|
21.9.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 383/6 |
Sejħa għal proposti
L-Istitut tal-Bank Ewropew tal-Investiment jipproponi sponsorship ġdid tal-EIBURS taħt il-Programm ta’ Għarfien tiegħu
(2021/C 383/06)
Il-programm ta’ Għarfien tal-Istitut tal-Bank Ewropew tal-Investiment jiffinanzja l-għotjiet ta’ riċerka tiegħu permezz ta’ skemi differenti, li waħda minnhom hija:
|
— |
EIBURS, il-Programm ta’ Sponsorship għar-Riċerka Universitarja tal-BEI (EIB University Research Sponsorship Programme) |
L-EIBURS jipprovdi għotjiet lil dipartimenti universitarji jew ċentri ta’ riċerka assoċjati ma’ universitajiet fl-Unjoni Ewropea, pajjiżi kandidati jew pajjiżi kandidati potenzjali li jaħdmu fuq suġġetti ta’ riċerka ta’ interess kbir għall-Bank. L-isponsorships tal-EIBURS – li jilħqu sa EUR 100 000 fis-sena għal perjodu ta’ tliet snin – jingħataw permezz ta’ proċess kompetittiv lil dipartimenti universitarji interessati jew ċentri ta’ riċerka b’ħila esperta rikonoxxuta fil-qasam magħżul. Il-proposti li jirnexxu jinvolvu t-twassil ta’ varjetà ta’ riżultati li jkunu s-suġġett ta’ ftehim kuntrattwali mal-Bank Ewropew tal-Investiment.
Għas-sena akkademika 2021/2022, il-programm EIBURS qed ifittex proposti dwar tema ġdida ta’ riċerka:
“L-industrija Ewropea tal-Cleantech, il-Patt Ekoloġiku tal-UE u d-domanda għall-ekwità tal-SMEs”
1. Sfond
Billi approvat il-Ftehim ta’ Pariġi tal-2015 dwar it-tibdil fil-klima, l-Unjoni Ewropea wegħdet li tittrasforma l-ekonomija tagħha lejn futur b’emissjonijiet żero tal-karbonju, li jimmira għal newtralità klimatika sħiħa sal-2050 (Pjan dwar il-Mira Klimatika tal-UE), bħala parti mill-Patt Ekoloġiku Ewropew. Fl-2020, il-Patt Ekoloġiku ġie approvat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, u b’hekk ġiet ikkonfermata l-mira ta’ tnaqqis intermedju ta’ 55 %, li għandha tintlaħaq sal-2030 (il-Kummissjoni Ewropea, 2020). Il-ħruq tal-fjuwils fossili għall-produzzjoni tal-enerġija huwa l-kawża ewlenija tat-tisħin globali. Għalhekk, riforma sħiħa tas-sistema tal-enerġija Ewropea hija parti essenzjali mill-Patt Ekoloġiku. L-investimenti fl-enerġija meħtieġa biex tintlaħaq il-mira ta’ tnaqqis ta’ 55 % tal-emissjonijiet huma stmati għal EUR 400 biljun fis-sena, matul il-perjodu 2021–2030.
L-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u l-miri ta’ tnaqqis tal-Patt Ekoloġiku fl-EU-27
Ir-rwol tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) fl-iffaċilitar tat-tranżizzjoni tal-Ewropa għan-newtralità karbonika huwa multidimensjonali: Minn naħa waħda, l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, bħal konsumaturi oħra tal-enerġija, huma mistennija li jinvestu ħafna fit-titjib tal-effiċjenza enerġetika, u fil-produzzjoni fuq skala żgħira tal-enerġija rinnovabbli. Dawn l-investimenti se jkunu relatati, fost affarijiet oħra, mal-modernizzazzjoni tal-istokk tal-bini korporattiv, jew ma’ rata miżjuda ta’ sostituzzjoni tal-istokk kapitali, li se sservi biex ittejjeb l-effiċjenza enerġetika tal-proċess tal-produzzjoni industrijali.
Min-naħa l-oħra, l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, li huma muturi tal-innovazzjoni, se jkollhom rwol importanti fl-iżvilupp ta’ teknoloġiji abilitanti li se jiffaċilitaw it-tranżizzjoni Ewropea lejn in-newtralità klimatika. Pereżempju, l-iżviluppi fit-teknoloġiji ta’ mitigazzjoni għandhom rwol importanti fit-tnaqqis tal-ispejjeż għat-tnaqqis marġinali, u fit-tħaffif tat-tranżizzjoni klimatika tal-Ewropa. Il-kumpaniji tal-Cleantech jista’ jkollhom rwol kruċjali fit-twassil ta’ soluzzjonijiet innovattivi biex jiksbu l-ambizzjoni tal-Unjoni Ewropea li tilħaq in-newtralità klimatika sal-2050.
