28.4.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 174/1


SEJĦA GĦAL KANDIDATURI — DIRETTUR TAL-KOMUNIKAZZJONI (GRAD AD 14 JEW AD 15)

(2022/C 174 A/01)

Il-pożizzjoni ta’ Direttur tal-Komunikazzjoni (Grad AD 14 jew AD 15) fi ħdan id-Direttorat Ġenerali tal-Informazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea dalwaqt ser tkun vakanti. Din il-pożizzjoni ser timtela skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (1).

I.   NATURA TAL-FUNZJONIJIET

Taħt l-awtorità tad-Direttriċi Ġenerali tal-Informazzjoni, il-persuna li tokkupa din il-pożizzjoni hija responsabbli għat-tmexxija tad-Direttorat tal-Komunikazzjoni kif ukoll mill-organizzazzjoni u mill-koordinazzjoni tal-attivitajiet tiegħu.

Id-Direttorat tal-Komunikazzjoni huwa responsabbli għad-dipartimenti kollha relatati mal-komunikazzjoni u max-xandir ta’ informazzjoni relatata mal-attività ġudizzjarja u istituzzjonali tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Qorti tal-Ġustizzja”), u jiżgura l-organizzazzjoni tal-avvenimenti u tal-attivitajiet kollha ta’ komunikazzjoni u informazzjoni, kemm jekk internament kif ukoll jekk esternament.

Bħala l-interface tal-Qorti tal-Ġustizzja mad-dinja esterna, id-Direttorat tal-Komunikazzjoni jipproponi u jimplimenta l-politika ta’ komunikazzjoni esterna tal-Istituzzjoni. F’dan il-kuntest, huwa jiżgura l-ġestjoni tar-relazzjonijiet mal-istampa u media oħra, iwieġeb għal talbiet ta’ informazzjoni mill-pubbliku, jorganizza diversi avvenimenti indirizzati lejn iċ-ċittadini (bħall-ġurnata tal-bibien miftuħa tal-Istituzzjoni) u jiżgura adattament kontinwu tal-kanali u tal-għodda ta’ komunikazzjoni diġitali li hija tuża sabiex tippreżenta jew tippubblika informazzjoni (bħas-sit internet u l-media soċjali tagħha).

Barra minn hekk, id-Direttorat tal-Komunikazzjoni jikkoordina l-politika tal-pubblikazzjoni tal-Istituzzjoni u jissorvelja l-produzzjoni tal-pubblikazzjonijiet mhux ġudizzjarji, b’mod partikolari r-Rapport Annwali tal-Istituzzjoni.

Fl-aħħar, id-Direttorat tal-Komunikazzjoni huwa responsabbli għall-komunikazzjoni interna, għas-servizzi tal-video u fotografiċi, għas-servizzi tad-disinn grafiku kif ukoll għall-identità viżiva tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Attwalment kompost minn żewġ diviżjonijiet, id-Diviżjoni tal-Istampa u tal-Informazzjoni u d-Diviżjoni tal-Pubblikazzjonijiet u tal-Media Elettronika, id-Direttorat huwa magħmul minn tim ta’ madwar 40 persuna u għandu baġit ta’ madwar EUR 1miljun sabiex jiżgura t-twettiq tal-kompiti tiegħu.

Id-Direttur tal-Komunikazzjoni huwa responsabbli mill-implimentazzjoni tal-linji strateġiċi stabbiliti mid-Direttorat Ġenerali tal-Informazzjoni u jipproponi, f’dan il-kuntest, il-politiki li jaqgħu taħt il-kamp ta’ kompetenza tiegħu, bħall-politika ta’ komunikazzjoni esterna u interna. Sabiex jiżgura l-koerenza tal-azzjoni tiegħu, huwa jfassal pjan ġenerali li jiddefinixxi programmi ta’ ħidma pluriannwali fid-dawl tal-linji gwida li ġew adottati u tal-prijoritajiet li jirriżultaw minnhom.

Id-direttur huwa wkoll responsabbli għall-ippjanar tal-baġit, għall-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ ħidma annwali u għat-tfassil tar-rapporti intiżi li jagħtu rendikont tal-attività tad-Direttorat. Huwa jiżgura l-konformità tal-azzjoni tad-Direttorat fid-dawl tal-leġiżlazzjoni applikabbli u jiżgura, fil-kapaċità tiegħu ta’ uffiċjal awtorizzat b’sottodelega għall-ispejjeż ta’ komunikazzjoni, l-osservanza tal-leġiżlazzjoni finanzjarja, b’mod partikolari fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi.

Fl-aħħar, huwa jirrappreżenta lill-Istituzzjoni fi ħdan korpi u istanzi esterni u, b’mod partikolari, fi ħdan il-kumitati interistituzzjonali fil-qasam tal-komunikazzjoni.

