26.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 147/1


Sejħa għal espressjoni ta’ interess għall-għażla tal-President permanenti tal-Bord ta’ livell għoli msemmi fl-Artikolu 143 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 u l-Viċi tiegħu/tagħha

(2021/C 147 A/01)

 

I.   Il-Bord

Il-Kummissjoni Ewropea timmaniġġja s-Sistema ta’ Identifikazzjoni u Esklużjoni Bikrija (EDES). L-EDES twaqqfet fl-2016 u għandha l-għeruq tagħha fir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit tal-UE rivedut fl-2018 (1) (l-Artikoli 135 sa 145). L-EDES hija għodda b’saħħitha għat-tisħiħ tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE kontra persuni u entitajiet u frodaturi mhux affidabbli (eż. l-esklużjoni mill-parteċipazzjoni fil-kisba ta’ fondi tal-UE u/jew Fondi Ewropej għall-Iżvilupp (FEŻ) u, fejn applikabbli, il-pubblikazzjoni tagħhom).

Il-koerenza tal-proċedura tas-sanzjonijiet amministrattivi hija żgurata mill-bord imsemmi fl-Artikolu 143 tar-Regolament Finanzjarju (“il-Bord”).

Ir-responsabbiltajiet ewlenin tal-Bord huma dawn li ġejjin:

jivvaluta b’mod ċentrali t-talbiet kollha għal sanzjonijiet amministrattivi mill-uffiċjali awtorizzanti tal-Kummissjoni u l-istituzzjonijiet u l-korpi l-oħra tal-UE;

jadotta rakkomandazzjonijiet dwar sanzjonijiet amministrattivi, jiġifieri esklużjoni u/jew penali finanzjarji u, fejn applikabbli, il-pubblikazzjoni tagħhom, wara talba minn uffiċjal awtorizzanti b’delega.

Skont l-Artikolu 93 tar-Regolament Finanzjarju, il-Bord tal-EDES huwa responsabbli wkoll għall-valutazzjoni ta’ każijiet ta’ irregolaritajiet finanzjarji interni mill-persunal tal-UE. Meta jittratta każijiet bħal dawn, il-Bord huwa magħmul minn 3 membri addizzjonali (rappreżentant tal-awtorità tal-ħatra kompetenti, membru maħtur mill-kumitat kompetenti tal-persunal u membru tas-servizz legali tal-istituzzjoni jew korp tal-Unjoni kkonċernati).

Il-Bord għandu r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu stess stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2018/1220 (2). Dawn ir-regoli jirregolaw il-mod kif il-Bord jorganizza l-ħidma tiegħu.

Il-Bord huwa magħmul minn:

President indipendenti permanenti ta’ livell għoli (“il- President”);

Żewġ rappreżentanti tal-Kummissjoni (żewġ membri rikorrenti maħtura mill-Kummissjoni);

Rappreżentant wieħed tal-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni li jagħmel it-talba.

Il-Bord huwa appoġġjat minn segretarjat permanenti pprovdut mill-Kummissjoni u amministrattivament marbut mad-Direttorat Ġenerali għall-Baġit. Id-deliberazzjonijiet u l-proċeduri bil-miktub quddiem il-Bord jistgħu jsiru bl-Ingliż, bil-Franċiż jew bil-Ġermaniż.

II.   Il-President tal-Bord

Il-President jirrappreżenta l-Bord. Huwa jippresiedi s-sessjonijiet kollha tal-Bord, li jistgħu jsiru permezz ta’ proċedura bil-miktub. Bl-assistenza tas-segretarjat permanenti, il-President:

Isejjaħ u jippresiedi l-laqgħat tal-Bord u jorganizza l-ħidma tal-Bord;

Jistabbilixxi l-iskeda tal-laqgħat tal-Bord, wara konsultazzjoni mal-membri permanenti, u jistieden, kif meħtieġ, lil kwalunkwe uffiċjal awtorizzanti ieħor biex jattendi l-laqgħat tal-Bord fil-kapaċità ta’ osservaturi;

