30.11.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 482/3 |
Wiċċ nazzjonali ġdid ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni
(2021/C 482/03)
Wiċċ nazzjonali tal-munita l-ġdida kommemorattiva taż-żewġ euro, maħsuba biex titqiegħed fiċ-ċirkolazzjoni u maħruġa mir-Repubblika ta’ San Marino
Il-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni għandhom status ta’ valuta legali fiż-Żona tal-Euro. Biex tinforma lill-pubbliku u lill-partijiet kollha li jużaw il-muniti, il-Kummissjoni tippubblika deskrizzjoni tad-disinji tal-muniti l-ġodda kollha (1). F’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2009 (2), l-Istati Membri taż-Żona tal-Euro u l-pajjiżi li kkonkludew ftehim monetarju mal-Unjoni Ewropea li jipprevedi l-ħruġ ta’ muniti tal-euro huma awtorizzati li joħorġu muniti kommemorattivi tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni kemm-il darba jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet, b’mod partikolari li jintużaw muniti taż-żewġ euro biss. Dawn il-muniti għandhom l-istess karatteristiċi tekniċi bħall-muniti l-oħra taż-żewġ euro, iżda l-wiċċ nazzjonali tagħhom ikun fih disinn kommemorattiv li jkun tassew simboliku f’termini nazzjonali jew Ewropej.
Il-pajjiż tal-ħruġ: Ir-Repubblika ta’ San Marino
Is-suġġett tal-kommemorazzjoni: L-erba’ mija u ħamsin anniversarju mit-twelid ta’ Caravaggio.
Id-deskrizzjoni tad-disinn: Id-disinn juri lil Madalena sogħbiena, dettall mix-xogħol omonimu ta’ Caravaggio li jinsab fil-Gallerija ta’ Doria Pamphilj f’Ruma. Fuq nett fuq ix-xellug hemm l-iskrizzjoni “SAN MARINO”, u taħt hemm id-dati “1571-2021”. Fuq ix-xellug hemm l-inizjali tad-disinjatur Silvia Petrassi, “SP”. Fuq nett fil-lemin hemm l-iskrizzjoni “CARAVAGGIO” u l-marka taz-zekka.
Iċ-ċirku ta’ barra tal-munita juri t-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.
L-għadd ta’ muniti li huwa stmat li se jinħarġu:54 000
Id-data tal-ħruġ: Fl-1 ta’ Marzu 2021
(1) Ara l-ĠU C 373, 28.12.2001, pp. 1 għall-uċuħ nazzjonali tal-muniti kollha li nħarġu fl-2002.
(2) Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-10 ta’ Frar 2009 u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Diċembru 2008 dwar linji-gwida komuni għall-uċuħ nazzjonali u l-ħruġ ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (ĠU L 9, 14.1.2009, pp. 52).