11.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 70/1


Avviż ta’ pożizzjoni vakanti CONS/AD/176/22

(2022/C 70 A/01)

 

TAGĦRIF ĠENERALI

Dipartiment

ORG.2.A

Post tax-xogħol

Brussell, Bini Justus Lipsius

Titlu tal-pożizzjoni

Kap ta’ Unità – Viċi Kap tal-Protokoll

Grupp tal-funzjoni u grad

AD 9

Approvazzjoni tas-sigurtà meħtieġa

EU SECRET

SKADENZA GĦALL-APPLIKAZZJONIJIET

It-28 ta’ Frar 2022 — 12:00 nofsinhar (ħin ta’ Brussell)

Min aħna

Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill (SĠK) jassisti lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill tal-UE u l-korpi preparatorji tagħhom fl-oqsma kollha tal-attivitajiet tagħhom. Jipprovdi pariri u sostenn lill-membri tal-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill u lill-Presidenti tagħhom, inkluż pariri legali u ta’ politika, koordinazzjoni ma’ istituzzjonijiet oħra, tfassil ta’ kompromessi u abbozzar, kif ukoll jittratta l-aspetti prattiċi kollha li huma meħtieġa għat-tħejjija u t-tmexxija bla xkiel tal-Kunsill Ewropew u l-Kunsill.

Id-Direttorat Ġenerali għall-Iżvilupp Organizzattiv u s-Servizzi (DG ORG) huwa responsabbli għall-ġestjoni strateġika ġenerali tal-iżvilupp organizzattiv u s-servizzi tas-SĠK. Attwalment id-Direttorat Ġenerali jikkonsisti minn ħames Direttorati (Riżorsi Umani, Protokoll u Laqgħat, Bini u Loġistika, Finanzi, u Sikurezza u Sigurtà).

Id-Direttorat għall-Protokoll u l-Laqgħat (ORG.2) jipprovdi servizzi tal-ogħla kwalità (ġestjoni ta’ avvenimenti, protokoll, kmamar tal-laqgħat u teknoloġija adatti, servizzi ta’ catering, amministrazzjoni tal-ispejjeż għall-ivvjaġġar tad-delegati) meħtieġa biex jiġu ospitati laqgħat ta’ livell għoli, fi Brussell, fil-Lussemburgu kif ukoll bnadi oħra fid-dinja. Il-missjoni tiegħu hija li jirrispondi malajr u b’mod flessibbli biex jipprovdi s-servizzi kollha meħtieġa biex jiġu ospitati laqgħat u avvenimenti uffiċjali.

Id-Direttorat huwa wkoll responsabbli għall-protokoll, il-loġistika u l-arranġamenti tal-ivvjaġġar tal-President tal-Kunsill Ewropew u tal-Kabinett tiegħu fil-Belġju kif ukoll barra.

Bħalissa d-Direttorat huwa magħmul minn madwar 200 persuna u erba’ Unitajiet: “Protokoll”, “Laqgħat”, “Catering” u “Appoġġ”, u għandu baġit annwali ta’ aktar minn EUR 100 miljun.

L-Unità tal-Protokoll hija responsabbli, fis-sitwazzjoni ġeopolitika unika u diffiċli tal-lum, għall-arranġamenti kollha tal-protokoll tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill, li jvarjaw minn summits bilaterali fi Brussell għal ċerimonji ta’ akkreditazzjoni ta’ ambaxxaturi ta’ pajjiżi terzi, għal ikliet fil-livell tal-ambaxxaturi u sa dak ta’ Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern, fi Brussell jew bnadi oħra, u sal-parteċipazzjoni tal-UE f’avvenimenti ta’ livell għoli barra mill-pajjiż. L-unità hi magħmula minn tliet timijiet tal-protokoll li jittrattaw: ilqugħ ta’ żjarat u avvenimenti ta’ livell għoli; ikliet u riċevimenti tal-protokoll; u missjonijiet mill-President tal-Kunsill Ewropew u l-kabinett tiegħu barra mill-bini tas-SĠK. Barra minn hekk, hemm uffiċċju responsabbli għall-punti ta’ akkoljenza u l-iswiċċbord.