Jiddelega lil membru ieħor tal-Bord, kif u meta xieraq, is-setgħa li jiffirma f’ismu, fuq ordni tiegħu, dokumenti relatati ma’ każ partikolari jew ma’ kwistjonijiet amministrattivi;

Jiżgura, fejn xieraq, kooperazzjoni mill-qrib mal-OLAF u, fil-futur, mal-Prosekutur Ewropew;

Jiffaċilita l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u l-qbil bejn il-Membri tal-Bord bil-għan li tiġi stabbilita l-klassifikazzjoni preliminari fil-liġi u l-adozzjoni tar-rakkomandazzjoni tagħha.

In-numru indikattiv ta’ jiem ta’ xogħol għat-twettiq tal-kompiti deskritti hawn fuq huwa kif ġej:

Għaxart (10) ijiem ta’ xogħol biex jattendu l-laqgħat fi Brussell;

Sittin (60) jum ta’ xogħol biex titwettaq ħidma preparatorja (li tista’ titwettaq mill-bogħod).

Il-mandat huwa ħames snin u ma jistax jiġġedded.

Il-President jinħatar bħala konsulent speċjali fis-sens tal-Artikolu 5 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea. Sabiex jiġu rispettati l-indipendenza tiegħu/tagħha u t-tul tal-mandat tiegħu/tagħha, il-kuntratti tiegħu/tagħha bħala konsulent speċjali ser jiġġeddu sa tmiem il-mandat tiegħu/tagħha.

III.   Il-Viċi tal-President

Il-Viċi jissostitwixxi lill-President fin-nuqqas jew impediment raġonevoli li jaffettwa lil dan tal-aħħar. Il-Viċi għandu jinħatar bħala konsulent speċjali fis-sens tal-Artikolu 5 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea. In-numru indikattiv ta’ ġranet tax-xogħol huwa simili għal dak tal-President.

IV.   Kriterji ta’ eliġibbiltà (komuni għall-President u l-Viċi tiegħu/tagħha)

Il-President u l-viċi tiegħu/tagħha għandhom jintgħażlu minn fost persuni li kienu Membri tal-Qorti tal-Awdituri, il-Qorti tal-Ġustizzja jew minn dawk li qabel kienu uffiċjali li jkunu mill-anqas fil-grad ta’ Direttur Ġenerali f’istituzzjoni tal-Unjoni li mhux il-Kummissjoni.

Barra minn hekk, il-kandidati jridu jissodisfaw il-kriterji formali li ġejjin sad-data tal-għeluq tal-applikazzjonijiet:

Ċittadinanza: ikunu ċittadini ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea,

Grad jew diploma tal-università:

Ikollhom livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji mitmuma, iċċertifikati b’diploma, fejn il-perjodu normali tal-edukazzjoni universitarja jkun ta’ erba’ snin jew aktar; jew

Livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji mitmuma, iċċertifikat b’diploma u esperjenza professjonali xierqa ta’ mill-inqas sena meta l-perjodu normali ta’ edukazzjoni universitarja jkun tal-inqas tliet snin (din is-sena ta’ esperjenza professjonali ma tistax tkun inkluża fl-esperjenza professjonali postuniversitarja meħtieġa hawn taħt);

Esperjenza professjonali: ikollhom mill-inqas 15-il sena esperjenza postuniversitarja miksuba wara l-kisba tal-kwalifiki msemmija hawn fuq, u ħames snin minnhom f’oqsma rilevanti għal-liġi, l-ekonomija u/jew il-finanzi;

Lingwi: ikollhom għarfien tajjeb ħafna ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għarfien adegwat ta’ mil-lanqas lingwa uffiċjali oħra;

Indipendenza u kunflitt ta’ interess: huwa/hija għandu/ha j/tkun indipendenti fil-qadi ta’ dmirijiethom. Huwa/hija m’għandux/m’għandhiex ikollu/ha konflitt ta’ interessi bejn id-dmirijiet tiegħu/tagħha bħala President tal-Bord/Viċi tal-President u kwalunkwe dmir uffiċjali ieħor.

