5.1.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 4/1


Avviż ta’ Pożizzjoni Vakanti CONS/AD/177/22

(2022/C 4 A/01)

 

TAGĦRIF ĠENERALI

Dipartiment

L-Uffiċċju Privat tas-Segretarju Ġenerali — CAB

Post tax-xogħol

Brussell, Bini Europa

Titlu tal-pożizzjoni

Direttur

Grupp tal-funzjoni u grad

AD 14

Approvazzjoni tas-sigurtà meħtieġa

SECRET UE/EU SECRET

SKADENZA GĦALL-APPLIKAZZJONIJIET

Il-21 ta’ Jannar 2022 — 12.00 nofsinhar (ħin ta’ Brussell)

Min aħna

Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill (SĠK) jassisti lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill tal-UE u l-korpi preparatorji tagħhom fl-oqsma kollha tal-attivitajiet tagħhom. Jipprovdi pariri u sostenn lill-membri tal-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill u lill-Presidenti tagħhom fl-oqsma kollha ta’ attività, inkluż pariri ta’ politika u legali, koordinazzjoni ma’ istituzzjonijiet oħra, elaborazzjoni ta’ kompromessi, superviżjoni kif ukoll jittratta l-aspetti prattiċi kollha li huma meħtieġa għat-tħejjija u t-tmexxija tajba tal-Kunsill Ewropew u l-Kunsill.

Is-Segretarju Ġenerali jmexxi s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill. Jerfa’ r-responsabbiltà għall-organizzazzjoni u t-twettiq tas-servizzi pprovduti mis-Segretarjat Ġenerali lill-Presidenzi tal-Kunsill u lill-President tal-Kunsill Ewropew. Huwa responsabbli wkoll għall-ġestjoni amministrattiva tas-Segretarjat Ġenerali fejn jidħlu riżorsi umani u finanzjarji.

Is-Segretarju Ġenerali jattendi l-laqgħat tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill, jiżgura t-tmexxija bla xkiel tas-SĠK u l-amministrazzjoni tal-baġit, jirrappreżenta lill-Kunsill quddiem il-Parlament Ewropew u huwa l-awtorità tas-sigurtà tas-SĠK.

L-Uffiċċju Privat jappoġġa lis-Segretarju Ġenerali fid-dmirijiet tiegħu li jassisti lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill, fil-ġestjoni tas-SĠK u li jiżgura l-koordinazzjoni orizzontali bejn id-Direttorati Ġenerali.

L-Uffiċċju Privat tas-Segretarjat Ġenerali hu magħmul mill-Kap tal-Uffiċċju, żewġ membri (uffiċjali AD) u tliet assistenti.

Nipproponu

Il-pożizzjoni ta’ Kap tal-Uffiċċju Privat tas-Segretarju Ġenerali hija waħda li toffri sfida f’kuntest politikament interessanti.

Inti ser tkun qed tagħti pariri u appoġġ lis-Segretarju Ġenerali fit-twettiq ta’ dmirijietu, b’mod partikolari billi tappoġġa lill-President tal-Kunsill Ewropew u l-Uffiċċju Privat tiegħu u billi żżomm kuntatt mal-Presidenza u ma’ istituzzjonijiet oħra.

Ser tappoġġa lis-Segretarjat Ġenerali fil-ġestjoni u l-iżvilupp ulterjuri tas-SĠK, fost oħrajn fil-kapaċità tiegħu ta’ Awtorità tal-Ħatra u Uffiċjal tal-Awtorizzazzjoni, u billi tiżgura l-koordinazzjoni orizzontali bejn id-Direttorati Ġenerali, b’mod partikolari l-laqgħat tad-Diretturi Ġenerali.

Ser tkun responsabbli għall-ġestjoni tas-servizzi marbuta direttament mas-Segretarju Ġenerali: l-Awditu Intern, l-Uffiċċju tal-Protezzjoni tad-Data, it-Tim tal-Analiżi u r-Riċerka u l-ġestjoni amministrattiva tal-Uffiċċju tal-Koordinatur tal-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu.

Ser tkun responsabbli mill-ġestjoni ġenerali u l-koordinazzjoni tal-Uffiċċju Privat u tar-riżorsi tiegħu.