Nipproponu

Taħt l-awtorità tad-Direttur ta’ ORG.2 Protokoll u Laqgħat u Kap tal-Protokoll, int ser tmexxi, tagħti appoġġ u motivazzjoni lil unità ta’ madwar 30 membru tal-persunal li jaħdmu b’impenn f’ambjent dinamiku u ta’ sfida.

Jista’ jkun meħtieġ li int tamministra l-unità u torganizza l-attivitajiet u r-riżorsi b’mod li jippermettilha tkun reattiva u flessibbli, u li tipprovdi s-servizzi meħtieġa – barra mill-ħinijiet regolari tax-xogħol meta meħtieġ.

Huwa mistenni li int tinvesti fl-iżvilupp tal-persunal u li tadotta miżuri biex ikun jista’ jipprovdi xogħol ta’ eċċellenza.

Int ser tiżgura l-komunikazzjoni effettiva u l-kooperazzjoni fi ħdan l-unità, ma’ servizzi oħra tas-SĠK kif ukoll ma’ partijiet esterni kkonċernati.

Int ser tkun inkarigat/a mill-organizzazzjoni ta’ summits bilaterali, ċerimonji ta’ akkreditazzjoni ta’ ambaxxaturi ta’ pajjiżi terzi, ċerimonji ta’ ffirmar u rigali ta’ protokoll. Ser tieħu ħsieb iż-żjarat protokollari (fil-livell tal-ambaxxaturi jew ogħla) lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill kif ukoll lil uffiċjali għolja tas-SĠK. Barra minn hekk, int ser tkun inkarigat/a mill-arranġamenti protokollari marbuta ma’ summits multilaterali, ikliet, riċevimenti u ċerimonji ta’ livell għoli. Int ser tkun inkarigat/a mill-organizzazzjoni tal-missjonijiet tal-President tal-Kunsill Ewropew u l-kabinett tiegħu barra mill-bini tas-SĠK.

Int ser tamministra l-uffiċċju responsabbli għall-punti ta’ akkoljenza u l-iswiċċbord tas-SĠK.

Ser tamministra l-linji baġitarji marbuta mal-oġġetti ta’ protokoll bħal rigali, fjuri u midalji kif ukoll ċertu tip ta’ catering; u ser tiżgura l-implimentazzjoni tal-kuntratti f’dan il-qasam.

Int ser tiżgura li s-SĠK għandu data adegwata u aġġornata dwar l-attivitajiet protokollari tiegħu kif ukoll, kif meħtieġ, dwar Stati Membri u pajjiżi terzi. Ser tiżgura li jinżammu fajls kompleti u aġġornati rigward avvenimenti ta’ protokoll f’konformità mar-rekords dwar il-protezzjoni tad-data.

Bħala Viċi Kap tal-Protokoll, ser tassisti u/jew tissostitwixxi l-Kap tal-Protokoll, meta meħtieġ, biex tipprovdi Appoġġ protokollari lill-President tal-Kunsill Ewropew jew lill-Kunsill Ewropew fi kwalunkwe post fid-dinja, skont l-avveniment.

Ser tkun tista’ tippjana u torganizza x-xogħol b’mod flessibbli, skont il-ħinijiet tax-xogħol u l-ħtiġijiet tas-servizz. Ser japplikaw regolarment ħinijiet tax-xogħol atipiċi b’rabta mat-tmexxija ta’ avvenimenti kumplessi jew ta’ livell għoli. L-ippjanar tal-leave u ż-żmien ’il bogħod mix-xogħol irid ikun allinjat mal-kalendarju tal-avvenimenti. In-natura operazzjonali tal-pożizzjoni teħtieġ preżenza fiżika frekwenti u mhix kompatibbli ma’ telexogħol regolari. Inti u l-persunal tiegħek ser tibbenefikaw mill-arranġamenti tax-xogħol flessibbli tas-SĠK, inkluż it-telexogħol okkażjonali.