V.   Kriterji tal-għażla

Il-President tal-Bord u l-Viċi tiegħu/tagħha jkunu magħżula fuq il-bażi ta’:

Ιl-kwalitajiet personali u professjonali tagħhom; kif ukoll

L-esperjenza wiesgħa tagħhom fi kwistjonijiet legali u finanzjarji u kompetenza ppruvata.

Kriterji essenzjali:

Għarfien profond tas-settur legali u dak finanzjarju tal-Unjoni Ewropea;

Ħiliet konċettwali u analitiċi f’saħħithom;

Ħiliet ta’ komunikazzjoni bil-miktub u bil-fomm eċċellenti;

Ħiliet ikkonfermati ta’ komunikazzjoni, sabiex jikkomunikaw b’mod effiċjenti u effettiv ma’ partijiet ikkonċernati interni u esterni u biex jiddefendu l-pożizzjoni tal-Bord f’fora Ewropej u internazzjonali.

Kriterji mixtieqa:

Għarfien profond tar-Regolamenti Finanzjarji tal-UE u r-Regolamenti tal-Persunal;

Għarfien dwar l-Istrateġija ta’ Kontra l-Frodi tal-Kummissjoni Ewropea;

Esperjenza fit-trattament ta’ każijiet ta’ frodi u irregolaritajiet fil-livell tal-Unjoni jew fil-livell nazzjonali;

Esperjenza professjonali fil-preżentazzjoni tar-riżultati ta’ analiżi waqt konferenzi, seminars jew sessjonijiet ta’ ħidma;

Esperjenza f’funzjonijiet ġuriżdizzjonali għoljin.

VI.   Indipendenza u dikjarazzjoni ta’ interessi (komuni għall-President u l-Viċi tiegħu/tagħha)

Il-President tal-Bord, u l-Viċi tiegħu/tagħha iridu jaġixxu b’mod indipendenti u la jistgħu jfittxu u lanqas jieħdu struzzjonijiet mill-istituzzjonijiet jew mill-korpi tal-Unjoni Ewropea jew minn kwalunkwe korp ieħor pubbliku jew privat.

Il-President tal-Bord u l-Viċi tiegħu/tagħha jkunu meħtieġa li jippreżentaw:

Dikjarazzjoni ta’ impenn li se jaġixxi b’mod indipendenti fl-interess pubbliku;

Dikjarazzjoni li telenka l-attivitajiet l-oħra kollha mwettqa;

Dikjarazzjoni fir-rigward ta’ kull tip ta’ interess li jista’ jitqies li jippreġudika l-indipendenza tagħhom.

Il-kandidati jridu jikkonfermaw ir-rieda tagħhom li jipprovdu dawn id-dikjarazzjonijiet fl-applikazzjoni tagħhom.

VII.   Termini tal-ħatra (komuni għall-President u l-Viċi tiegħu/tagħha)

Il-President tal-Bord u l-Viċi tiegħu/tagħha se jkunu maħtura wara proċedura ta’ għażla.

Wara li jiġu vvalutati l-applikazzjonijiet kollha, l-aktar kandidati kwalifikati li huma kkunsidrati li għandhom il-profil l-aktar xieraq jissejħu għal intervista.

Il-Kummissjoni se tistabbilixxi lista klassifikata tal-aktar żewġ kandidati kwalifikati fl-ordni li ġejja:

L-ewwel fil-lista klassifikata se jinħatar President tal-Bord;

It-tieni fil-lista klassifikata se jinħatar Viċi tal-President.

Fl-istabbiliment tal-klassifikazzjoni ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni se tiżgura li ż-żewġ persuni magħżula, bħala l-President u l-Viċi tiegħu/tagħha rispettivament, ikollhom profili professjonali komplementari u li jkunu kisbu l-esperjenza estensiva tagħhom f’żewġ istituzzjonijiet differenti tal-UE.