Ser tkun membru tal-korpi li ġejjin: il-Bord Konsultattiv Maniġerjali, il-Kumitat tal-Awditu, it-Tim għall-Maniġġar ta’ Kriżijiet u l-Kumitat ta’ Tmexxija għall-Ippjanar tal-Kontinwità tal-Operat.

Il-pożizzjoni tirrikjedi sigħat ta’ xogħol mhux normali. Int kif ukoll il-persunal tiegħek ser tibbenefikaw mill-arranġamenti flessibbli ta’ xogħol tas-SĠK, inkluż telexogħol okkażjonali.

Qed infittxu

Qed infittxu maniġer dinamika jew dinamiku b’sens qawwi ta’ impenn u livell għoli ta’ lealtà u diskrezzjoni, b’esperjenza sostanzjali fit-tfassil tal-politika tal-UE u fil-proċess leġiżlattiv tal-UE u għarfien estensiv tal-istruttura interna u l-funzjonament tal-Kunsill u tal-Kunsill Ewropew kif ukoll tal-kwistjonijiet istituzzjonali tal-UE.

Ikollok viżjoni politika tajba u tifhem l-isfidi attwali tal-UE u l-esiġenzi li dawn jirrappreżentaw għas-SĠK.

Fid-dawl tal-firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet koperti, għandu jkollok livell għoli ta’ għarfien organizzattiv u interess fl-iżvilupp tal-organizzazzjoni.

Minħabba n-natura tad-dmirijiet, għandek ukoll tkun reżiljenti, flessibbli, u tkun tista’ taħdem barra mis-sigħat tax-xogħol normali jekk ikun meħtieġ.

Il-maniġers kollha tas-SĠK huma mistennija jagħtu pariri lill-ġerarkija tagħhom u lill-partijiet ikkonċernati, imexxu l-persunal u r-riżorsi finanzjarji tagħhom u jirrappreżentaw lis-SĠK. Dawn l-aspettattivi jinsabu fil-profil orizzontali għall-maniġers tas-SĠK (1).

Barra minn hekk, il-persuna impjegata jeħtieġ ikollha:

sens ta’ diplomazija, ta’ għarfien meta għandha tkun flessibbli u meta għandha żżomm soda u kapaċità li tieħu ħsieb id-dettalji mingħajr ma tinjora l-perspettiva ġenerali;

kapaċità li tippromwovi u żżomm relazzjonijiet tax-xogħol tajbin ma’ firxa ta’ interlokuturi interni u esterni ta’ livell għoli;

ħiliet ta’ tmexxija u kapaċità li tagħti gwida, li timmotiva u tirresponsabbilizza l-persunal f’ambjent multikulturali u ta’ diversità, b’enfasi qawwija fuq l-iżvilupp tal-persunal;

kapaċità li taħseb u tippjana b’mod strateġiku, li tantiċipa u tidentifika problemi potenzjali u li tipproponi soluzzjonijiet u kompromessi fattibbli;

kapaċità li twassal għal ftehim jew għanijiet komuni billi tipprovdi pariri mmirati lill-partijiet ikkonċernati u billi tiffaċilita d-diskussjonijiet b’mod effettiv u kostruttiv;

kapaċità li torganizza l-ħidma ġenerali tal-Uffiċċju Privat sabiex jintlaħqu skadenzi kritiċi u li tiżgura t-tqassim ġust tax-xogħol fi ħdan it-tim kif ukoll l-ippjanar tas-suċċessjoni;

kapaċità li timmaniġġa l-bidla u li tappoġġa lill-persunal matul il-bidla;

ħiliet eċċellenti ta’ komunikazzjoni, inkluż ħiliet ta’ komunikazzjoni interpersonali.

Peress li s-SĠK għandu politika ta’ mobbiltà għall-maniġers tiegħu, li għandu jkollhom esperjenza estensiva, il-kandidati għandhom ikunu lesti u kapaċi jaħdmu f’oqsma ta’ attività differenti matul il-karriera tagħhom fis-SĠK.

POLITIKA TA’ REKLUTAĠĠ

L-applikanti għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin fil-mument tal-applikazzjoni:

(a)

Kondizzjonijiet ġenerali

ikunu ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea;

igawdu mid-drittijiet kollha tagħhom bħala ċittadini;

ikunu wettqu kwalunkwe obbligu impost fuqhom mil-liġijiet dwar il-lieva.

