|
23.2.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CA 87/1 |
SEJĦA GĦAL KANDIDATURI
(2022/C 87 A/01)
Il-pożizzjoni ta’ Direttur tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni (grad AD 14 jew AD 15) fid-Direttorat Ġenerali tal-Informazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ser tinsab vakanti. Din il-pożizzjoni ser timtela skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea.
I. NATURA TAL-FUNZJONIJIET
Taħt l-awtorità tad-Direttriċi Ġenerali tal-Informazzjoni, il-persuna li tokkupa din il-pożizzjoni hija responsabbli għat-tmexxija tad-Direttorat tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni (iktar ’il quddiem id-“DTI”) u tidderiġi u tikkoordina l-attivitajiet tiegħu.
Id-DTI huwa responsabbli għad-dipartimenti kollha marbuta mat-teknoloġiji tal-informazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Qorti tal-Ġustizzja”), u għandu rwol ċentrali għall-funzjonament tajjeb u għall-iżvilipp tas-sistema ta’ informazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Huwa jikkontribwixxi għall-modernizzazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja bl-implimentazzjoni ta’ viżjoni u ta’ strateġija moderni u dinamiċi fir-rigward tal-futur tal-informatika, li d-Direttur huwa mistenni jidentifika u jfassal b’mod koerenti mal-prijoritajiet iddefiniti mill-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl tal-ħtiġijiet speċifiċi ta’ istituzzjoni ġudizzjarja.
Għal dan l-għan, l-attività tad-DTI tinkludi b’mod partikolari: l-analiżi, l-iddisinjar, l-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-manutenzjoni ta’ għodod tal-informatika; id-definizzjoni, l-implimentazzjoni u l-ġestjoni tal-infrastrutturi tal-informatika (network, telefonija fissa u ċellulari, ċentru ta’ data, sit ta’ back-up, kompjuters, fotokopjaturi multifunzjonijiet, eċċ.); għajnuna lill-utenti, kif ukoll il-ġestjoni teknika u l-installazzjonijiet multimedjali fl-awli fejn jinżammu s-seduti.
F’dan il-kuntest, id-Direttur tad-DTI jipprovdi l-konsulenza tiegħu lid-dipartimenti u lill-istanzi kompetenti tal-Qorti tal-Ġustizzja u jipproponilhom l-istrateġija tal-informatika li għandha tiġi segwita fuq perijodu qasir, medju u twil, espressa b’mod partikolari fl-iskema prinċipali li tinkludi pjanijiet ta’ ħidma pluriannwali stabbiliti fid-dawl tal-iżvilupp mixtieq għas-sistema ta’ informazzjoni u tal-prijoritajiet riżultanti. F’dan ir-rigward, huwa jipprepara proposti u rapporti. Huwa jiżgura wkoll l-ippjanar baġitarju u l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ ħidma.
Huwa jissorvelja tim kompost minn madwar tmenin uffiċjal u membri tal-persunal, maqsuma f’erba’ diviżjonijiet amministrattivi kif ukoll il-prestazzjonijiet ipprovduti minn kumpanniji esterni. Il-baġit annwali tad-DTI għat-tagħmir u għall-prestazzjonijiet esterni jammonta għal madwar EUR 25 miljun.
Huwa jiżgura l-konformità tas-sistemi tal-informatika mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ. Fil-kwalità tiegħu ta’ uffiċjal awtorizzat b’sottodelega fir-rigward tal-ispejjeż fil-qasam tat-teknoloġiji tal-informazzjoni, huwa jiżgura l-osservanza tal-leġiżlazzjoni finanzjarja b’mod partikolari fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi.
Id-Direttur tad-DTI jirrappreżenta lill-istituzzjoni fi ħdan korpi u istanzi esterni u, b’mod partikolari, fi ħdan il-kumitati interistituzzjonali fil-qasam tal-informatika.