2. Għanijiet
Dan il-proġett ta’ riċerka għandu l-għan li jtejjeb il-fehim tagħna tas-settur tal-Cleantech tal-UE. Dan ifittex li jipprovdi tweġiba għall-mistoqsija dwar kif il-kumpaniji tal-Cleantech jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-għanijiet ta’ politika tal-UE, u x’jistgħu jagħmlu dawk li jfasslu l-politika biex jippromwovu ekosistema b’saħħitha. Fl-aħħar nett, dan iħares lejn l-implikazzjonijiet tal-Patt Ekoloġiku tal-UE fuq id-domanda għall-ekwità minn intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju.
3. Metodoloġija
Ir-riċerkaturi huma mistiedna jippreżentaw proposta li jkun fiha strateġija biex jiġu indirizzati l-pilastri ta’ riċerka li ġejjin:
|
A. |
Immappjar komprensiv tas-settur tal-Cleantech tal-UE, b’enfasi partikolari fuq l-objettiv ta’ mitigazzjoni li huwa ċentrali għall-Patt Ekoloġiku. Fil-bini ta’ tali mmappjar, ir-riċerkaturi huma mħeġġa ħafna jagħtu prominenza lit-tekniki innovattivi ta’ viżwalizzazzjoni. Elementi essenzjali li għandhom jiġu koperti:
|
|
B. |
Analiżi kawżali tal-impatt ambjentali tal-attività intraprenditorjali minn intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju fl-isfera tat-teknoloġija tal-Cleantech, li fiha r-riċerkaturi huma mistiedna jipproponu metodoloġija li tfittex li tistabbilixxi relazzjoni kawżali bejn l-attività intraprenditorjali ta’ intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju tal-UE (pereżempju, brevettar ta’ innovazzjonijiet tal-Cleantech, investimenti ta’ kapital ta’ riskju tal-Cleantech, negozji ġodda tal-Cleantech, eċċ.) u Indikaturi Ewlenin tal-Prestazzjoni (KPIs) ambjentali li huma ċentrali għall-Patt Ekoloġiku tal-UE. |
|
C. |
Analiżi kawżali li tfittex li tidentifika l-fatturi abilitanti tal-iżvilupp ta’ ekosistema tal-Cleantech, b’enfasi fuq l-aspett tal-finanzjament tal-ekwità. Filwaqt li jqisu l-konklużjonijiet li joħorġu mill-pilastru tar-riċerka 1, ir-riċerkaturi huma mistiedna jipproponu metodoloġija empirika li tfittex li tidentifika l-għodod ta’ politika li għandhom rwol kruċjali fl-iżvilupp tal-ekosistemi lokali tal-Cleantech. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-aspett tal-finanzjament tal-ekwità. |
|
D. |
Investigazzjoni dwar l-implikazzjonijiet tal-Patt Ekoloġiku tal-UE fuq id-domanda għall-ekwità tal-SMEs fid-deċennju 2020–2030. Filwaqt li jibni fuq il-konklużjonijiet li ħarġu mill-pilastri tar-riċerka 1, 2 u 3, il-pilastru finali tal-proġett għandu l-għan li jidentifika dawk l-oqsma u l-ġeografiji tal-Cleantech li fihom il-bidliet regolatorji pendenti assoċjati mal-Patt Ekoloġiku tal-UE x’aktarx li jirriżultaw f’żieda fid-domanda għall-ekwità. Ir-riċerkaturi huma mistiedna wkoll jipproponu metodoloġija li tfittex li tikkwantifika d-domanda impliċita għall-ekwità. |
4. Riżultati tanġibbli
Riżultati tanġibbli mistennija
|
A. |
Rapport/artiklu li fih tipoloġija ta’ kumpaniji tal-Cleantech tal-UE u mmappjar tas-settur tal-Cleantech tal-UE |
|
B. |
Rapport/artiklu li jiddeskrivi l-metodoloġija u r-riżultati tal-analiżi li jfittex li jikkwantifika r-relazzjoni bejn l-attività intraprenditorjali tal-Cleantech u l-Indikaturi Ewlenin tal-Prestazzjoni (KPIs) ambjentali li huma ċentrali għall-Patt Ekoloġiku |
|
C. |
Rapport/artiklu li jiddeskrivi l-metodoloġija u r-riżultati tal-analiżi li jfittex li jidentifika d-determinanti tal-iżvilupp tal-ekosistemi lokali tal-Cleantech. |
|
D. |
Rapport/artiklu li jiddeskrivi l-metodoloġija u r-riżultati tal-analiżi li tikkwantifika d-domanda għall-ekwità ekoloġika minn intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju fid-deċennju 2020–2030. |
Jekk jitqies ottimali, tista’ tiġi diskussa l-amalgamazzjoni ta’ żewġ riżultati tanġibbli (jew aktar) f’rapport/artiklu wieħed.
Il-proposti għandhom jitressqu bl-Ingliż sal-15 ta’ Novembru 2021 f’24: 00 (CET). Il-proposti mressqa wara din id-data mhux se jiġu kkunsidrati. Il-proposti għandhom jintbagħtu bil-posta elettronika lil:
Events.EIBInstitute@eib.org
Għal aktar informazzjoni eżawrjenti dwar il-proċess tal-għażla tal-EIBURS u dwar l-Istitut tal-BEI, jekk jogħġbok żur: http://institute.eib.org/