(b)

Kondizzjonijiet speċifiċi

ikollhom lawrja universitarja (2);

ikollhom mill-inqas ħmistax-il sena esperjenza professjonali rilevanti, li tul mill-inqas tliet snin minnhom ikunu effettivament wettqu responsabbiltajiet maniġerjali u organizzattivi. Tliet snin f’pożizzjoni b’responsabbiltajiet sinifikanti ta’ koordinazzjoni jkunu ekwivalenti għall-esperjenza maniġerjali meħtieġa;

peress li l-Ingliż u l-Franċiż jintużaw b’mod estensiv għall-komunikazzjoni fis-SĠK u ma’ istituzzjonijiet oħra, huwa meħtieġ għarfien eċċellenti ta’ waħda miż-żewġ lingwi u għarfien tajjeb tal-lingwa l-oħra. L-għarfien ta’ lingwi uffiċjali oħra tal-UE jkun ta’ vantaġġ.

NB:

(1)

Din il-pożizzjoni tirrikjedi approvazzjoni tas-sigurtà li tippermetti aċċess għal dokumenti klassifikati (livell SECRET UE/EU SECRET). Il-kandidati li japplikaw għall-pożizzjoni jridu jkunu lesti jgħaddu minn investigazzjoni ta’ sigurtà skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (3). Il-ħatra għal din il-pożizzjoni ssir effettiva biss bil-kondizzjoni li l-kandidat magħżul jew magħżula tkun kisbet ċertifikat validu ta’ approvazzjoni tas-sigurtà. Kandidat mingħajr awtorizzazzjoni tas-sigurtà jiġi offrut jew tiġi offruta kuntratt temporanju sakemm jinkiseb ir-riżultat tal-proċedura tal-approvazzjoni tas-sigurtà.

(2)

Il-kandidat li jintgħażel għandu jew għandha tkun lesta ssegwi l-programm ta’ taħriġ fil-ġestjoni tas-SĠK.

PROĊEDURA TAL-GĦAŻLA

Fl-għażla tal-persuna adatta għall-pożizzjoni, l-Awtorità tal-Ħatra għandha tkun assista minn bord konsultattiv tal-għażla. Il-bord konsultattiv tal-għażla jkollu l-appoġġ ta’ ċentru ta’ evalwazzjoni, immexxi minn konsulenti tar-reklutaġġ esterni. Ir-rapporti stabbiliti miċ-ċentru ta’ evalwazzjoni għall-istess tip ta’ pożizzjoni ma jibqgħux validi wara sentejn mid-data li fiha saru l-eżerċizzji rilevanti jew mat-tmiem tal-kuntratt qafas bejn is-SĠK u ċ-ċentru ta’ evalwazzjoni inkwistjoni — skont liema data tiġi l-ewwel.

Il-bord konsultattiv tal-għażla l-ewwel jevalwa u jqabbel il-kwalifiki, l-esperjenza u l-motivazzjoni tal-applikanti kollha, abbażi tal-applikazzjonijiet tagħhom. Skont dik l-evalwazzjoni komparattiva u r-rapport taċ-ċentru ta’ evalwazzjoni, il-bord konsultattiv tal-għażla ser iħejji lista tal-kandidati li, fl-opinjoni tiegħu, huma l-aktar adatti biex jiġu mistiedna għal intervista. Peress li din l-ewwel għażla hija bbażata fuq evalwazzjoni komparattiva tal-applikazzjonijiet, l-ilħuq tar-rekwiżiti għal din il-pożizzjoni vakanti mhuwiex garanzija ta’ stedina għall-intervista.

L-ippjanar proviżorju tal-għażla huwa kif ġej:

hu mistenni li l-kandidati magħżula għaċ-ċentru ta’ evalwazzjoni jiġu infurmati sa tmiem Jannar 2022;

iċ-ċentru ta’ evalwazzjoni mistenni jsir fil-bidu ta’ Frar 2022;

l-intervisti mistennija jsiru fit-tieni nofs ta’ Frar 2022.

NB: L-iskeda ta’ hawn fuq hija purament indikattiva u, b’mod partikolari, soġġetta għall-implikazzjonijiet tal-miżuri restrittivi stabbiliti biex tiġi indirizzata l-pandemija tal-COVID-19.

BAŻI ĠURIDIKA

Din il-pożizzjoni hija ppubblikata fl-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni Ewropea u barra mill-istituzzjonijiet, f’konformità mal-Artikolu 29, il-paragrafi (1) u (2) tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

KIF TAPPLIKA

L-iskadenza għall-applikazzjonijiet hija l-21 ta’ Jannar 2022 f’12.00 nofsinhar (ħin ta’ Brussell).

