6.5.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 170/1


KOMPETIZZJONI PE/AD/260/2021

Professjonist tal-lingwi u l-interkulturalità (AD 5)

(2021/C 170 A/01)

Qabel tapplika, jekk jogħġbok aqra sew il-gwida għall-kandidati annessa ma' dan l-avviż ta' kompetizzjoni. Din il-gwida, li hija parti integrali mill-avviż ta' kompetizzjoni, tgħinek tifhem ir-regoli marbuta mal-proċeduri u l-kondizzjonijiet tal-parteċipazzjoni.

WERREJ

A.

DESKRIZZJONI TAL-FUNZJONIJIET U REKWIŻITI TA' ELEĠIBILITÀ

B.

ŻVOLĠIMENT TAL-KOMPETIZZJONI

C.

TRESSIQ TAL-APPLIKAZZJONIJIET

ANNESS:

GWIDA GĦALL-KANDIDATI FIL-KOMPETIZZJONIJIET ORGANIZZATI MILL-PARLAMENT EWROPEW

A.   DESKRIZZJONI TAL-FUNZJONIJIET U REKWIŻITI TA' ELEĠIBILITÀ

1.   Kummenti ġenerali

Il-Parlament Ewropew iddeċieda li, fuq il-bażi tal-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, iniedi kompetizzjoni miftuħa (AD 5) fid-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni.

Il-profil imfittex huwa dak ta' professjonist tal-lingwi u l-interkulturalità għal-lingwi li ġejjin:

(1)

il-lingwa Spanjola

(kandidati li jirnexxu: 10)

(2)

il-lingwa Daniża

(kandidati li jirnexxu: 10)

(3)

il-lingwa Ġermaniża

(kandidati li jirnexxu: 10)

(4)

il-lingwa Estonjana

(kandidati li jirnexxu: 10)

(5)

il-lingwa Griega

(kandidati li jirnexxu: 10)

(6)

il-lingwa Irlandiża

(kandidati li jirnexxu: 10)

(7)

il-lingwa Taljana

(kandidati li jirnexxu: 10)

(8)

il-lingwa Olandiża

(kandidati li jirnexxu: 10)

(9)

il-lingwa Portugiża

(kandidati li jirnexxu: 10)

(10)

il-lingwa Finlandiża

(kandidati li jirnexxu: 10)

Din il-kompetizzjoni tkopri 10 lingwi. Tista' tirreġistra għal waħda minnhom biss. Jeħtieġlek tagħmel l-għażla tiegħek fil-waqt tar-reġistrazzjoni online u, wara li tkun ivvalidajt il-formola tal-applikazzjoni elettronika tiegħek, ma tkunx tista' tibdel din l-għażla.

Ir-reklutaġġ se jsir fil-grad AD 5, l-ewwel skala, b'salarju bażiku ta' EUR 4 917,29 fix-xahar. Dan is-salarju huwa soġġett għat-taxxa Komunitarja u tnaqqis ieħor previst mir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Huwa eżentat mit-taxxa nazzjonali. L-iskala li fiha se jiġu rreklutati l-persuni li jintgħażlu madankollu tista' tiġi adattata skont l-esperjenza professjonali ta' dawn il-persuni. Barra minn hekk, is-salarju bażiku, f'ċerti kondizzjonijiet, jiżdied b'xi allowances.

Il-Parlament Ewropew japplika politika ta' opportunitajiet indaqs u jaċċetta l-applikazzjonijiet mingħajr ebda diskriminazzjoni, bħal pereżempju diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjonijiet politiċi jew oħrajn, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età, l-orjentament sesswali, l-istat ċivili jew is-sitwazzjoni tal-familja.

2.   Deskrizzjoni tal-funzjonijiet

Id-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni (DĠ TRAD) jipprovdi servizzi ta' traduzzjoni lill-Parlament Ewropew biex jikkomunika fil-formati kollha, kemm stampati kif ukoll elettroniċi, bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni Ewropea.

Id-dmirijiet tad-DĠ TRAD huma dawn li ġejjin:

jiżgura d-disponibbiltà bil-lingwi uffiċjali kollha jew bil-lingwi ta' ħidma kollha tal-ġabra sħiħa ta' dokumenti li huma relatati mar-rwol tal-Parlament bħala koleġiżlatur u bħala waħda miż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja, sabiex jiggarantixxi l-leġittimità u t-trasparenza tal-proċess leġiżlattiv u baġitarju tal-Unjoni;

jippermetti lill-Parlament jirrispetta l-impenji li timponilu l-politika tal-multilingwiżmu, li hi maħsuba biex tiggarantixxi t-trattament ugwali tal-lingwi u li permezz tagħha ċ-ċittadini kollha tal-Unjoni jkunu jistgħu jikkomunikaw mal-istituzzjonijiet u jkollhom id-dokumenti maħruġa mit-tali istituzzjonijiet bil-lingwa proprja tagħhom;

jagħmel it-testi aktar sempliċi u faċli aktar biex jinqraw permezz ta' lingwaġġ ċar sabiex il-Parlament isir aktar aċċessibbli għaċ-ċittadini, inkluż permezz tal-użu ta' formati ġodda, li jikkorrispondu għal kif se jkun il-qari fil-futur;

jassigura li s-servizzi kollha jiġu pprovduti bl-akbar effiċjenza.

Id-DĠ TRAD għandu l-missjoni li jibni pontijiet bejn il-lingwi u l-kulturi differenti u li jippromwovi l-multilingwiżmu sostenibbli, li huwa komponent essenzjali tal-ideal demokratiku Ewropew.

Ibbażati l-Lussemburgu, il-professjonisti tal-lingwi u l-interkulturalità jiffaċilitaw il-komunikazzjoni, bil-lingwa materna tagħhom, bejn il-Parlament Ewropew u l-pubbliku ġenerali. Jeħtiġilhom jużaw lingwaġġ ċar fl-aspetti kollha ta' xogħolhom, filwaqt li jqisu l-kuntest kulturali tal-pajjiż(i) ikkonċernat(i). Huma jittraduċu u jillokalizzaw il-kontenut maħsub biex jinqara, jinstema' u jintwera, jirrevedu x-xogħol tal-kollegi tagħhom u jgħinu lill-awturi ta' dokumenti mhux leġiżlattivi fl-abbozzar u fis-servizzi ta' verifika. Barra minn hekk, jadattaw il-kontenut għal-lingwa materna tagħhom. Huwa essenzjali li l-professjonisti tal-lingwi u l-interkulturalità jkunu jafu jaħdmu tajjeb fi grupp u jkollhom ħiliet interpersonali b'saħħithom għaliex huma jikkollaboraw mill-qrib ma' kollegi ta' unitajiet oħra tad-DĠ TRAD u, xi drabi, ikollhom kuntatt mas-servizzi li jressqu talbiet għax-xogħol.

Il-kompiti tal-professjonist tal-lingwi u l-interkulturalità huma dawn li ġejjin:

jiffaċilita l-komunikazzjoni maċ-ċittadini b'lingwaġġ ċar, bil-lingwa materna tiegħu;

jittraduċi, jadatta, jittranskrea u jirrevedi t-tipi kollha ta' kontenut bil-lingwa materna tiegħu;

jaħdem b'mill-anqas żewġ lingwi uffiċjali oħra tal-Unjoni fil-medjazzjoni lingwistika u interkulturali (pereżempju, sottotitolar, adattament lingwistiku ta' kontenut awdjoviżiv, ta' podcasts jew ta' siti web);

jgħin fl-abbozzar ta' dokumenti mhux leġiżlattivi;

jikkontribwixxi għall-azzjonijiet ta' taħriġ, għax-xogħol ta' terminoloġija u għall-iżvilupp ta' għodod tal-IT u tal-komunikazzjoni;

iżomm kuntatt regolari mas-servizzi li jressqu talbiet għax-xogħol;

jikkontribwixxi għall-proċess ta' assigurazzjoni u ta' kontroll tal-kwalità u jiżgura r-rispett ta' prattiki tajbin, b'mod li jassigura l-kwalità eċċellenti tal-kontenut prodott mid-DĠ TRAD.

Is-suġġetti kkonċernati, li ta' spiss ikunu kumplessi, ġeneralment jittrattaw kwistjonijiet politiċi, ġuridiċi, ekonomiċi, finanzjarji, xjentifiċi jew tekniċi u jkopru l-oqsma kollha ta' attività tal-Unjoni Ewropea.

It-twettiq ta' dawn il-kompiti jirrikjedi l-użu intensiv ta' għodod speċifiċi tal-IT u għodod relatati. Dan ix-xogħol jinvolvi wkoll il-medjazzjoni lingwistika u interkulturali permezz tat-traduzzjoni ta' kontenut awdjoviżiv u s-sottotitolar.