II. PROFIL IMFITTEX
|
— |
Kapaċità li jmexxi u jimmotiva tim ta’ daqs kunsiderevoli kompost minn professjonisti kompetenti, speċjalisti fl-oqsma tal-informatika; kapaċitajiet eċċellenti fil-qasam tal-ġestjoni u kapaċità li jmexxi entità amministrattiva ffokata fuq il-provvista ta’ servizz f’ambjent multikulturali; kapaċità li jifhem l-isfidi li jaffaċċjaw l-organizzazzjonijiet il-kbar fl-iddisinjar, fl-iżvilupp u fl-evoluzzjoni ta’ sistemi ta’ informazzjoni interni li jissodisfaw ir-rekwiżiti professjonali; |
|
— |
esperjenza kkonfermata fl-ippjanar u fil-ġestjoni effikaċi tar-riżorsi umani u tar-riżorsi finanzjarji; |
|
— |
sens żviluppat ta’ komunikazzjoni u ta’ relazzjonijiet interpersonali, sabiex jinħolqu u jinżammu relazzjonijiet eċċellenti mal-uffiċċji tal-Membri, mar-Reġistri u mad-dipartimenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll mal-istituzzjonijiet l-oħra; |
|
— |
esperjenza prattika pprovata fil-qasam tal-ippjanar u tal-ġestjoni ta’ proġetti; |
|
— |
kapaċità li jfassal strateġija għall-iżvilupp ta’ sistemi ta’ informazzjoni u għall-provvista ta’ servizzi fi ħdan il-Qorti tal-Ġustizzja li jieħdu inkunsiderazzjoni l-ħtiġijiet, ir-riżorsi u l-limitazzjonijiet; |
|
— |
kapaċità li jipprovdi konsulenza lill-uffiċċji tal-Membri, lir-Reġistri u lid-dipartimenti tal-istituzzjoni fil-qasam tal-informatika; |
|
— |
kapaċità eċċellenti ta’ analiżi, kapaċità li jidentifika l-punti prinċipali, li jiddefinixxi u li jfassal l-għanijiet strateġiċi u li jesprimihom fi proposti ta’ azzjoni konkreti; |
|
— |
konoxxenza tajba tar-regoli finanzjarji applikabbli għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew konoxxenza tajba fil-qasam tal-ġestjoni tal-baġits u ta’ kuntratti importanti. |
III. KUNDIZZJONIJIET MEĦTIEĠA
Il-kandidati għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-ħatra bħala uffiċjal previsti fir-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea. Fir-rigward ta’ din il-pożizzjoni, il-kandidati għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet minimi segwenti:
|
— |
ikunu laħqu livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal programm sħiħ ta’ studji universitarji ċċertifikati b’diploma; |
|
— |
ikunu kisbu esperjenza professjonali ta’ minn tal-inqas għaxar snin fl-oqsma deskritti fil-punt I. “Natura tal-funzjonijiet”; |
|
— |
ikollhom konoxxenza approfondita ta’ lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u konoxxenza sodisfaċenti ta’ lingwa uffiċjali oħra tal-Unjoni Ewropea. Għal raġunijiet marbuta mas-servizz, hija meħtieġa konoxxenza tajba tal-lingwa Ingliża. |
IV. REMUNERAZZJONI U KUNDIZZJONIJIET TA’ IMPJIEG
Ir-remunerazzjoni u l-kundizzjonijiet ta’ impjieg huma dawk previsti fir-Regolamenti tal-Persunal għall-uffiċjali fi grad AD 14 jew AD 15 tal-Unjoni Ewropea. Bħala indikazzjoni, is-salarju bażiku mensili ta’ uffiċjal fil-grad AD 14, skala 1, huwa ta’ EUR 15 255 u dak għall-grad AD 15, skala 1, huwa ta’ EUR 17 226. Tinġibed l-attenzjoni tal-kandidati għall-obbligu impost mir-Regolamenti tal-Persunal fuq kull membru ġdid tal-persunal li jwettaq b’suċċess perijodu ta’ prova ta’ disa’ xhur.
V. POLITIKA TA’ REKLUTAĠĠ
Il-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura opportunitajiet ugwali, bla ħsara għall-evalwazzjoni komparattiva tal-merti tal-kandidati, u l-ugwaljanza fit-trattament għall-persuni kollha li jesprimu l-interess tagħhom f’pożizzjoni vakanti. Hija tinkoraġġixxi b’mod attiv il-preżentazzjoni ta’ kandidaturi differenti minn kandidati li għandhom esperjenza, kompetenzi u konoxxenzi differenti, fuq l-iktar bażi ġeografika wiesgħa possibbli fost iċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.
Għal informazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data, irreferi għad-dikjarazzjoni ta’ kunfidenzjalità speċifika: https://curia.europa.eu/jcms/jcms/P_95038/
VI. PREŻENTAZZJONI TA’ KANDIDATURI
Il-kandidati għal din il-pożizzjoni huma mistiedna jibagħtu l-kandidatura tagħhom permezz ta’ ittra elettronika biss, fuq l-indirizz elettroniku DIR-DTI@curia.europa.eu, sa mhux iktar tard mit-22 ta’ Marzu 2022. Mal-kandidatura għandhom jintbagħtu curriculum vitae ddettaljat kif ukoll kwalunkwe dokument utli ieħor. Il-kandidati għandhom jibagħtu wkoll, mal-att ta’ kandidatura tagħhom, ittra ta’ motivazzjoni kif ukoll espożizzjoni qasira (ta’ mhux iktar minn 5 paġni) dwar il-viżjoni tagħhom tal-attivitajiet u tal-ġestjoni tad-direttorat ikkonċernat mis-sejħa għal kandidaturi.
Approvata fit-8 ta’ Frar 2022.