II.   IL-PROFIL IMFITTEX

Konoxxenza tajba tal-missjonijiet, tal-funzjonament u tal-istruttura tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;

Kapaċità li jmexxi u jimmotiva tim kunsiderevoli ta’ professjonisti kompetenti, speċjalizzati fil-qasam tal-komunikazzjoni;

Ħiliet eċċellenti fil-qasam ta’ ġestjoni u kapaċità ta’ tmexxija ta’ entità amministrattiva bbażata fuq il-provvista ta’ servizz f’ambjent multikulturali;

Kapaċità li jifhem l-isfidi li jaffaċċjaw organizzazzjonijiet kbar fil-qasam tal-komunikazzjoni;

Esperjenza kkonfermata fl-ippjanar u fil-ġestjoni tar-riżorsi umani u finanzjarji;

Ħiliet solidi fil-qasam tal-komunikazzjoni u ta’ negozjazzjoni, kif ukoll sens żviluppat ta’ relazzjonijiet interpersonali, sabiex jinħolqu u jinżammu relazzjonijiet eċċellenti, minn naħa, mal-Istati Membri, mar-Reġistri u mad-dipartimenti tal-Istituzzjoni, u, min-naħa l-oħra, mal-istituzzjonijiet u mal-imsieħba esterni l-oħra;

Esperjenza prattika pprovata fil-qasam tal-ippjanar u tal-ġestjoni ta’ proġetti;

Kapaċità li jfassal objettivi strateġiċi fil-qasam tal-komunikazzjoni, li dawn jiġu tradotti fi proposti ta’ azzjonijiet konkreti u li jiġu implimentati b’teħid inkunsiderazzjoni b’mod ibbilanċjat tal-bżonnijiet, tar-riżorsi disponibbli u tal-limitazzjonijiet;

Kapaċità li jipprovdi konsulenza lill-Membri, lir-Reġistri u lid-dipartimenti tal-Istituzzjoni fil-qasam tal-komunikazzjoni;

Kapaċitajiet eċċellenti ta’ analiżi u ħila li jidentifika l-iktar punti importanti;

Konoxxenza tajba tar-regoli finanzjarji applikabbli għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew konoxxenza tajba fil-qasam tal-ġestjoni tal-baġits u ta’ kuntratti importanti.

III.   KUNDIZZJONIJIET MEĦTIEĠA

Il-kandidati għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-ħatra bħala uffiċjal previsti fir-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea. Għal din il-pożizzjoni, huma għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet minimi li ġejjin:

ikunu laħqu livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal programm sħiħ ta’ studji universitarji ċċertifikati b’diploma fil-liġi;

ikunu kisbu esperjenza professjonali rilevanti ta’ minn tal-inqas għaxar snin;

ikollhom konoxxenza approfondita ta’ lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u konoxxenza sodisfaċenti ta’ lingwa uffiċjali oħra tal-Unjoni Ewropea. Għal raġunijiet marbuta mas-servizz, hija meħtieġa konoxxenza tajba tal-lingwa Ingliża u ta’ dik Franċiża.

IV.   REMUNERAZZJONI U KUNDIZZJONIJIET TA’ IMPJIEG

Ir-remunerazzjoni u l-kundizzjonijiet ta’ impjieg huma dawk previsti mir-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea għall-uffiċjali fi grad AD 14 jew AD 15. Bħala indikazzjoni, is-salarju bażiku mensili ta’ uffiċjal fil-grad AD 14, skala 1, huwa ta’ EUR 15 255 u dak għall-grad AD 15, skala 1, huwa ta’ EUR 17 226. Tinġibed l-attenzjoni tal-kandidati għall-obbligu impost mir-Regolamenti tal-Persunal fuq kull membru ġdid tal-persunal li jwettaq b’suċċess perjodu ta’ prova ta’ disa’ xhur.

V.   POLITIKA TA’ REKLUTAĠĠ

Il-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura opportunitajiet ugwali, bla ħsara għall-evalwazzjoni komparattiva tal-merti tal-kandidati, u l-ugwaljanza fit-trattament għall-persuni kollha li jesprimu l-interess tagħhom f’pożizzjoni vakanti. Hija tinkoraġġixxi b’mod attiv il-preżentazzjoni ta’ kandidaturi differenti minn kandidati li għandhom esperjenza, kompetenzi u konoxxenzi differenti, fuq l-iktar bażi ġeografika wiesgħa possibbli fost iċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

Għal informazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data, irreferi għad-dikjarazzjoni ta’ kunfidenzjalità li ġejja: https://curia.europa.eu/jcms/jcms/P_95038/

VI.   PREŻENTAZZJONI TA’ KANDIDATURI

Il-kandidati għal din il-pożizzjoni huma mistiedna jibagħtu l-kandidatura tagħhom permezz ta’ ittra elettronika biss, fuq l-indirizz elettroniku DIR-COM@curia.europa.eu sa mhux iktar tard mit-30 ta’ Mejju 2022. Mal-kandidatura għandhom jintbagħtu curriculum vitae ddettaljat kif ukoll kwalunkwe dokument utli ieħor. Il-kandidati għandhom jibagħtu wkoll, mal-att ta’ kandidatura tagħhom, ittra ta’ motivazzjoni kif ukoll espożizzjoni qasira (ta’ mhux iktar minn 5 paġni) dwar il-viżjoni tagħhom tal-attivitajiet u tal-ġestjoni tad-direttorat ikkonċernat mis-sejħa għal kandidaturi.


(1)  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:01962R0031-20220101&qid=1612273468772&from=MT