VIII.   Opportunitajiet indaqs

L-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea japplikaw politika ta’ opportunitajiet indaqs u jaċċettaw applikazzjonijiet mingħajr diskriminazzjoni abbażi ta’ sess, razza, kulur, oriġini soċjali jew etnika, karatteristiċi ġenetiċi, lingwa jew twemmin, opinjoni politika jew ta’ natura oħra, appartenenza għal minoranza nazzjonali, proprjetà, twelid, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali.

IX.   Il-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-President u l-Viċi tiegħu/tagħha

Il-President tal-Bord u l-Viċi tiegħu/tagħha se jinħatru għal perjodu li ma jiġġeddidx ta’ ħames snin.

Il-President tal-Bord u l-Viċi tiegħu/tagħha se jirċievu ħlas għal kull ġurnata xogħol. Dan il-ħlas se jiġi kkalkulat fuq il-bażi tas-salarju bażiku ta’ uffiċjal tal-Unjoni Ewropea fil-grad AD 16, skala 1. Il-ħlas se jkun soġġett għal taxxa għall-benefiċċju tal-Unjoni Ewropea.

Il-pożizzjoni hija bbażata fi Brussell (il-Belġju). Il-President tal-Bord u l-Viċi tiegħu/tagħha ser ikunu intitolati għal rimborż tal-ispejjeż tal-missjoni, skont il-kundizzjonijiet stipulati fir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fid-dispożizzjonijiet implimentattivi adottati mill-Kummissjoni.

X.   Kif tapplika

Innota:

Il-kandidati jistgħu japplikaw għaż-żewġ funzjonijiet ta’ President u Viċi jew għal waħda minnhom biss. Dan għandu jkun speċifikat b’mod ċar fl-applikazzjoni tal-kandidat.

L-applikazzjonijiet għandhom jiġu ppreżentati f’format elettroniku fl-indirizz li ġej: BUDG-AVIS-DE-VACANCES@ec.europa.eu

Jekk teħtieġ aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ibgħat email lil Panel-secretariat-BUDG@ec.europa.eu

Biex l-applikazzjonijiet ikunu validi, jekk jogħġbok ibgħat is-CV tiegħek fil-format Word jew PDF, flimkien ma’ ittra ta’ motivazzjoni (massimu ta’ 8 000 karattru) li tista’ tiġi sottomessa fi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl-indirizz elettroniku indikat hawn fuq.

Irid ikollok indirizz tal-posta elettronika validu. Dan l-indirizz se jintuża biex nikkonfermaw li rċevejna l-applikazzjoni tiegħek u biex ninfurmawk bl-eżitu tal-proċedura tal-għażla. Jekk jogħġbok informa lill-Kummissjoni Ewropea f’każ li l-indirizz tal-posta elettronika tiegħek jinbidel.

Sabiex jiġi ffaċilitat il-proċess tal-għażla, il-komunikazzjonijiet kollha lill-kandidati dwar din il-proċedura tal-għażla jkunu bl-Ingliż.

XI.   Skadenza

Id-data tal-għeluq għall-applikazzjonijiet hija għaxart (10) ijiem ta’ xogħol mid-data tal-pubblikazzjoni tas-sejħa għal espressjoni ta’ interess f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li testendi d-data tal-għeluq ta’ din is-sejħa għal espressjoni ta’ interess billi tippubblikaha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea biss.

XII.   Il-protezzjoni tad-data personali

Il-Kummissjoni se tiżgura li d-data personali tal-kandidati tiġi pproċessata kif jeżiġi r-Regolament (UE) 2018/1725 (3). Dan japplika b’mod partikolari għall-kunfidenzjalità u s-sigurtà ta’ tali data.


(1)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1220 tas-6 ta’ Settembru 2018 dwar ir-regoli ta’ proċedura tal-Bord imsemmija fl-Artikolu 143 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 226, 7.9.2018, p. 7).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).