Din il-pożizzjoni timplika vjaġġar regolari fuq missjonijiet, normalment barra mill-UE. Tista’ tkun meħtieġa disponibbiltà bi preavviż qasir u barra mill-ħinijiet regolari tax-xogħol.

Qed infittxu

Qed infittxu maniġer b’sens qawwi ta’ diplomazija u viżjoni ġeopolitika soda, li huma kompetenzi ewlenin għal dan ix-xogħol.

Huma meħtieġa ħiliet interpersonali b’saħħithom kif ukoll sensittività interkulturali, inkuż il-kapaċità li wieħed jistabbilixxi u jżomm relazzjonijiet professjonali ma’ firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati kemm interni kif ukoll esterni minn madwar id-dinja.

Huwa meħtieġ għarfien sod tal-politiki u l-istituzzjonijiet tal-UE. L-esperjenza f’karriera diplomatika nazzjonali, inkluż karigi barra mill-pajjiż, tkun ta’ vantaġġ.

L-esperjenza fl-organizzazzjoni ta’ avvenimenti fuq skala kbira bil-parteċipazzjoni ta’ rappreżentanti politiċi ta’ livell għoli u l-għarfien tar-regoli tal-protokoll ikunu ta’ vantaġġ.

L-orjentazzjoni lejn is-servizz, il-kapaċità ta’ antiċipazzjoni, ir-reattività immedjata u l-kreattività biex tinstab soluzzjoni għall-problemi huma wkoll essenzjali għall-pożizzjoni, kif inhu l-każ għall-persunal kollu fid-Direttorat.

Il-kap tal-unità futur għandu juri reżiljenza, flimkien ma’ flessibbiltà u kapaċità ta’ adattament fi żmien qasir. Ħiliet organizzattivi u ta’ komunikazzjoni b’saħħithom huma essenzjali.

Il-maniġers kollha tas-SĠK huma mistennija jagħtu pariri lill-ġerarkija tagħhom u lill-partijiet ikkonċernati, imexxu l-persunal u r-riżorsi finanzjarji tagħhom u jirrappreżentaw lis-SĠK. Dawn l-aspettattivi huma mfissra fil-profil orizzontali tal-maniġers tas-SĠK (1).

Barra minn hekk, il-persuna impjegata jeħtieġ ikollha:

kapaċitajiet ta’ tmexxija u l-kapaċità li tiggwida, timmotiva u tawtonomizza l-persunal f’ambjent ta’ diversità u multikulturali, b’enfasi qawwija fuq l-iżvilupp tal-persunal u l-kapaċità li tippromwovi d-diversità u l-inklużjoni;

il-kapaċità li tisma’ u tirreaġixxi attivament għall-fehmiet u l-bżonnijiet tal-partijiet ikkonċernati, u li tiggwidahom lejn eżiti kostruttivi;

il-kapaċità li tinvolvi ruħha fi djalogu miftuħ mal-persunal, toħloq atmosfera ta’ ħidma kostruttiva u pożittiva, li b’mod attiv trawwem l-innovazzjoni u tismal-ideat tagħhom dwar approċċi ġodda, metodi ta’ ħidma ġodda u l-applikazzjoni tal-aħħar teknoloġiji;

il-kapaċità li tiffaċilita l-ħidma kollaborattiva fuq proġetti u kwistjonijiet trażversali, inkluż ma’ persunal minn unitajiet oħra, u li tiżgura l-koerenza f’fergħat differenti tax-xogħol li huma trażversali għall-organizzazzjoni kollha kemm hi;

il-kapaċità li tippjana b’mod proattiv, inkluż dwar il-persunal, il-finanzi, il-baġit u l-loġistika; u li tipprijoritizza, tikkoordina u torganizza x-xogħol f’għadd konsiderevoli ta’ attivitajiet paralleli;