Il-funzjoni ta' professjonist tal-lingwi u l-interkulturalità titlob mill-kandidati sens qawwi ta' adattament, kif ukoll il-ħila li jittrattaw problemi differenti u li ta' spiss ikunu kumplessi, li jirreaġixxu malajr għall-bidliet fiċ-ċirkostanzi u li jikkomunikaw b'mod effiċjenti. Il-kandidati jeħtiġilhom ikunu kapaċi jaħdmu regolarment b'mod intensiv, kemm waħedhom kif ukoll f'tim, f'ambjent ta' xogħol multikulturali. Fl-aħħar, irid ikollhom l-interess li jkomplu t-taħriġ professjonali tagħhom matul il-karriera tagħhom.

3.   Rekwiżiti ta' eliġibbiltà

Sal-limitu ta' żmien stabbilit għat-tressiq tal-applikazzjonijiet, jeħtieġlek tissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

Rekwiżiti ġenerali

Skont l-Artikolu 28 tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, inti jeħtieġlek:

tkun ċittadin ta' wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea,

tgawdi mid-drittijiet ċivili tiegħek;

tkun issodisfajt kull obbligu impost mil-liġijiet dwar is-servizz militari;

toffri l-garanziji ta' moralità mitluba għat-twettiq tal-funzjonijiet previsti.

(b)

Rekwiżiti speċifiċi

(i)

Kwalifiki u diplomi meħtieġa

Livell ta' edukazzjoni li jikkorrispondi għal ċiklu sħiħ ta' studji universitarji ċċertifikati b'diploma, meta l-perjodu normali ta' dawn l-istudji universitarji jkun ta' mill-anqas tliet snin.

Tista' tirreferi b'mod speċjali għall-Anness I tal-gwida għall-kandidati fil-kompetizzjonijiet organizzati mill-Parlament Ewropew.

(ii)

Għarfien lingwistiku

Irid ikollok ħakma tajba ta' mill-anqas tliet lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea . F'dan l-avviż ta' kompetizzjoni, nirreferu għal-lingwi b'dan il-mod:

lingwa 1: lingwa prinċipali magħżula minn fost l-għaxar lingwi ta' din il-kompetizzjoni (l-Ispanjol, id-Daniż, il-Ġermaniż, l-Estonjan, il-Grieg, l-Irlandiż, it-Taljan, l-Olandiż, il-Portugiż u l-Finlandiż), għarfien perfett fil-livell ta' lingwa materna;

lingwa 2: l-Ingliż jew il-Franċiż, għarfien tajjeb ħafna;

lingwa 3: waħda mill-24 lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għarfien tajjeb ħafna; il-lingwa 3 trid tkun differenti mil-lingwi 1 u 2.

Għal din il-kompetizzjoni, l-għażla tal-lingwi ġew definiti skont l-interess tas-servizz. Fil-fatt, il-pożizzjoni ta' professjonist tal-lingwi u l-interkulturalità teżiġi kwalifiki speċjali minħabba n-natura tal-funzjonijiet, kif deskritti fil-punt A.2 ta' dan l-avviż ta' kompetizzjoni. B'konsegwenza ta' dan, bil-għan li jwettqu l-funzjonijiet tagħhom u jiżguraw il-funzjonament tajjeb tas-servizz tad-DĠ TRAD, il-persuni rreklutati jeħtiġilhom ikunu kapaċi jaħdmu u jikkomunikaw b'effiċjenza bi tliet lingwi. B'mod aktar preċiż, il-Franċiż u l-Ingliż huma ż-żewġ lingwi li l-aktar jintużaw fil-komunikazzjoni interna tad-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni, kif ukoll mad-direttorati ġenerali l-oħra u mal-korpi politiċi tal-Parlament Ewropew. B'konsegwenza ta' dan, bil-għan li jwettqu l-funzjonijiet tagħhom u jiżguraw il-funzjonament tajjeb tas-servizz, il-persuni rreklutati jeħtiġilhom ikunu kapaċi jaħdmu u jikkomunikaw b'effiċjenza b'tal-anqas waħda minn dawn iż-żewġ lingwi. Fil-fatt, l-Ingliż u l-Franċiż huma l-lingwi sors ewlenin tad-dokumenti għat-traduzzjoni: l-Ingliż jirrappreżenta 75 % tad-dokumenti għat-traduzzjoni, il-Franċiż 15 % u l-lingwi l-oħra kollha flimkien jirrappreżentaw 10 %.

(iii)

Esperjenza professjonali meħtieġa

Mhi meħtieġa ebda esperjenza professjonali. Madankollu, kwalunkwe esperjenza professjonali miksuba fil-qasam ta' din il-kompetizzjoni tkun ta' vantaġġ.

B.   ŻVOLĠIMENT TAL-KOMPETIZZJONI

Il-kompetizzjoni fiha żewġ fażijiet:

1.

fażi ta' preselezzjoni:

(a)

mistoqsijiet b'għażla multipla

(b)

evalwazzjoni tal-kapaċitajiet

2.

fażi ta' testijiet.

1.   Fażi ta' preselezzjoni

(a)

Mistoqsijiet b'għażla multipla (MCQ)

Se tirċievi stedina biex tagħmel test ta' preselezzjoni bil-lingwa 2 (l-Ingliż jew il-Franċiż).

Dan it-test ta' preselezzjoni MCQ se jkun fih massimu ta' 40 mistoqsija maħsuba biex jevalwaw il-ħila tiegħek li tidentifika l-valuri tal-Unjoni Ewropea u r-rwol tal-Parlament Ewropew. Il-kandidati se jirċievu eżempji tat-tipi ta' mistoqsijiet MCQ fi żmien xieraq qabel id-data tat-test.

It-test se jdum massimu ta' 80 minuta u se jkun organizzat online fuq il-kompjuter.

(b)

Evalwazzjoni tal-kapaċitajiet

Jeħtieġlek timla l-evalwazzjoni tal-kapaċitajiet li tinsab annessa mal-gwida għall-kandidati (Anness III) u ddaħħalha fil-formola tal-applikazzjoni elettronika tiegħek.

Jekk inti:

tissodisfa r-rekwiżiti ġenerali u speċifiċi ta' eliġibbiltà (punt A.3),

tkun ippreżentajt il-fajl tiegħek skont il-modalitajiet u qabel l-iskadenza stabbiliti (punt C),

tiġi fost l-ewwel kandidati fit-test ta' mistoqsijiet b'għażla multipla (MCQ) (għal dan l-iskop, il-bord ta' selezzjoni jqis il-150 kandidat għal kull lingwa li jkunu kisbu l-ogħla għadd ta' punti f'dan it-test; jekk ikun il-każ, il-bord ta' selezzjoni jżomm il-kandidati kollha ex aequo mingħajr limitu fl-għadd ta' kandidati),

il-bord ta' selezzjoni jevalwa t-tweġibiet tiegħek fl-evalwazzjoni tal-kapaċitajiet u jidentifika l-aħjar 50 kandidat għal kull lingwa eleġibbli għat-testijiet bil-miktub. Il-bord ta' selezzjoni jista' jiddeċiedi li jassenja ponderazzjoni għall-kriterji differenti ta' evalwazzjoni u jimmultiplika l-punti mogħtija għal kull kriterju b'dan il-fattur ta' ponderazzjoni. Il-punti jingħaddu sabiex jiġu identifikati l-kandidati li l-profil tagħhom jikkorrispondi l-aħjar għall-funzjonijiet li jridu jitwettqu.

Il-bord ta' selezzjoni jibbaża l-evalwazzjoni tiegħu esklużivament fuq it-tweġibiet mogħtija fl-evalwazzjoni tal-kapaċitajiet biex jidentifika l-aħjar 50 kandidat għal kull lingwa eleġibbli għat-testijiet bil-miktub.

2.   Testijiet

Testijiet ta' traduzzjoni u ta' adattament

(a)

Traduzzjoni ta' test relatat mal-attivitajiet leġiżlattivi tal-Parlament Ewropew mil-lingwa 2 għal-lingwa 1.

Tul massimu tat-test: 90 minuta, għal test ta' mhux aktar minn 450 kelma

Punteġġ: minn 0 sa 40 punt — minimu meħtieġ: 20/40

It-testijiet (b) u (c) tal-kandidati li ma jkunux kisbu l-għadd minimu ta' punti f'dan it-test ma jiġux ikkoreġuti.

(b)

Traduzzjoni ta' diskors jew komunikazzjoni għaċ-ċittadini mil-lingwa 3 għal-lingwa 1.

Tul massimu tat-test: 90 minuta, għal test ta' mhux aktar minn 450 kelma

Punteġġ: minn 0 sa 40 punt – minimu meħtieġ: 20/40

It-test (c) tal-kandidati li ma jkunux kisbu l-għadd minimu ta' punti f'dan it-test ma jiġux ikkoreġuti.