L-applikazzjonijiet jintlaqgħu biss bil-posta elettronika u jridu jintbagħtu lil: applications.management@consilium.europa.eu (4) mhux aktar tard mid-data tal-għeluq. Mhumiex ser jitqiesu l-applikazzjonijiet li jaslu tard.

Għandu jintuża l-indirizz elettroniku indikat hawn fuq għal kwalunkwe korrispondenza marbuta mal-proċedura tal-għażla (fis-suġġett tal-email għandu jkun hemm it-titlu li ġej: CONS/AD/177/22 CAB).

Qabel ma jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom, il-kandidati għandhom jivverifikaw sew jekk jissodisfawx ir-rekwiżiti elenkati taħt “Politika ta’ Reklutaġġ” hawn fuq, biex b’hekk jevitaw l-esklużjoni awtomatika mill-proċedura tal-għażla.

Biex ikun validu, il-fajl tal-applikazzjoni jrid jinkludi d-dokumenti li ġejjin f’format pdf (NB: dokumenti maqfula, protetti bil-password jew b’firma elettronika mhumiex aċċettati):

(a)

il-formola tal-applikazzjoni kompluta kif dovut (bl-Ingliż jew bil-Franċiż) u datata. Il-formola tista’ ssibha fis-sit web tal-Kunsill billi tagħfas il-link: http://www.consilium.europa.eu/mt/general-secretariat/jobs/job-opportunities/ (il-fajl irid jissemma “XXX (KUNJOMOK) — Application form.pdf”) (5);

(b)

curriculum vitae dettaljata (6), bl-Ingliż jew bil-Franċiż, preferibbilment f’format Europass (http://europass.cedefop.europa.eu), li tkopri l-karriera kollha tal-persuna li qed tapplika, u li tinkludi, fost oħrajn, il-kwalifiki, l-għarfien tal-lingwi, l-esperjenza u d-dmirijiet attwali tal-persuna li qed tapplika (il-fajl irid jissemma “XXX (KUNJOMOK) — CV.pdf”);

(c)

ittra ta’ motivazzjoni, bl-Ingliż jew bil-Franċiż (il-fajl ikun imsemmi “XXX (KUNJOMOK) — Motivation letter.pdf”);

(d)

il-kopji tad-diplomi li jiċċertifikaw l-edukazzjoni u kopji tad-dokumenti u ċ-ċertifikati relatati mal-esperjenza professjonali għandhom jiġu miġbura flimkien f’dokument wieħed pdf. Mhux biżżejjed li tibgħat biss il-curriculum vitae imsemmi taħt (b). Id-dokumenti ta’ prova jridu jkunu nħarġu minn parti terza (il-fajl ikun imsemmi “XXX (KUNJOMOK) — Supporting documents.pdf”).

Jekk ma jiġux inklużi dawn id-dokumenti l-applikazzjoni tkun invalida.

Id-dokumenti ta’ prova kollha msemmija taħt (d) jridu jkunu nnumerati f’sekwenza (Anness 1, 2, eċċ.) u miġbura flimkien kif imsemmi hawn fuq.

Applikazzjonijiet li jaslu bil-posta, jew permezz ta’ soluzzjonijiet ta’ ħżin ta’ data bbażati fuq cloud jew pjattaformi għall-kondiviżjoni tal-fajls mhumiex ser jiġu kkunsidrati.

Fil-każ li tintgħażel minn fost il-kandidati nitolbuk tipprovdi d-dokumenti oriġinali msemmija hawn fuq.

Il-kandidati jirċievu email sabiex tinfurmahom li l-applikazzjoni tagħhom tkun waslet. Madankollu, qatt ma jistgħu jiġu esklużi għalkollox diffikultajiet tekniċi marbuta mat-trażmissjoni ta’ emails. Għalhekk, il-kandidati li ma jirċevux email li tikkonferma l-wasla tal-applikazzjoni huma mħeġġa jikkuntattjaw lil applications.management@consilium.europa.eu. Peress li l-bord konsultattiv tal-għażla jibda l-ħidma tiegħu ftit wara d-data tal-għeluq għall-applikazzjonijiet, kull verifika meħtieġa fir-rigward tal-wasla tal-applikazzjoni jenħtieġ issir fil-ġimgħa ta’ wara dik id-data.