il-kapaċità li tieħu responsabbiltà għall-prestazzjoni tagħha u dik tat-tim tagħha, kif ukoll għal deċiżjonijiet meħuda, filwaqt li taġixxi bħala mudell ta’ riferiment u tamministra l-iżvilupp proprju tagħha;

il-ħila li timmaniġġa l-bidla u tappoġġa lill-persunal waqt il-bidla;

il-kapaċità li tirrappreżenta lill-unità internament u lis-SĠK f’diskussjonijiet interistituzzjonali.

Peress li s-SĠK iħaddan politika ta’ mobbiltà għall-maniġers tiegħu, li huma mistennija jkollhom esperjenza estensiva, il-kandidati għandhom ikunu lesti u kapaċi jaħdmu f’oqsma ta’ attività differenti matul il-karriera tagħhom fis-SĠK.

POLITIKA TA’ REKLUTAĠĠ

Fil-mument tal-applikazzjoni, l-applikanti jridu jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

Kondizzjonijiet ġenerali

ikunu ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea;

igawdu d-drittijiet kollha tagħhom bħala ċittadini;

ikunu wettqu kwalunkwe obbligu impost fuqhom mil-liġijiet dwar il-lieva.

(b)

Kondizzjonijiet speċifiċi

ikollhom lawrja universitarja (2);

mill-inqas tnax-il sena ta’ esperjenza professjonali rilevanti. Hija meħtieġa wkoll esperjenza ppruvata fit-tmexxija ta’ timijiet;

peress li l-Ingliż u l-Franċiż jintużaw b’mod estensiv għall-komunikazzjoni fis-SĠK u ma’ istituzzjonijiet oħra, huwa meħtieġ għarfien eċċellenti ta’ waħda miż-żewġ lingwi u għarfien tajjeb tal-oħra. L-għarfien ta’ lingwi uffiċjali oħra tal-UE kif ukoll lingwi li mhumiex lingwi uffiċjali tal-UE jkun ta’ vantaġġ.

NB:

(1)

Din il-pożizzjoni teħtieġ awtorizzazzjoni tas-sigurtà li tippermetti aċċess għad-dokumenti klassifikati (livell EU SECRET). Il-kandidati li japplikaw għall-pożizzjoni jridu jkunu lesti jgħaddu minn investigazzjoni ta’ sigurtà skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (3). Il-ħatra għal din il-pożizzjoni ssir effettiva biss bil-kondizzjoni li l-kandidat magħżul jew magħżula tkun kisbet ċertifikat validu ta’ approvazzjoni tas-sigurtà. Kandidat mingħajr awtorizzazzjoni tas-sigurtà jiġi offrut jew tiġi offruta kuntratt temporanju sakemm jinkiseb ir-riżultat tal-proċedura tal-approvazzjoni tas-sigurtà.

(2)

Il-kandidat li jintgħażel għandu jew għandha tkun lesta ssegwi l-programm ta’ taħriġ fil-ġestjoni tas-SĠK.

PROĊEDURA TAL-GĦAŻLA

Fl-għażla tal-kandidati li rnexxew, l-Awtorità tal-Ħatra tiġi megħjuna minn bord konsultattiv tal-għażla. Il-bord konsultattiv tal-għażla jkollu l-appoġġ ta’ ċentru ta’ evalwazzjoni, immexxi minn konsulenti tar-reklutaġġ esterni. Ir-rapporti stabbiliti miċ-ċentru ta’ evalwazzjoni għall-istess tip ta’ pożizzjoni ma jibqgħux validi wara sentejn mid-data li fiha saru l-eżerċizzji rilevanti jew mat-tmiem tal-kuntratt qafas bejn is-SĠK u ċ-ċentru ta’ evalwazzjoni inkwistjoni – skont liema data tiġi l-ewwel.