(c)

Adattament ta' test f'lingwaġġ ċar: minn dokument kumpless bil-lingwa 2, tikteb test ġdid, bil-lingwa 1, li jkun jirrifletti l-kontenut oriġinali fi stil u reġistru adattati sabiex l-ideat essenzjali tiegħu jkunu ċari għaċ-ċittadini.

Tul massimu tat-test: 60 minuta.

Punteġġ: minn 0 sa 40 punt — minimu meħtieġ: 20/40

Dawn it-testijiet se jiġu organizzati online fuq il-kompjuter.

L-20 kandidat, għal kull lingwa, li jkunu kisbu l-ogħla għadd ta' punti fit-testijiet bil-miktub jiġu mistiedna għat-testijiet orali, bil-kondizzjoni li jkunu kisbu l-għadd minimu ta' punti meħtieġa għal kull test.

Testijiet orali

(d)

Intervista mal-bord ta' selezzjoni bil-lingwi 1 u 2, li permezz tagħha l-bord ikun jista' jivvaluta l-kapaċità tiegħek li twettaq il-kompiti deskritti fil-punt “Deskrizzjoni tal-funzjonijiet” fi ħdan istituzzjoni Ewropea, b'kunsiderazzjoni tal-elementi kollha mniżżlin fil-fajl tal-applikazzjoni. Il-bord ta' selezzjoni jista' jiddeċiedi li jeżamina l-għarfien tiegħek ta' lingwi uffiċjali oħra ddikjarati fl-applikazzjoni tiegħek.

Tul massimu tat-test: 45 minuta.

Punteġġ: minn 0 sa 40 punt — minimu meħtieġ: 20/40

(e)

Test ta' diskussjoni fi grupp jew logħba ta' simulazzjoni tar-rwoli bil-lingwa 2, sabiex il-bord ta' selezzjoni jkun jista' jivvaluta l-kapaċità ta' adattament, il-kapaċità ta' negozjar u ta' teħid ta' deċiżjonijiet, kif ukoll l-imġiba tiegħek fi grupp.

It-tul tat-test ta' diskussjoni fi grupp jiġi stabbilit mill-bord ta' selezzjoni skont il-kompożizzjoni definittiva tal-gruppi.

It-tul massimu tat-test tal-logħba ta' simulazzjoni tar-rwoli huwa 25 minuta.

Punteġġ: minn 0 sa 20 punt — minimu meħtieġ: 10/20

Dawn it-testijiet jistgħu jiġu organizzati mill-bogħod.

Se tirċievi fi żmien xieraq l-istruzzjonijiet dwar it-testijiet bil-miktub u orali. It-testijiet huma skedati li jsiru f'data u f'ħin preċiżi. Jekk ma tirrispondix għall-istedina, jekk ma tkunx tista' tiġi kkuntattjat permezz tal-email jew jekk ma tippreżentax ruħek għal test, tiġi skwalifikat. Jekk jogħġbok segwi kelma b'kelma l-istruzzjonijiet mogħtija. Jekk ma ssegwix l-istruzzjonijiet jew jekk l-imġiba tiegħek ma tkunx konformi mal-istruzzjonijiet, tiġi skwalifikat minnufih.

3.   Inklużjoni fil-lista ta' riżerva

Wara li jivverifika d-dokumenti ġustifikattivi tal-kandidati, il-bord ta' selezzjoni jistabbilixxi, għal kull lingwa, lista ta' riżerva tal-kandidati eleġibbli li globalment ikunu kisbu l-ogħla għadd ta' punti fit-testijiet bil-miktub u orali, għal mhux aktar min-numru indikat fil-punt A.1 “Kummenti ġenerali” għal kull lingwa. Fil-lista ta' riżerva l-ismijiet tal-kandidati jidhru f'ordni alfabetiku.

Il-lista ta' riżerva tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2025 u tista' tiġi estiża b'deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra.

Il-kandidati jiġu informati individwalment bir-riżultati tagħhom u l-lista ta' riżerva tiġi ppubblikata fuq is-sit web uffiċjali tal-Parlament Ewropew.

Jekk inti tirċievi offerta ta' impjieg, tkun mitlub tippreżenta l-kopji oriġinali tad-dokumenti kollha meħtieġa, b'mod partikolari d-diplomi u ċ-ċertifikati tal-impjieg tiegħek, sabiex tkun tista' ssir verifika.

Il-fatt li ismek jitniżżel fil-lista ta' riżerva ma jikkostitwix dritt jew garanzija ta' reklutaġġ.

C.   TRESSIQ TAL-APPLIKAZZJONIJIET

L-applikazzjoni trid issir permezz tal-pjattaforma Apply4EP. https://apply4ep.gestmax.eu/search/index/lang/mt_MT

Jekk jogħġbok aqra sew il-gwida għall-kandidati fil-kompetizzjoni organizzati mill-Parlament Ewropew qabel timla l-formola tal-applikazzjoni tiegħek u pprovdi d-dokumenti ġustifikattivi rilevanti.

Data ta' skadenza għat-tressiq tal-applikazzjonijiet

Id-data li fiha jagħlqu l-applikazzjonijiet hija:

l-10 ta' Ġunju 2021 fil-17.30, ħin tal-Lussemburgu

Tintbagħatlek konferma ta' riċevuta awtomatikament malli tivvalida l-applikazzjoni tiegħek.

Jekk jogħġbok IĊĊEMPILX rigward il-kalendarju tal-proċedura.


Gwida għall-kandidati fil-kompetizzjonijiet organizzati mill-Parlament Ewropew

1.   INTRODUZZJONI

Kif tiżvolġi kompetizzjoni?

Kompetizzjoni tinvolvi sensiela ta' stadji fejn il-kandidati jikkompetu bejniethom; din hija miftuħa għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni Ewropea li, sad-data tal-iskadenza stabbilita għat-tressiq tal-applikazzjonijiet, jissodisfaw il-kriterji meħtieġa, toffri l-istess possibilità lill-kandidati kollha biex juru ħiliethom u tippermetti selezzjoni bbażata fuq il-mertu, fir-rispett tal-prinċipju ta' trattament ugwali.

Il-kandidati li jgħaddu minn kompetizzjoni jitniżżlu f'lista ta' riżerva li sservi bħala bażi għall-Parlament Ewropew sabiex jimla l-pożizzjonijiet li għalihom tapplika din il-kompetizzjoni.

Kull referenza, f'din il-gwida, għal persuna tas-sess maskil għandha tkun ikkunsidrata wkoll li tikkostitwixxi referenza għal persuna tas-sess femminil, u viċeversa.

Għal kull kompetizzjoni jiġi kostitwit bord ta' selezzjoni, magħmul minn membri maħtura mill-amministrazzjoni u mill-kumitat tal-persunal. Ix-xogħlijiet ta' dan il-bord ta' selezzjoni huma sigrieti u jiżvolġu skont l-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (1).

Il-bord ta' selezzjoni jimxi b'mod strett mar-rekwiżiti ta' eliġibbiltà msemmija fl-avviż ta' kompetizzjoni biex jiddeċiedi dwar l-eliġibbiltà jew le ta' kull kandidat. Il-kandidati li kienu ammessi għal kompetizzjoni jew proċedura ta' selezzjoni preċedenti ma jkunux awtomatikament eleġibbli.

Sabiex jagħżel l-aħjar kandidati, il-bord ta' selezzjoni jqabbel il-prestazzjonijiet tal-kandidati sabiex jivvaluta l-ħila tagħhom biex iwettqu l-funzjonijiet deskritti fl-avviż ta' kompetizzjoni. Għalhekk ma għandux biss jivvaluta l-livell tal-għarfien, iżda għandu jidentifika wkoll il-persuni l-aktar kwalifikati abbażi tal-merti tagħhom.

Għall-informazzjoni, kompetizzjoni ġeneralment iddum bejn sitt xhur u disa' xhur, skont in-numru tal-kandidati reġistrati.

2.   L-ISTADJI TAL-KOMPETIZZJONI

Il-kompetizzjoni tikkonsisti mill-istadji li ġejjin:

wasla tal-fajls tal-applikazzjonijiet,

preselezzjoni,

testijiet,

inklużjoni fil-lista ta' riżerva.

2.1.   Wasla tal-fajls tal-applikazzjoni

Jekk tiddeċiedi li tapplika, trid tirreġistra online billi ssegwi b'mod rigoruż kull stadju sal-validazzjoni finali elettronika tal-applikazzjoni tiegħek. Trid tehmeż, preferibbilment fil-format PDF, id-dokumenti ġustifikattivi rilevanti kollha meħtieġa li jagħtu prova li inti tissodisfa r-rekwiżiti ġenerali u speċifiċi stabbiliti fl-avviż ta' kompetizzjoni, sabiex il-bord ta' selezzjoni jkun jista' jivverifika l-eżattezza tal-informazzjoni.