DIVERSITÀ U INKLUŻJONI

Is-SĠK huwa impenjat favur id-diversità u l-inklużjoni. Għal aktar tagħrif, jekk jogħġbok ara l-istqarrija rilevanti: https://www.consilium.europa.eu/mt/general-secretariat/jobs/diversity-and-inclusion/

RIEŻAMI TAL-APPLIKAZZJONIJIET

Il-proċeduri dwar talbiet għal ilment, appelli u riferimenti lill-Ombudsman Ewropew huma mogħtija fl-Anness I ma’ dan l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti.

PROTEZZJONI TAD-DATA

Ir-regoli dwar l-ipproċessar tad-data personali b’rabta ma’ din il-proċedura ta’ għażla huma mogħtija fl-Anness II ma’ dan l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti.


(1)  https://www.consilium.europa.eu/media/53266/gsc-manager-profile-mt.pdf

(2)  L-Artikolu 5(3)(c) tar-Regolament tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ir-Regolament tal-Persunal) jesiġu li l-applikanti jkollhom mill-inqas:

(i)

livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi ma’ studji universitarji kompluti, iċċertifikati b’diploma meta t-tul ta’ żmien normali tal-edukazzjoni universitarja jkun ta’ erba’ snin jew aktar, jew

(ii)

livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi ma’ studji universitarji kompluti, iċċertifikati b’diploma u esperjenza professjonali adegwata ta’ mill-inqas sena meta t-tul ta’ żmien normali tal-edukazzjoni universitarja jkun ta’ mill-inqas tliet snin.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta’ Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).

(4)  Dan l-indirizz elettroniku huwa ta’ mailbox funzjonali u jista’ jipproċessa biss messaġġi bil-livell ta’ kunfidenzjalità “Normali”; emails mibgħuta b’livelli ta’ kunfidenzjalità oħra (eż. “Personali”, “Privat”, “Kunfidenzjali”) ma jistgħux jiġu pproċessati. Għaldaqstant agħżel il-livell ta’ kunfidenzjalità “Normali”. Id-daqs massimu tal-email tiegħek għandu jkun 25MB. Jekk l-email tiegħek, flimkien mal-hemżiet tagħha, taqbeż dan id-daqs massimu, jekk jogħġbok qassam l-hemżiet bejn għadd ta’ emails.

(5)  https://www.consilium.europa.eu/media/53249/gsc-application_form_senior_management_en.docx

https://www.consilium.europa.eu/media/53248/gsc-application_form_senior_management_fr.docx

(6)  Il-kandidati huma mitluba ma jinkludux ritratti fis-CV tagħhom.


ANNESS I

ILMENT INTERN — APPELL ĠUDIZZJARJU — ILMENT QUDDIEM L-OMBUDSMAN EWROPEW

Jekk, fi kwalunkwe stadju tal-proċedura tal-għażla, ma tkunx sodisfatt(a) bil-mod kif l-applikazzjoni tiegħek tiġi ttrattata għandek id-dritt li tressaq ilment.

Ilment intern

Meta tirċievi deċiżjoni li tqis li mhix sodisfaċenti, fi żmien tliet xhur min-notifika dwar id-deċiżjoni, tista’ tressaq ilment skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, lil:

Council of the European Union

Legal Advisers to the Administration Unit, ORG 1.F

Rue de la Loi/Wetstraat 175

1048 Bruxelles/Brussel

BELGIUE/BELGIË

Indirizz elettroniku: legal.advisersHR@consilium.europa.eu

It-tweġibiet għal dawn l-ilmenti jingħataw bil-miktub mill-Awtorità tal-Ħatra fi żmien erba’ xhur minn meta jirċievu l-ilment. Madankollu, jekk l-ilment tiegħek jasal kmieni biżżejjed, jista’ jkun possibbli li l-bord konsultattiv tal-għażla jirrevedi d-deċiżjoni li tkun is-suġġett tal-ilment tiegħek u jwieġbek fuq dik il-bażi.