Il-bord konsultattiv tal-għażla l-ewwel jevalwa u jqabbel il-kwalifiki, l-esperjenza u l-motivazzjoni tal-applikanti kollha li jkunu qed japplikaw għall-istess pożizzjoni, abbażi tal-applikazzjonijiet tagħhom. Abbażi ta’ dik l-evalwazzjoni komparattiva, il-bord konsultattiv tal-għażla jagħmel lista ristretta tal-kandidati li, fl-opinjoni tiegħu, huma l-aktar adatti sabiex jiġu mistiedna għall-ewwel intervista. Peress li din l-ewwel għażla hija bbażata fuq evalwazzjoni komparattiva tal-applikazzjonijiet, l-ilħuq tar-rekwiżiti ta’ din il-pożizzjoni vakanti ma jiggarantix stedina għall-ewwel intervista. Minn fost il-kandidati intervistati, il-bord konsultattiv tal-għażla jagħżel il-kandidati biex jattendu ċ-ċentru ta’ evalwazzjoni, kif ukoll għat-tieni intervista mal-bord konsultattiv tal-għażla.

L-ippjanar proviżorju tal-għażla huwa kif ġej:

huwa mistenni li l-kandidati magħżula għall-intervisti ser jiġu infurmati fl-ewwel nofs ta’ Marzu 2022;

l-ewwel intervisti huma previsti li jsiru sa nofs Marzu 2022;

it-testijiet taċ-ċentru ta’ evalwazzjoni mistennija li jsiru fit-tieni nofs ta’ Marzu 2022;

it-tieni ċiklu ta’ intervisti huwa previst għall-ewwel nofs ta’ April 2022.

NB: L-iskeda ta’ hawn fuq hija purament indikattiva u, b’mod partikolari, soġġetta għall-implikazzjonijiet tal-miżuri restrittivi stabbiliti biex tiġi indirizzata l-pandemija tal-COVID-19.

BAŻI ĠURIDIKA

Din il-pożizzjoni hija ppubblikata fl-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni Ewropea u barra mill-istituzzjonijiet, f’konformità mal-Artikolu 29, il-paragrafi (1) u (2) tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (4).

NOTA

Peress li l-pożizzjoni hija ddeżinjata bħala sensittiva, il-membru tal-persunal li jokkupaha jista’, wara perijodu ta’ ħames snin fil-pożizzjoni, ikun obbligat li jbiddel il-pożizzjoni.

KIF TAPPLIKA

Id-data tal-għeluq għall-applikazzjonijiet hija t-28 ta’ Frar 2022 f’12:00 nofsinhar (ħin ta’ Brussell).

L-applikazzjonijiet jintlaqgħu biss bl-email u jridu jintbagħtu lil: applications.management@consilium.europa.eu (5) mhux aktar tard mid-data u l-ħin tal-għeluq. Mhumiex ser jitqiesu l-applikazzjonijiet li jaslu tard.

Għandu jintuża l-indirizz elettroniku indikat hawn fuq għal kwalunkwe korrispondenza marbuta mal-proċedura tal-għażla (fis-suġġett tal-email għandu jkun hemm it-titlu li ġej: CONS/AD/176/22).

Qabel ma jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom, il-kandidati għandhom jivverifikaw sew jekk jissodisfawx ir-rekwiżiti elenkati taħt “Politika ta’ Reklutaġġ” hawn fuq, biex b’hekk jevitaw l-esklużjoni awtomatika mill-proċedura tal-għażla.