Ir-reġistrazzjoni online permezz tal-applikazzjoni “Apply4EP” hija l-uniku mod kif tapplika.

L-applikazzjoni Apply4EP tippermetti download ta' massimu ta' 3 MB għad-dokumenti kollha f'format DOC, DOCX, GIF, JPG, TXT, PDF, PNG u RTF li jiċċertifikaw l-esperjenza professjonali, id-diploma/i u l-għarfien lingwistiku msemmija fil-formola tal-applikazzjoni,

2.2.   Fażi ta' preselezzjoni

Il-fażi ta' preselezzjoni tikkonsisti minn żewġ stadji:

a.

mistoqsijiet b'għażla multipla (MCQ) u

b.

evalwazzjoni tal-kapaċitajiet.

Il-lista tal-kandidati li ssottomettew il-fajl tal-applikazzjoni tagħhom skont il-modalitajiet u fiż-żmien dovut hija stabbilita mill-Awtorità tal-Ħatra, imbagħad din il-lista tintbagħat flimkien mal-fajls lill-bord ta' selezzjoni.

Dawn il-kandidati jiġu mistiedna jagħmlu t-test ta' preselezzjoni fil-forma ta' mistoqsijiet b'għażla multipla (MCQ) bil-kompjuter. Il-korrezzjoni tat-test issir bil-kompjuter.

Il-kandidati jirċievu permezz tal-kont Apply4EP tagħhom eżempji ta' mistoqsijiet kif ukoll istruzzjonijiet dwar kif għandhom jagħmlu t-test.

L-evalwazzjoni tal-kapaċitajiet tinsab fl-Anness III ta' din il-gwida. Trid tikkompletaha u tagħmel upload tagħha fl-Apply4EP fit-taqsima Lingwi oħra (differenti mil-lingwi 1 u 2 hawn fuq) – Dokumenti ġustifikattivi tal-formola tal-applikazzjoni tiegħek.

Biex jintgħażlu l-kandidati li se jiġu mistiedna għat-testijiet bil-miktub, il-bord ta' selezzjoni jivverifika, f'ordni dekrexxenti tal-marki miksuba fit-test “mistoqsijiet b'għażla multipla” l-issodisfar tar-rekwiżiti ġenerali u speċifiċi.

Imbagħad, il-bord ta' selezzjoni jevalwa lill-applikanti li l-kwalifiki tagħhom (b'mod partikolari d-diplomi, l-għarfien lingwistiku u l-esperjenza professjonali) ikunu l-aktar rilevanti għan-natura tal-funzjonijiet u għall-kriterji ta' selezzjoni stabbiliti fl-avviż ta' kompetizzjoni.

Il-bord ta' selezzjoni jibbaża l-evalwazzjoni tiegħu esklużivament fuq it-tweġibiet mogħtija mill-kandidat fl-evalwazzjoni tal-kapaċitajiet, sakemm in-numru ta' kandidati jikkorrispondi għan-numru ta' persuni li jistgħu jiġu mistiedna għall-istadju li jmiss tal-kompetizzjoni.

Biex jagħmel is-selezzjoni abbażi tal-kwalifiki, il-bord ta' selezzjoni jeżamina t-tweġibiet mogħtija mill-kandidati fl-evalwazzjoni tal-kapaċitajiet. Kull tweġiba tingħata bejn 0 u 4 punti. Il-bord ta' selezzjoni jista' jiddeċiedi li japplika ponderazzjoni ta' bejn 1 u 3 għal kull kriterju ta' selezzjoni, skont l-importanza tiegħu. F'dan il-każ, il-punti mogħtija għal kull tweġiba jiġu mmultiplikati b'dan il-koeffiċjent ta' ponderazzjoni. Il-punti ta' kull kandidat jingħaddu sabiex jiġu identifikati l-persuni li l-profil tagħhom jikkorrispondi l-aħjar għall-funzjonijiet li jridu jitwettqu.

F'każ li diversi kandidati jkunu kisbu l-istess punti għall-aħħar post disponibbli, il-kandidati kollha jiġu mistiedna għall-istadju li jmiss tal-kompetizzjoni. Il-formoli tal-applikazzjoni u l-evalwazzjonijiet tal-kapaċitajiet tal-kandidati li ma jilħqux dan is-soll ma jiġux ikkunsidrati.

2.3.   Testijiet

It-testijiet kollha huma obbligatorji u eliminatorji. In-numru massimu ta' kandidati ammessi għat-testijiet huwa stabbilit fl-avviż ta' kompetizzjoni.

Id-deskrizzjoni tat-testijiet u l-marki li jistgħu jingħataw jinsabu fit-Taqsima B.3 tal-avviż ta' kompetizzjoni.

Dettalji tekniċi — Testijiet online

Għat-testijiet organizzati online, il-Parlament Ewropew iqabbad lil fornitur ta' servizzi.

Se jkollok għalhekk bżonn ta' kompjuter mgħammar b'sistema operattiva:

Microsoft Windows 7 jew aktar avvanzata, jew inkella Apple OS X 10.10 “Yosemite” jew aktar avvanzata għal MAC

1 GB ta' spazju liberu fuq il-hard disc

kamera konnessa jew li tagħmel parti mill-kompjuter tiegħek

konnessjoni tal-internet

4 GB ta' RAM

Is-sistemi operattivi XP, Vista u anqas avvanzata, Windows 10 S, Windows ARM (RT), MacOS anqas minn 10.10, IOS (Ipad, Iphone), Android, Chromebook, Machine virtuelle, Linux (debian, ubuntu, …) ma jgħoddux.

Se jkollok ukoll bżonn id-drittijiet ta' amministratur għall-kompjuter biex timblokka l-aċċess għall-applikazzjonijiet (dokumenti, software ieħor, siti web, eċċ.) ħlief dik tal-fornitur tas-servizz matul tat-test.

Trid taċċerta ruħek li d-data u l-ħin tal-kompjuter tiegħek ikunu ssettjati tajjeb u li r-riżoluzzjoni tal-iskrin tiegħek tkun korretta.

Trid tniżżel, tinstalla, tivverifika u tittestja l-applikazzjoni mill-anqas ġimgħa qabel it-test. Sabiex tittestja l-applikazzjoni wara li tkun installajtha, trid tagħmel test ta' prerekwiżiti tekniċi. Dan it-test ta' prerekwiżiti tekniċi huwa obbligatorju, iżda ma jkunx jgħodd għall-marka tiegħek. Dan jippermettilek tiffamiljarizza ruħek mal-applikazzjoni u mal-użu tagħha.

Kull antivirus fuq il-kompjuter irid jiġi diżattivat matul it-test.

Jekk, fi kwalunkwe stadju tal-kompetizzjoni, ikollok problema teknika, informa lill-Unità tas-Selezzjoni tat-Talenti b'email f'dan l-indirizz: PERS-APPLY4EPContacts@europarl.europa.eu, jew permezz tal-kont Apply4EP tiegħek, billi tindika b'mod ċar in-numru u t-titlu tal-kompetizzjoni kif ukoll il-problema li kellek, sabiex inkunu nistgħu neżaminaw il-kwistjoni u, jekk ikun meħtieġ, nieħdu miżuri korrettivi.

F'jum it-test: Matul it-test, agħmel dak kollu li jkun meħtieġ biex ma jkollokx għalfejn titlaq minn quddiem il-kompjuter tiegħek. Fil-“Gwida għall-kandidat”, li se tintbagħatlek mal-ittra ta' stedina għat-test, issib aktar informazzjoni dwar kif se jseħħ it-test u dwar x'għandek u x'ma għandekx tagħmel matul it-testijiet.

Jekk issib problema matul it-test, ċempel minnufih lill-fornitur tas-servizz fuq + 33 183620928 biex tinstab soluzzjoni għall-problema u biex tkun tista' tkompli t-test tiegħek.

F'każ ta' abbandun min-naħa tal-kandidat, it-testijiet ma jiġux ikkoreġuti.

Għal raġunijiet ta' organizzazzjoni, it-testijiet jistgħu jsiru fl-istess jum, iżda dawn it-testijiet jiġu kkoreġuti fl-ordni li fihom jidhru t-testijiet fl-avviż ta' kompetizzjoni. B'hekk, meta kandidat ma jiksibx il-marka minima meħtieġa f'test, il-bord ta' selezzjoni ma jikkoreġix it-test suċċessiv.

2.4.   Lista ta' riżerva

In-numru massimu tal-kandidati stabbilit fl-avviż ta' kompetizzjoni biss jiddaħħal fil-lista ta' riżerva. Din issir disponibbli għall-pubbliku bl-ismijiet tal-kandidati magħżula.