Appell Ġudizzjarju

Jekk ma tkunx sodisfatt(a) bit-tweġiba li tirċievi mill-Awtorità tal-Ħatra skont il-proċedura ta’ lmenti interni, tista’ tippreżenta appell ġudizzjarju skont l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal lil:

General Court of the European Union

Rue du Fort Niedergrünewald

L-2925 Luxembourg

LUXEMBOURG

Ilment lill-Ombudsman Ewropew

Wara li tkun eżawrejt il-possibbiltajiet kollha għal rimedju fis-SĠK, b’mod partikolari l-proċedura ta’ lmenti interni skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, imbagħad bħaċ-ċittadini l-oħra kollha tal-Unjoni tista’ tressaq ilment quddiem:

L-Ombudsman Ewropew

1, avenue du Président Robert Schuman — BP 403

F-67001 Strasbourg Cedex

FRANCE

skont l-Artikolu 228(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u f’konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fid-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Marzu 1994 rigward ir-regolamenti u l-kondizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman (1).

Għandek tkun taf li lmenti mressqa lill-Ombudsman Ewropew ma għandhom ebda effett ta’ sospensjoni fuq il-perijodu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 90(2) u l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal biex jiġu ppreżentati lmenti jew appelli quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 270 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.


(1)  ĠU L 113, 4.5.1994, p. 15.


ANNESS II

PROTEZZJONI TAD-DATA

Bħala l-istituzzjoni responsabbli għall-organizzazzjoni tal-proċedura tal-għażla, is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill jiżgura li d-data personali tal-applikanti tiġi pproċessata skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (1).

Il-bażi legali għall-proċedura tal-għażla hija r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta’ Settembru 2013 dwar ir-regoli ta’ sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (2). Il-proċedura tal-għażla titmexxa taħt ir-responsabbiltà tad-Direttorat għar-Riżorsi Umani (ORG.1), Unità tal-Persunal u Mobbiltà, u l-kontrollur huwa l-kap ta’ dik l-unità. L-informazzjoni pprovduta mill-applikanti ser tkun aċċessibbli għall-membri tal-Uffiċċju għall-Għażla ta’ Uffiċjali u l-ġerarkija ta’ superjuri tagħhom, għall-membri tal-Kumitat Konsultattiv tal-Għażla, u, jekk meħtieġ, għall-unità tal-Konsulenti Legali. L-informazzjoni amministrattiva li tidentifika l-applikant u/jew meħtieġa għall-organizzazzjoni prattika tal-proċedura jistgħu jintbagħtu lil ċentru ta’ evalwazzjoni.

L-għan tal-operazzjoni ta’ pproċessar huwa l-ġbir ta’ data li tidentifika l-applikanti kollha għal pożizzjoni mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u li jintgħażel wieħed minn dawk l-applikanti.

Id-data inkwistjoni hija:

data personali li tippermetti l-identifikazzjoni tal-applikanti (kunjom, isem, data tat-twelid, sess, ċittadinanza);

informazzjoni mogħtija mill-applikanti biex jiffaċilitaw l-organizzazzjoni tal-proċedura fil-prattika (indirizz postali, indirizz elettroniku, numru tat-telefown);

informazzjoni mogħtija mill-applikanti biex ikun possibbli jiġi evalwat jekk jissodisfawx il-kondizzjonijiet ta’ ammissjoni stipulati fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti (ċittadinanza; lingwi; kwalifiki tal-applikanti u s-sena meta nkisbu, tip ta’ diploma/lawrja, isem l-istituzzjoni minn fejn inkisbu, esperjenza professjonali);

fejn japplika, informazzjoni dwar it-tip u t-tul ta’ żmien tal-awtorizzazzjoni tas-sigurtà tal-applikanti;

ir-riżultati tat-testijiet tal-għażla li jkunu għamlu l-applikanti, inkluż l-evalwazzjonijiet magħmula mill-konsulenti taċ-ċentru ta’ evalwazzjoni f’isem il-bord tal-għażla.

L-ipproċessar jibda mid-data meta tkun waslet l-applikazzjoni. L-applikazzjonijiet jiġu ffajljati u jinħażnu fl-arkivji għal sentejn.

L-applikanti kollha jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ aċċess għal u d-dritt ta’ rettifika tad-data personali. It-talbiet sostanzjati għandhom jintbagħtu bil-posta elettronika lill-Uffiċċju għas-Selezzjoni tal-Persunal fi selection.officials@consilium.europa.eu

L-applikanti jistgħu jirrikorru fi kwalunkwe mument għand il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (edps@edps.europa.eu).


(1)  ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39.

(2)  ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1.