Biex ikun validu, il-fajl tal-applikazzjoni jrid jinkludi d-dokumenti li ġejjin f’format pdf (NB: dokumenti maqfula, protetti bil-password jew b’firma elettronika mhumiex aċċettati):

(a)

il-formola tal-applikazzjoni mimlija u datata kif dovut (il-fajl irid jissemma “XXX (KUNJOMOK) – Application form.pdf”); biex tniżżel il-formola tal-applikazzjoni elettronika (EN jew FR), agħfas fuq il-ħolqa t-tajba hawn taħt jew ikkupjaha fil-browser tiegħek (6):

https://www.consilium.europa.eu/media/53249/gsc-application_form_senior_management_en.docx

https://www.consilium.europa.eu/media/53248/gsc-application_form_senior_management_fr.docx

(b)

curriculum vitae dettaljat (7), bl-Ingliż jew bil-Franċiż, preferibbilment fil-format Europass (http://europass.cedefop.europa.eu), li jkopri l-karriera kollha tal-persuna li tapplika u jelenka, fost oħrajn, il-kwalifiki, l-għarfien lingwistiku, l-esperjenza u d-dmirijiet attwali tal-persuna li tapplika (il-fajl ikun imsemmi “XXX (KUNJOMOK) – CV.pdf”);

(c)

ittra ta’ motivazzjoni, bl-Ingliż jew bil-Franċiż (il-fajl ikun imsemmi “XXX (KUNJOMOK) – Motivation letter.pdf”);

(d)

il-kopji tad-diplomi li jiċċertifikaw l-edukazzjoni u kopji tad-dokumenti u ċ-ċertifikati relatati mal-esperjenza professjonali għandhom jiġu miġbura flimkien f’dokument wieħed pdf. Mhux biżżejjed li tibgħat biss il-curriculum vitae imsemmi taħt (b). Id-dokumenti ta’ prova jridu jkunu nħarġu minn parti terza (il-fajl ikun imsemmi “XXX (KUNJOMOK) – Supporting documents.pdf”).

Jekk ma jiġux inklużi dawn id-dokumenti l-applikazzjoni tkun invalida.

Id-dokumenti kollha ta’ prova msemmija taħt (d) għandhom jiġu nnumerati f’sekwenza (Anness 1, 2, eċċ.) u miġbura flimkien kif imsemmi hawn fuq.

Applikazzjonijiet li jaslu bil-posta, jew permezz ta’ soluzzjonijiet ta’ ħżin ta’ data bbażati fuq cloud jew pjattaformi għall-kondiviżjoni tal-fajls mhumiex ser jiġu kkunsidrati.

Fil-każ li tintgħażel minn fost il-kandidati nitolbuk tipprovdi d-dokumenti oriġinali msemmija hawn fuq.

Il-kandidati jirċievu email sabiex tinfurmahom li l-applikazzjoni tagħhom tkun waslet. Madankollu, qatt ma jistgħu jiġu esklużi għalkollox diffikultajiet tekniċi marbuta mat-trażmissjoni ta’ emails. Għalhekk, il-kandidati li ma jirċevux email li tikkonferma l-wasla tal-applikazzjoni huma mħeġġa jikkuntattjaw lil applications.management@consilium.europa.eu. Peress li l-bord konsultattiv tal-għażla jibda l-ħidma tiegħu ftit wara d-data tal-għeluq għall-applikazzjonijiet, kull verifika meħtieġa fir-rigward tal-wasla tal-applikazzjoni jenħtieġ issir fil-ġimgħa ta’ wara dik id-data.

DIVERSITÀ U INKLUŻJONI

Is-SĠK huwa impenjat favur id-diversità u l-inklużjoni. Għal aktar tagħrif ara l-istqarrija rilevanti, https://www.consilium.europa.eu/mt/general-secretariat/jobs/diversity-and-inclusion/

RIEŻAMI TAL-APPLIKAZZJONIJIET

Il-proċeduri marbuta ma’ talbiet ta’ lmenti, appelli u riferimenti għall-Ombudsman Ewropew jinsabu fl-Anness I ta’ dan l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti.

PROTEZZJONI TAD-DATA

Ir-regoli għall-ipproċessar tad-data personali b’rabta ma’ din il-proċedura tal-għażla jinsabu fl-Anness II ta’ dan l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti.