Il-fatt li isem ta' kandidat jitniżżel fil-lista ta' riżerva jfisser li jista' jiġi mistieden minn wieħed mis-servizzi tal-istituzzjoni għal intervista, iżda ma jikkostitwix dritt jew garanzija ta' reklutaġġ min-naħa tal-istituzzjoni.

3.   KIF TAPPLIKA?

3.1.   Kwistjonijiet ġenerali

Qabel ma tapplika, aqra sew ir-rekwiżiti meħtieġa fl-avviż ta' kompetizzjoni rigward l-esperjenza professjonali, it-taħriġ u l-ħiliet lingwistiċi. Għandek taqra l-avviż ta' kompetizzjoni u din il-gwida u taċċetta l-kondizzjonijiet tagħhom. Inti mistieden tapplika għall-pożizzjonijiet li għalihom tissodisfa tal-anqas il-kriterji mitluba u li jkollok prova tal-ħiliet meħtieġa.

Il-Parlament Ewropew joffri pjattaforma online, Apply4EP, li permezz tagħha tista' tapplika għall-kompetizzjonijiet tiegħu. Tista' tiġi kkonsultata fl-indirizz li ġej: https://apply4ep.gestmax.eu Biex toħloq kont f'Apply4EP, ikklikkja fuq it-tab “Applika online” li tinsab fi tmiem l-avviż ta' kompetizzjoni li tkun tixtieq tapplika għaliha, u segwi l-istruzzjonijiet.

Tista' toħloq biss kont wieħed. Madankollu, tista' timmodifika d-data rreġistrata sabiex taġġorna l-informazzjoni tiegħek kollha.

Ħejji minn qabel id-dokumenti ġustifikattivi kollha meħtieġa għaliex il-formola tal-applikazzjoni tista' ssir biss fi stadju wieħed. Importanti: S'issa, Apply4EP ma għandhiex sistema li tippermetti li tissejvja. Konsegwentement, jekk titlaq mill-paġna mingħajr ma tiffinalizza l-formola tal-applikazzjoni, titlef l-informazzjoni kollha mniżżla u jkollok terġa' tibda mill-bidu.

Inti meħtieġ timla online l-formola tal-applikazzjoni u tehmeż, preferibbilment fil-format PDF, id-dokumenti ġustifikattivi kollha meħtieġa. Trid tikkompleta l-evalwazzjoni tal-kapaċitajiet u tindika b'mod ċar il-lingwa 3 tiegħek fid-dikjarazzjoni tal-għarfien tal-lingwa 3 (Anness III). Ladarba tkun ikkompletajtha, trid tagħmel upload tagħha fil-formola tal-applikazzjoni tiegħek fit-tab Lingwi oħra (differenti mil-lingwa 1 u mil-lingwa 2 hawn fuq) – Dokumenti ġustifikattivi tal-formola tal-applikazzjoni tiegħek. Ma jkunx possibbli li tirreġistra wara li tkun għaddiet id-data ta' skadenza stabbilita f'dan l-avviż ta' kompetizzjoni. Huwa ferm irrakkomandat li ma tistenniex sal-aħħar jum biex tippreżenta l-formola tal-applikazzjoni tiegħek. Il-Parlament Ewropew ma jistax jinżamm responsabbli ta' funzjonament ħażin eventwali tal-aħħar minuta li jista' jkun partikolarment dovut għal użu eċċessiv tas-sistema.

Kwalunkwe dokument li ma jiġix mehmuż mal-formola online u jintbagħat mod ieħor, ma jiġix ikkunsidrat.

L-Unità tas-Selezzjoni tat-Talenti mhijiex se taċċetta l-applikazzjonijiet li jiġu ppreżentati bl-idejn.

Jekk għandek diżabilità jew tinsab f'sitwazzjoni partikolari (pereżempju tqala, treddigħ, problemi ta' saħħa, trattament mediku, eċċ.), li tista' tikkawża diffikultajiet waqt l-iżvolġiment tat-testijiet, għandek tindikaha fil-formola tal-applikazzjoni u tagħti kull informazzjoni utli sabiex l-amministrazzjoni, jekk ikun possibbli, tkun tista' tieħu l-miżuri kollha neċessarji fil-limiti ta' dak li jitqies bħala raġonevoli. Fejn xieraq, fil-formola tal-applikazzjoni tiegħek, għandek tagħti dettalji preċiżi utli dwar il-miżuri li taħseb li huma meħtieġa sabiex jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tiegħek fit-testijiet. Innota li, biex it-talba tiegħek tkun tista' tiġi kkunsidrata, trid tibgħat ċertifikat maħruġ mill-awtorità nazzjonali tiegħek jew ċertifikat mediku. Id-dokumenti ġustifikattivi tiegħek jiġu eżaminati sabiex tkun tista' ssir akkomodazzjoni raġonevoli f'każ ta' bżonn.

3.2.   Kif tibgħat il-fajl komplut?

(1)

Applika online billi tuża l-link fl-avviż ta' kompetizzjoni u imla fid-dettall l-iskrins kollha, pass pass. Biex tagħmel dan, irid ikollok kont WIEĦED BISS fuq il-pjattaforma Apply4EP, li inti tista' toħloq billi tikklikkja fuq “Applika online”.

(2)

Ehmeż id-dokumenti ġustifikattivi kollha meħtieġa, li tkun innumerajt u kkonvertejt minn qabel, preferibbilment fil-format PDF. Il-pjattaforma APPLY4EP tippermetti li tagħmel upload ta' dokument ta' daqs massimu ta' 3 MB għal kull perjodu ta' esperjenza professjonali u kull diploma kif ukoll għall-kwestjonarju tal-evalwazzjoni tal-kapaċitajiet u d-dikjarazzjoni tal-għarfien lingwistiku.

(3)

Ivvalida l-applikazzjoni tiegħek billi ssegwi l-istruzzjonijiet tal-applikazzjoni u qabel id-data tal-iskadenza indikata fl-avviż ta' kompetizzjoni. Ladarba tkun ivvalidajt il-formola tal-applikazzjoni tiegħek, ma tkun tista' tagħmel ebda tibdil u lanqas iżżid dokumenti.

3.3.   Liema dokumenti ġustifikattivi għandek tehmeż mal-fajl?

3.3.1.   Kwistjonijiet ġenerali

Id-dokumenti, preferibbilment fil-format PDF, li tkun għamilt upload tagħhom meta tkun irreġistrajt online, ma għandhomx ikollhom il-marka “Kopja awtentika”.

Ir-referenzi għal siti tal-internet ma jistgħux jitqiesu bħala dokumenti ġustifikattivi.

Id-dokumenti stampati minn siti tal-internet ma jitqisux bħala ċertifikati, iżda jistgħu jinhemżu bħala informazzjoni addizzjonali.

Curriculum vitæ mhuwiex meqjus bħala dokument ġustifikattiv tal-esperjenza professjonali, tad-diploma/i jew tal-għarfien lingwistiku.

Inti ma tistax tirreferi għal applikazzjonijiet għal kompetizzjonijiet jew proċeduri ta' selezzjoni oħra jew għal dokumenti mibgħuta b'rabta ma' applikazzjonijiet oħra.

Jekk, fi kwalunkwe stadju tal-kompetizzjoni, jiġi kkonstatat li d-dikjarazzjonijiet fornuti fil-formola tal-applikazzjoni ma jkunux eżatti, ma jkunux ikkonfermati mid-dokumentazzjoni mibgħuta jew ma jikkorrispondux għar-rekwiżiti kollha ta' dan l-avviż ta' kompetizzjoni, jew li inti tkun ħloqt iktar minn kont wieħed, il-parteċipazzjoni tiegħek fil-kompetizzjoni tiġi kkanċellata.

3.3.2.   Dokumenti ġustifikattivi għar-rekwiżiti ġenerali

F'dan l-istadju l-ebda dokument ma huwa meħtieġ biex jiġġustifika li inti:

tkun ċittadin ta' wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea,

tgawdi d-drittijiet ċivili tiegħek,

tkun tissodisfa kull obbligu impost mil-liġijiet ta' reklutaġġ applikabbli fil-qasam militari,

toffri l-garanziji ta' moralità mitluba għat-twettiq tal-funzjonijiet previsti,

ikollok għarfien tal-lingwi 1 u 2 indikati fil-formola tal-applikazzjoni tiegħek.

Inti trid timmarka l-kaxxa “Dikjarazzjoni”. Billi timmarka din il-kaxxa, inti tiddikjara solennement li tissodisfa dawn ir-rekwiżiti u li l-informazzjoni fornuta hija veraċi u kompleta. Dawn id-dokumenti se jintalbulek madankollu matul ir-reklutaġġ.

3.3.3.   Dokumenti ġustifikattivi għar-rekwiżiti speċifiċi u l-evalwazzjoni tal-kapaċitajiet

Jeħtieġlek tipprovdi lill-bord ta' selezzjoni l-informazzjoni u d-dokumenti kollha li jippermettulu jivverifika l-eżattezza tal-informazzjoni msemmija fil-formola tal-applikazzjoni.

