. Mhux biżżejjed li tibgħat biss il-curriculum vitae msemmi taħt (b). Id-dokumenti ta’ prova jridu jkunu nħarġu minn parti terza (il-fajl ikun imsemmi “XXX (KUNJOMOK) – Supporting documents.pdf”).

Jekk ma jiġux inklużi dawn id-dokumenti l-applikazzjoni tkun invalida.

Id-dokumenti kollha ta’ prova msemmija taħt (d) għandhom jiġu nnumerati (Anness 1, 2, eċċ.) u miġbura flimkien kif imsemmi hawn fuq.

Applikazzjonijiet li jaslu bil-posta jew permezz ta’ soluzzjonijiet ta’ ħżin ta’ data bbażati fuq cloud jew pjattaformi għall-kondiviżjoni tal-fajls mhumiex ser jiġu kkunsidrati.

Il-persuna magħżula minn fost il-kandidati tintalab tipprovdi d-dokumenti oriġinali msemmija hawn fuq.

Il-kandidati jirċievu email sabiex tinfurmahom li l-applikazzjoni tagħhom tkun waslet. Madankollu, jistgħu jinqalgħu diffikultajiet tekniċi li jaffettwaw il-bgħit tal-emails. Għalhekk, il-kandidati li ma jirċevux email li tikkonferma l-wasla tal-applikazzjoni huma mitluba jikkuntattjaw lil applications.management@consilium.europa.eu. Peress li l-bord konsultattiv ta’ selezzjoni jibda l-ħidma tiegħu ftit wara d-data tal-għeluq għall-applikazzjonijiet, kull korrispondenza dwar il-wasla tal-applikazzjoni jenħtieġ issir fil-ġimgħa ta’ wara dik id-data.

DIVERSITÀ U INKLUŻJONI

Is-SĠK huwa impenjat favur id-diversità u l-inklużjoni. Għal aktar informazzjoni ara d-dikjarazzjoni rilevanti https://www.consilium.europa.eu/mt/general-secretariat/jobs/diversity-and-inclusion/.

RIEŻAMI TAL-APPLIKAZZJONIJIET

Għal informazzjoni dwar il-proċeduri marbuta mat-talbiet għal ilmenti, appelli u riferimenti lill-Ombudsman Ewropew tista’ tikkonsulta:

https://www.consilium.europa.eu/media/56631/complaint-mt.pdf.

PROTEZZJONI TAD-DATA

Ir-regoli li jirregolaw l-ipproċessar tad-data personali b’rabta ma’ din il-proċedura ta’ selezzjoni jinsabu fid-Dikjarazzjoni ta’ privatezza: https://www.consilium.europa.eu/media/56671/jobs-data-protection-083r00-mt.pdf.


(1)  https://www.consilium.europa.eu/media/53266/gsc-manager-profile-mt.pdf

(2)  L-Artikolu 5(3)(c) tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ir-Regolamenti tal-Persunal) jesiġi li l-applikanti jkollhom mill-inqas:

(i)

livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi ma’ studji universitarji kompluti, iċċertifikati b’diploma meta t-tul ta’ żmien normali tal-edukazzjoni universitarja jkun ta’ 4 snin jew aktar, jew

(ii)

livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi ma’ studji universitarji kompluti, iċċertifikati b’diploma u esperjenza professjonali adegwata ta’ mill-inqas sena meta t-tul ta’ żmien normali tal-edukazzjoni universitarja jkun ta’ mill-inqas 3 snin.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta’ Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).

(4)  Ir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ aġenti oħra tal-Unjoni Ewropea, stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1), test konsolidat disponibbli fuq

https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A01962R0031-20220101.

(5)  Dan l-indirizz elettroniku huwa kkollegat ma’ indirizz elettroniku funzjonali u jista’ jittratta biss messaġġi b’livell ta’ kunfidenzjalità “Normali”; emails mibgħuta b’livell ieħor ta’ kunfidenzjalità (eż. “Personali”, “Privat”, “Kunfidenzjali”) ma jistgħux jiġu pproċessati. Għaldaqstant agħżel il-livell ta’ kunfidenzjalità “Normali”. L-email tiegħek ma tridx tkun akbar minn 25MB. Jekk id-daqs tal-email tiegħek bl-hemżiet magħha jaqbeż dan id-daqs massimu, jekk jogħġbok qassam l-hemżiet tiegħek fuq għadd ta’ emails.

(6)  Jekk teħtieġ aktar informazzjoni u/jew tiltaqa’ ma’ problemi tekniċi, jekk jogħġbok ibgħat email lil: applications.management@consilium.europa.eu