(1)  https://www.consilium.europa.eu/media/53266/gsc-manager-profile-mt.pdf

(2)  L-Artikolu 5(3)(c) tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ir-Regolamenti tal-Persunal) jesiġi li l-applikanti jkollhom mill-inqas:

(i)

livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi ma’ studji universitarji kompluti, iċċertifikati b’diploma meta t-tul ta’ żmien normali tal-edukazzjoni universitarja jkun ta’ erba’ snin jew aktar, jew

(ii)

livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi ma’ studji universitarji kompluti, iċċertifikati b’diploma u esperjenza professjonali adegwata ta’ mill-inqas sena meta t-tul ta’ żmien normali tal-edukazzjoni universitarja jkun ta’ mill-inqas tliet snin.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat- 23 ta’ Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).

(4)  EUR-Lex – 01962R0031-20140501 – MT – EUR-Lex (europa.eu)

(5)  Dan l-indirizz elettroniku huwa kkollegat ma’ indirizz elettroniku funzjonali u jista’ jittratta biss messaġġi b’livell ta’ kunfidenzjalità “Normali”; emails mibgħuta b’livell ieħor ta’ kunfidenzjalità (eż. “Personali”, “Privat”, “Kunfidenzjali”) ma jistgħux jiġu pproċessati. Għaldaqstant agħżel il-livell ta’ kunfidenzjalità “Normali”. Id-daqs massimu tal-email tiegħek għandu jkun 25MB. Jekk id-daqs tal-email tiegħek bl-hemżiet magħha jaqbeż dan id-daqs massimu, jekk jogħġbok qassam l-hemżiet tiegħek fuq għadd ta’ emails.

(6)  Għal aktar tagħrif u/jew jekk ikollok problemi tekniċi, jekk jogħġbok ibgħat email lil: applications.management@consilium.europa.eu

(7)  Il-kandidati huma mitluba ma jinkludux ritratti fis-CV tagħhom.


ANNESS I

ILMENT INTERN — APPELL ĠUDIZZJARJU — ILMENT QUDDIEM L-OMBUDSMAN EWROPEW

Jekk, fi kwalunkwe stadju tal-proċedura tal-għażla, ma tkunx sodisfatt(a) bil-mod kif l-applikazzjoni tiegħek tiġi ttrattata għandek id-dritt li tressaq ilment.

Ilment intern

Meta tirċievi deċiżjoni li tqis li mhix sodisfaċenti, fi żmien tliet xhur min-notifika dwar id-deċiżjoni, tista’ tressaq ilment skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, lil:

Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Konsulenti Legali tal-Unità tal-Amministrazzjoni, ORG 1.F

Rue de la Loi/Wetstraat 175

1048 BRUXELLES/BRUSSEL

BELGIQUE/BELGIË

indirizz elettroniku: legal.advisersHR@consilium.europa.eu

It-tweġibiet għal dawn l-ilmenti jingħataw bil-miktub mill-Awtorità tal-Ħatra fi żmien erba’ xhur minn meta jirċievu l-ilment. Madankollu, jekk l-ilment tiegħek jasal kmieni biżżejjed, jista’ jkun possibbli li l-bord konsultattiv tal-għażla jirrevedi d-deċiżjoni li tkun is-suġġett tal-ilment tiegħek u jwieġbek fuq dik il-bażi.

Appell Ġudizzjarju

Jekk ma tkunx sodisfatt(a) bit-tweġiba li tirċievi mill-Awtorità tal-Ħatra skont il-proċedura ta’ lmenti interni, tista’ tippreżenta appell ġudizzjarju skont l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal lil:

Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea

Rue du Fort Niedergrünewald

L-2925 Lussemburgu

IL-LUSSEMBURGU

Ilment lill-Ombudsman Ewropew

Wara li tkun eżawrejt il-possibbiltajiet kollha għal rimedju fis-SĠK, b’mod partikolari l-proċedura ta’ lmenti interni skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, imbagħad bħaċ-ċittadini l-oħra kollha tal-Unjoni tista’ tressaq ilment quddiem:

L-Ombudsman Ewropew

1, avenue du Président Robert Schuman – BP 403

67001 Strasbourg Cedex

FRANZA

skont l-Artikolu 228(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u f’konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fid-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Marzu 1994 rigward ir-regolamenti u l-kondizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman (1).