Diplomi u/jew ċertifikati li jiċċertifikaw it-tlestija tal-istudji

Jeħtieġlek tipprovdi, f'forma ta' dokumenti, preferibbilment fil-format PDF, mehmuża mar-reġistrazzjoni online, id-diplomi tal-edukazzjoni sekondarja, il-kwalifiki universitarji jew iċ-ċertifikati li jiċċertifikaw l-istudji tal-livell meħtieġ fl-avviż ta' kompetizzjoni. F'dan ir-rigward, il-bord ta' selezzjoni jqis is-sistemi edukattivi differenti tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (Anness I ta' din il-gwida).

Għad-diplomi postsekondarji, għandha tinhemeż l-aktar informazzjoni dettaljata possibbli, speċjalment dwar it-tul ta' żmien tal-istudji u s-suġġetti studjati, sabiex il-bord ta' selezzjoni jkun jista' jivvaluta r-rilevanza tad-diplomi meta mqabbla man-natura tal-funzjonijiet.

Fil-każ ta' taħriġ tekniku jew professjonali, jew kors ta' perfezzjonament jew speċjalizzazzjoni, jeħtieġlek tindika jekk kontx kors full time jew part time jew kors ta' filgħaxija, kif ukoll is-suġġetti u t-tul uffiċjali tal-korsijiet. Jekk jogħġbok agħmel upload ta' din l-informazzjoni f'dokument wieħed, preferibbilment fil-format PDF.

Esperjenza professjonali

Jekk l-avviż jeżiġi esperjenza professjonali, titqies biss dik li l-kandidat kiseb wara l-kisba tad-diploma jew iċ-ċertifikat meħtieġ. Huwa indispensabbli li d-dokumenti ġustifikattivi jagħtu prova tat-tul u l-livell tal-esperjenza professjonali u li d-deskrizzjoni tal-kompiti mwettqa tkun dettaljata kemm jista' jkun sabiex il-bord ta' selezzjoni jkun jista' jivvaluta r-rilevanza tal-esperjenza b'rabta man-natura tal-funzjonijiet. Jekk għandek bosta dokumenti għall-istess esperjenza professjonali jeħtieġlek tagħmel upload tagħhom f'dokument wieħed.

Il-perjodi kollha tal-attività professjonali kkonċernati għandhom ikunu koperti minn dokumenti ġustifikattivi, speċjalment:

ċertifikati minn min kien iħaddem il-kandidat preċedentement u minn min iħaddem il-kandidat fil-preżent li jiġġustifikaw l-esperjenza professjonali mitluba għall-aċċess għall-kompetizzjoni;

jekk, minħabba raġunijiet ta' kunfidenzjalità, il-kandidati ma jistgħux jehmżu ċ-ċertifikati tal-impjiegi meħtieġa, huwa essenzjali li, sabiex jissostitwuhom, ifornu fotokopji tal-kuntratt tax-xogħol jew tal-ittra ta' reklutaġġ u tal-ewwel u l-aħħar karta tal-paga;

għal dawk li ma jaħdmux bħala impjegati (dawk li jaħdmu għal rashom, professjonijiet liberali, eċċ.), jistgħu jkunu aċċettati bħala prova rċevuti li jagħtu dettalji dwar is-servizzi mogħtija jew kull dokument ġustifikattiv ieħor uffiċjali rilevanti.

Għarfien lingwistiku

Għall-profili lingwistiċi, u jekk ikun mitlub mill-avviż ta' kompetizzjoni, jeħtieġlek tiġġustifika t-tielet u, eventwalment, ir-raba' lingwa, fost l-24 lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, billi tikkompleta d-dikjarazzjoni u tispeċifika l-livell ta' għarfien tal-lingwa (Anness III).

Evalwazzjoni tal-kapaċitajiet

Jeħtieġlek twieġeb sensiela ta' mistoqsijiet. Il-mistoqsijiet huma bbażati fuq il-kriterji stabbiliti fl-avviż ta' kompetizzjoni u t-tweġibiet tiegħek jiġu evalwati mill-bord ta' selezzjoni. Il-kandidati kollha f'kompetizzjoni jwieġbu l-mistoqsijiet kollha. It-tweġibiet ta' kull kandidat jiġu ppreżentati lill-bord ta' selezzjoni fl-istess format, sabiex il-bord ikun jista' jwettaq evalwazzjoni dettaljata u oġġettiva tal-merti komparattivi tal-kandidati kollha.

4.   SKWALIFIKI

Inti tkun skwalifikat jekk:

fi kwalunkwe stadju tal-kompetizzjoni, jiġi kkonstatat li d-dikjarazzjonijiet fornuti fil-formola tal-applikazzjoni ma jkunux eżatti, ma jkunux ikkonfermati mid-dokumentazzjoni mitluba b'appoġġ għal dan, jew ma jissodisfawx ir-rekwiżiti kollha ta' dan l-avviż ta' kompetizzjoni;

tkun ħloqt aktar minn kont wieħed;

tkun ikkuntattjajt direttament jew indirettament lill-membri tal-bord ta' selezzjoni.

5.   AVVIŻ

Hija r-responsabbilità tiegħek li tieħu l-miżuri kollha sabiex l-applikazzjoni online tiegħek, ikkompletata kif xieraq, u akkumpanjata mid-dokumenti ġustifikattivi meħtieġa kollha, tiġi vvalidata f'Apply4EP sal-iskadenza stabbilita fl-avviż ta' kompetizzjoni. Kull applikazzjoni li tintbagħat b'Apply4EP tiġi kkonfermata b'email iġġenerata mill-pjattaforma, li tispeċifika li l-applikazzjoni tkun ġiet irreġistrata.

L-applikazzjonijiet li jintbagħtu b'mod ieħor u mhux b'Apply4EP ma jiġux ikkunsidrati. Għaldaqstant, huwa inutli li tintbagħat applikazzjoni bil-posta, irreġistrata jew le. L-Unità tas-Selezzjoni tat-Talenti lanqas mhi se taċċetta applikazzjonijiet li jitressqu bl-idejn.

Kull korrispondenza tal-Parlament Ewropew b'rabta mal-kompetizzjoni, inklużi l-istediniet għat-testijiet u l-komunikazzjoni tar-riżultati, tintbagħat bl-email fl-indirizz li inti tkun indikajt fil-formola tal-applikazzjoni waqt ir-reġistrazzjoni tiegħek online. Inti għandek ir-responsabbilità li tivverifika regolarment il-messaġġi tal-kont tal-email tiegħek u li taġġorna l-kont tiegħek f'każ li tinbidel l-informazzjoni personali tiegħek. Il-komunikazzjoni mal-kandidati (inklużi l-istediniet għat-testijiet u l-komunikazzjoni tar-riżultati) issir biss bil-lingwa tan-notifiki magħżula mill-kandidati.

Sabiex tinżamm l-indipendenza tal-bord ta' selezzjoni, kull kuntatt, dirett jew indirett, tal-kandidati mal-bord huwa formalment ipprojbit u jista' jwassal għall-esklużjoni tagħhom mill-kompetizzjoni.

L-Unità tas-Selezzjoni tat-Talenti hija inkarigata mill-komunikazzjoni mal-kandidati sa tmiem il-kompetizzjoni. Jekk diġà għandek kont Apply4EP, tista' tikteb permezz ta' dak il-kont. Jekk għad m'għandekx kont, tista' tikteb fl-indirizz li ġej: PERS-APPLY4EPContacts@europarl.europa.eu

6.   INFORMAZZJONI ĠENERALI

6.1.   Opportunitajiet indaqs

Il-Parlament Ewropew jiżgura li jevita kull forma ta' diskriminazzjoni.

Huwa japplika politika ta' opportunitajiet indaqs u jaċċetta l-applikazzjonijiet mingħajr ebda diskriminazzjoni, bħal pereżempju diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjonijiet politiċi jew oħrajn, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età, l-orjentament sesswali, l-istat ċivili jew is-sitwazzjoni tal-familja.

6.2.   Talbiet għal aċċess mill-kandidati għall-informazzjoni li tikkonċernahom

Fil-kuntest tal-kompetizzjoni, jiġi rikonoxxut id-dritt speċifiku tal-kandidati li jkollhom aċċess, skont il-kondizzjonijiet deskritti hawn taħt, għal ċerta informazzjoni li tikkonċernahom direttament u individwalment. Bis-saħħa ta' dan id-dritt, il-Parlament Ewropew jista' jagħti lil kandidati, fuq talba tagħhom, l-informazzjoni kif ġej:

a)

il-kandidati li ma jkunux għaddew mit-testijiet bil-miktub u/jew ma kinux fost dawk li ġew mistiedna għat-testijiet orali jistgħu jiksbu kopja ta' dawn it-testijiet kif ukoll kopja tal-karta tal-evalwazzjoni individwali li tinkludi l-valutazzjonijiet mogħtija mill-bord ta' selezzjoni. Kull talba għandha tiġi ppreżentata fi żmien xahar li jibda jiddekorri mid-data li fiha ntbagħtet l-email li tikkomunika d-deċiżjoni.

b)

il-kandidati li ġew mistiedna għat-testijiet orali u li ma tniżżlux fil-lista ta' riżerva jiġu informati bir-riżultati tagħhom fit-testijiet differenti wara li l-bord ta' selezzjoni jkun stabbilixxa l-lista ta' riżerva. Fuq talba tagħhom, jistgħu jiksbu kopja tat-testijiet bil-miktub tagħhom u, għal kull wieħed mit-testijiet, bil-miktub jew orali, kopja tal-karti individwali li jinkludu l-valutazzjonijiet mogħtija mill-bord ta' selezzjoni. Kull talba għal kopja għandha tiġi ppreżentata fi żmien xahar li jibda jiddekorri mid-data li fiha ntbagħtet l-email li tikkomunika d-deċiżjoni li isimhom ma jiġix inkluż fil-lista ta' riżerva.

c)

il-kandidati mniżżla fil-lista ta' riżerva jiġu informati biss li huma għaddew mill-kompetizzjoni.

It-talbiet huma pproċessati b'kunsiderazzjoni tas-segretezza tax-xogħlijiet tal-bord ta' selezzjoni prevista mir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (Anness III, Artikolu 6) u fir-rispett tar-regoli dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi rigward l-ipproċessar tad-data personali.

6.3.   Protezzjoni tad-data personali

Il-Parlament Ewropew, bħala l-korp responsabbli għall-organizzazzjoni tal-kompetizzjonijiet, jiżgura li d-data personali tal-kandidati tiġi pproċessata fir-rispett sħiħ tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), speċjalment rigward il-kunfidenzjalità u s-sigurtà tagħhom.

6.4.   Spejjeż tal-ivvjaġġar u tal-alloġġ f'każ ta' testijiet organizzati bi preżenza fiżika

Il-kandidati mistiedna għat-testijiet jirċievu kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-alloġġ tagħhom. Il-kandidati jiġu informati bl-arranġamenti u bit-tariffi applikabbli waqt l-istedina tagħhom għat-testijiet.

L-indirizz mogħti mill-kandidat fil-formola tal-applikazzjoni jitqies bħala l-post li minnu l-kandidat jitlaq biex jattendi t-testijiet. F'dan ir-rigward, bidla fl-indirizz ikkomunikata mill-kandidat wara li l-Parlament Ewropew ikun bagħat l-istedina għat-testijiet ma tistax tiġi kkunsidrata, ħlief jekk il-Parlament Ewropew iqis li ċ-ċirkostanzi msemmija mill-kandidat ikunu ekwivalenti għal forza maġġuri jew ikun każ mhux mistenni.

7.   TALBIET GĦAL RIEŻAMI — APPELLI — ILMENTI LILL-OMBUDSMAN EWROPEW

L-informazzjoni rigward it-talbiet għal rieżami, il-mezzi ta' rikors u l-ilmenti lill-Ombudsman Ewropew jinsabu fl-Anness III ta' din il-gwida.


(1)  Ara r-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tal-Kunsill (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1) emendat mir-Regolament (KE, Euratom) Nru 723/2004 (ĠU L 124, 27.4.2004, p. 1) kif ukoll mir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2013 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 15).

(2)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


ANNESS I

Tabella indikattiva tad-diplomi li jagħtu aċċess għall-proċeduri ta’ selezzjoni tal-grupp ta’ funzjonijiet AD (1) (kull każ għandu jiġi eżaminat għalih)

PAJJIŻ

Edukazzjoni ta’ livell universitarju – 4 snin jew aktar

Edukazzjoni ta’ livell universitarju – 3 snin jew aktar

Belgique — België — Belgien

Licence/Licentiaat / Diplôme d'études approfondies (DEA) / Diplôme d'études spécialisées (DES) / Diplôme d'études supérieures spécialisées (DESS) / Gediplomeerde in de Voortgezette Studies (GVS) / Gediplomeerde in de Gespecialiseerde Studies (GGS) / Gediplomeerde in de Aanvullende Studies (GAS)

Agrégation de l’enseignement secondaire supérieur (AESS)/ Aggregaat

Ingénieur industriel/Industrïeel ingenieur / Master — 60/120 ECTS / Master complémentaire — 60 ECTS ou plus

Agrégation de l’enseignement secondaire supérieur (AESS) — 30 ECTS

Doctorat/Doctoraal Diploma

Bachelor académique (dit «de transition») — 180 ECTS

Academisch gerichte Bachelor — 180 ECTS

България

Диплома за висше образование Бакалавър — 240 ECTS / Магистър — 300 ECTS / Доктор

Магистър след Бакалавър — 60 ECTS / Магистър след Професионален бакалавър по … — 120 ECTS

 

Česko

Diplom o ukončení vysokoškolského studia / Magistr / Doktor

Diplom o ukončení bakalářského studia (Bakalář)

Danmark

Kandidatgrad/Candidatus / Master/Magistergrad (Mag.Art) / Licenciatgrad / Ph.d.-grad

Bachelorgrad (B.A or B. Sc) / Professionsbachelorgrad / Diplomingeniør

Deutschland

Master (alle Hochschulen) / Diplom (Univ.) / Magister / Staatsexamen / Doktorgrad

Bachelor / Fachhochschulabschluss (FH)

Staatsexamen (Regelstudienzeit 3 Jahre)

Eesti

Rakenduskõrghariduse diplom Bakalaureusekraad (160 ainepunkti) / Magistrikraad / Arstikraad / Hambaarstikraad / Loomaarstikraad / Filosoofiadoktor / Doktorikraad (120–160 ainepunkti)

Bakalaureusekraad (min 120 ainepunkti) / Bakalaureusekraad (< 160 ainepunkti)

Éire/Ireland

Céim Onórach Bhaitsiléara (4 bliana/240 ECTS) Honours Bachelor Degree (4 years/ 240 ECTS) / Céim Ollscoile University Degree /

Céim Mháistir (60-120 ECTS) Masters Degree (60-120 ECTS) / Céim Dochtúra Doctorate

Céim Onórach Bhaitsiléara (3 bliana/180 ECTS) (BA, B.Sc, B. Eng) Honours Bachelor Degree (3 years/180 ECTS) (BA, B.Sc, B. Eng)

Ελλάδα

Πτυχίο [ΑΕI (πανεπιστημίου, πολυτεχνείου), ΤΕI υποχρεωτικής τετραετούς φοίτησης] 4 χρόνια (1ος κύκλος)

Μεταπτυχιακό Δίπλωμα Ειδίκευσης (2ος κύκλος)

Διδακτορικό Δίπλωμα (3ος κύκλος)

 

España

Licenciado / Ingeniero / Arquitecto / Graduado / Máster Universitario / Doctor

Diplomado / Ingeniero técnico

Arquitecto técnico/Maestro

France

Maîtrise / MST (maîtrise des sciences et techniques) / MSG (maîtrise des sciences de gestion)

DEST (diplôme d'études supérieures techniques) / DRT (diplôme de recherche technologique)

DESS (diplôme d'études supérieures spécialisées) / DEA (diplôme d'études approfondies)

Master 1 / Master 2 professionnel / Master 2 recherche

Diplôme des grandes écoles / Diplôme d'ingénieur / Doctorat

Licence

Hrvatska

Baccalaureus / Baccalaurea (Sveučilišni Prvostupnik / Prvostupnica)

Stručni Specijalist

Master degree (magistar struke) 300 kredit min

magistar inženjer/ magistrica inženjerka (mag. ing).