Għandek tkun taf li lmenti mressqa lill-Ombudsman Ewropew ma għandhom ebda effett ta’ sospensjoni fuq il-perijodu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 90(2) u l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal biex jiġu ppreżentati lmenti jew appelli quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 270 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.


(1)  ĠU L 113, 4.5.1994, p. 15.


ANNESS II

PROTEZZJONI TAD-DATA

Bħala l-istituzzjoni responsabbli għall-organizzazzjoni tal-proċedura tal-għażla, is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill jiżgura li d-data personali tal-applikanti tiġi pproċessata skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (1).

Il-bażi legali għall-proċedura tal-għażla hija r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta’ Settembru 2013 dwar ir-regoli ta’ sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata (2). Il-proċedura tal-għażla titmexxa taħt ir-responsabbiltà tad-Direttorat għar-Riżorsi Umani (ORG.1), Unità tal-Persunal u Mobbiltà, u l-kontrollur huwa l-kap ta’ dik l-unità. L-informazzjoni pprovduta mill-applikanti ser tkun aċċessibbli għall-membri tal-Uffiċċju għall-Għażla ta’ Uffiċjali u l-ġerarkija ta’ superjuri tagħhom, għall-membri tal-Kumitat Konsultattiv tal-Għażla, u, jekk meħtieġ, għall-unità tal-Konsulenti Legali. L-informazzjoni amministrattiva li tidentifika l-applikant u/jew meħtieġa għall-organizzazzjoni prattika tal-proċedura jistgħu jintbagħtu lil ċentru ta’ evalwazzjoni.

L-għan tal-operazzjoni ta’ pproċessar huwa l-ġbir ta’ data li tidentifika l-applikanti kollha għal pożizzjoni mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u li jintgħażel wieħed minn dawk l-applikanti.

Id-data inkwistjoni hija:

data personali li tippermetti l-identifikazzjoni tal-applikanti (kunjom, isem, data tat-twelid, sess, ċittadinanza);

informazzjoni pprovduta mill-applikanti biex tiffaċilita l-organizzazzjoni prattika tal-proċedura (indirizz postali, indirizz elettroniku, numru tat-telefon);

informazzjoni mogħtija mill-applikanti biex ikun possibbli jiġi evalwat jekk jissodisfawx il-kondizzjonijiet ta’ ammissjoni stipulati fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti (ċittadinanza; lingwi; kwalifiki tal-applikanti u s-sena meta nkisbu, tip ta’ diploma/lawrja, isem l-istituzzjoni minn fejn inkisbu, esperjenza professjonali);

fejn japplika, informazzjoni dwar it-tip u t-tul ta’ żmien tal-awtorizzazzjoni tas-sigurtà tal-applikanti;

ir-riżultati tat-testijiet tal-għażla li jkunu għamlu l-applikanti, inkluż l-evalwazzjonijiet magħmula mill-konsulenti taċ-ċentru ta’ evalwazzjoni f’isem il-bord tal-għażla.

L-ipproċessar jibda mid-data meta tkun waslet l-applikazzjoni. L-applikazzjonijiet jiġu ffajljati u jinħażnu fl-arkivji għal sentejn.

L-applikanti kollha jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ aċċess għal u d-dritt ta’ rettifika tad-data personali. Talbiet sostanzjati għandhom jintbagħtu bil-posta elettronika lill-Uffiċċju għall-Għażla ta’ Uffiċjali fl-indirizz elettroniku selection.officials@consilium.europa.eu.

L-applikanti jistgħu jirrikorru f’kull ħin għand il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (edps@edps.europa.eu).


(1)  ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39.

(2)  ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1.