Doktor struke / Doktor umjetnosti

Baccalaureus / Baccalaurea (Sveučilišni Prvostupnik / Prvostupnica)

Italia

Diploma di Laurea (DL) — da 4 a 6 anni / Laurea specialistica (LS) / Laurea magistrale (LM) / Master universitario di primo livello / Master universitario di secondo livello / Diploma di Specializzazione (DS) / Dottorato di ricerca (DR)

Diploma universitario (3 anni) / Diploma di Scuola diretta a fini speciali (3 anni) / Laurea — L180 crediti

Κύπρος

Πανεπιστημιακό Πτυχíο/Bachelor

Master / Doctorat

 

Latvija

Bakalaura diploms (160 kredītpunkti) / Profesionālā bakalaura diploms / Maģistra diploms / Profesionālā maģistra diploms / Doktora grāds

Bakalaura diploms (min. 120 kredītpunkti)

Lietuva

Aukštojo mokslo diplomas / Bakalauro diplomas / Magistro diplomas / Daktaro diplomas / Meno licenciato diplomas

Profesinio bakalauro diplomas Aukštojo mokslo diplomas

Luxembourg

Master / Diplôme d'ingénieur industriel / DESS en droit européen

Bachelor / Diplôme d'ingénieur technicien

Magyarország

Egyetemi oklevél / Alapfokozat — 240 kredit / Mesterfokozat / Doktori fokozat

Főiskolai oklevél / Alapfokozat — 180 kredit vagy annál több

Malta

Bachelor's degree / Master of Arts / Doctorate

Bachelor’s degree

Nederland

HBO Bachelor degree

HBO/WO Master's degree

Doctoraal examen /Doctoraat

Bachelor (WO)

Österreich

Master Magister/Magistra

Magister/Magistra (FH)

Diplom-Ingenieur/in

Diplom-Ingenieur/in (FH)

Doktor/in

PhD

Bachelor

Bakkalaureus/Bakkalaurea

Bakkalaureus/Bakkalaurea (FH)

Polska

Magister / Magister inżynier

Dyplom doktora

Licencjat / Inżynier

Portugal

Licenciado / Mestre / Doutor

Bacharel / Licenciado

România

Diplomă de Licenţă / Diplomă de inginer / Diplomă de urbanist / Diplomă de Master / Diplomă de Studii Aprofundate / Certificat de atestare (studii academice postuniversitare) / Diplomă de doctor

Diplomă de Licență

Slovenija

Univerzitetna diploma/ Magisterij / Specializacija / Doktorat

Diploma o pridobljeni visoki strokovni izobrazbi

Slovensko

diplom o ukončení vysokoškolského štúdia / bakalár (Bc.) / magister magister/inžinier / ArtD

diplom o ukončení bakalárskeho štúdia (bakalár)

Suomi/

Finland

Maisterin tutkinto — Magister-examen

Ammattikorkeakoulututkinto — Yrkeshögskoleexamen (min 160 opintoviikkoa — studieveckor)

Tohtorin tutkinto (Doktorsexamen) joko 4 vuotta tai 2 vuotta lisensiaatin tutkinnon jälkeen — antingen 4 år eller 2 år efter licentiatexamen / Lisensiaatti/Licentiat

Kandidaatin tutkinto — Kandidatexamen / Ammattikorkeakoulututkinto -

Yrkeshögskoleexamen (min 120 opintoviikkoa — studieveckor)

Sverige

Magisterexamen (akademisk examen omfattande minst 160 poäng varav 80 poäng fördjupade studier i ett ämne + uppsats motsvarande 20 poäng eller två uppsatser motsvarande 10 poäng vardera) / Licentiatexamen / Doktorsexamen

Meriter på avancerad nivå: Magisterexamen, 1 år, 60 högskolepoäng / Masterexamen, 2 år, 120 högskolepoäng

Meriter på forskarnivå: Licentiatexamen, 2 år, 120 högskolepoäng / Doktorsexamen, 4 år, 240 högskolepoäng

Kandidatexamen (akademisk examen omfattande minst 120 poäng varav 60 poäng fördjupade studier i ett ämne + uppsats motsvarande 10 poäng)

Meriter på grundnivå:

Kandidatexamen, 3 år, 180 högskolepoäng (Bachelor)

United Kingdom

Honours Bachelor degree / Master's degree (MA, MB, MEng, MPhil, MSc) / Doctorate

(Honours) Bachelor degree

NB: Master's degree in Scotland


(1)  L-aċċess għall-gradi 7 sa 16 tal-grupp ta’ funzjonijiet AD huwa soġġett għall-kondizzjoni addizzjonali ta’ esperjenza professjonali adegwata ta’ mill-anqas sena.


ANNESS II

TALBIET GĦAL RIEŻAMI — APPELLI — ILMENTI LILL-OMBUDSMAN EWROPEW

Jekk tqis li deċiżjoni laqtitek b'mod negattiv, tista' titlob li jsir rieżami tagħha, tappella jew tippreżenta lment lill-Ombudsman Ewropew (1).

Talbiet għal rieżami

Inti tista' titlob lill-bord ta' selezzjoni r-rieżami tad-deċiżjonijiet li ġejjin:

in-nuqqas ta' stedina għal test bil-miktub u

in-nuqqas ta' stedina għat-testijiet orali.

Id-deċiżjoni li kandidat ma jiġix inkluż fil-lista ta' riżerva ma tistax tkun soġġetta għal rieżami mill-bord ta' selezzjoni.

It-talbiet għal rieżami motivati għandhom jintbagħtu permezz tal-kont Apply4EP tiegħek fi żmien għaxart ijiem kalendarji li jiddekorru mid-data tal-email li tinnotifika din id-deċiżjoni. It-tweġiba tiġi nnotifikata lill-persuna kkonċernata mill-aktar fis possibbli.

Appelli

Il-kandidati jistgħu jippreżentaw appell abbażi tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2), indirizzat lil:

M. le Secrétaire général

Parlement européen

Bât. Konrad Adenauer

2929 Luxembourg

LUXEMBOURG

Din il-possibilità hija miftuħa għall-istadji kollha tal-kompetizzjoni.

Għandha tiġi nnutata s-setgħa ta' valutazzjoni wiesgħa li għandhom il-bordijiet ta' selezzjoni, li jiddeliberaw b'indipendenza sħiħa u li d-deċiżjonijiet tagħhom ma jistgħux jinbidlu mill-Awtorità tal-Ħatra. Din is-setgħa ta' valutazzjoni wiesgħa mhix soġġetta għall-kontroll għajr f'każ ta' ksur evidenti tar-regoli li jirregolaw il-ħidma tagħhom. Id-deċiżjoni tal-bord ta' selezzjoni tista' b'hekk titressaq quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea anke jekk ma jkun ġie ppreżentat ebda lment skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-appell għandu jitressaq lil:

Tribunal de l'Union européenne

2925 Luxembourg

LUXEMBOURG

abbażi tal-Artikolu 270 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 91 tar-Regolament tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Din il-possibilità hija miftuħa biss għad-deċiżjonijiet meħuda mill-bord ta' selezzjoni.

F'każ ta' deċiżjonijiet amministrattivi li jirrifjutaw l-aċċess għall-kompetizzjoni minħabba n-nuqqas ta' konformità tal-applikazzjoni mar-rekwiżiti ta' eliġibbiltà kif stipulat fil-punt B.1. tal-avviż ta' kompetizzjoni, jista' jsir appell quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea biss wara li jsir appell kif imsemmi hawn fuq.

It-tressiq ta' appell quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea jeħtieġ b'mod obbligatorju l-intervent ta' avukat li jista' jeżerċita quddiem ġuriżdizzjoni ta' Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew taż-Żona Ekonomika Ewropea.

Il-limiti ta' żmien imsemmija fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u li japplikaw għal dawn iż-żewġ tipi ta' appelli jibdew jgħoddu, jew mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni inizjali li tolqot b'mod negattiv jew, fil-każ ta' talba għal rieżami, mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni meħuda mill-ġurija wara r-rieżami.

Ilmenti mressqa lill-Ombudsman Ewropew

Bħal kwalunkwe ċittadin tal-Unjoni Ewropea, il-kandidati jistgħu jippreżentaw ilment lil:

Médiateur européen

1, avenue du Président Robert Schuman — BP 403

67001 STRASBOURG CEDEX

FRANCE

skont l-Artikolu 228(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u skont il-kondizzjonijiet previsti mid-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom tal-Parlament Ewropew (3).

Għandha tinġibed l-attenzjoni tal-kandidati għall-fatt li r-riferimenti lill-Ombudsman ma jissospendux il-limitu ta' żmien stabbilit fl-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal għat-tressiq ta' appell quddiem it-Tribunal tal-Unjoni Ewropea abbażi tal-Artikolu 270 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Bi qbil mal-Artikolu 228(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Ombudsman Ewropew ma jeżaminax l-ilmenti meta l-fatti allegati huma jew kienu s-suġġett ta' proċedura ġuridika.


(1)  Il-preżentazzjoni ta' talbiet għal rieżami, appelli jew ilmenti lill-Ombudsman Ewropew ma jwaqqfux ix-xogħol tal-bord ta' selezzjoni.

(2)  Ara r-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tal-Kunsill (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1) emendat mir-Regolament (KE, Euratom) Nru 723/2004 (ĠU L 124, 27.4.2004, p. 1) kif ukoll mir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2013 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 15).

(3)  Id-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Marzu 1994 rigward ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq ta' l-obbligi ta' l-Ombudsman (ĠU L 113, 4.5.1994, p. 15).


ANNESS III

EVALWAZZJONI TAL-KAPAĊITAJIET U DIKJARAZZJONI TA' GĦARFIEN TAL-LINGWA 3

Image 1

Image 2

Image 3