|
24.3.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CA 102/15 |
L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta
Pubblikazzjoni ta’ post vakanti għall-kariga ta’ Deputat Direttur Eżekuttiv għall-Ġestjoni tal-Informazzjoni u l-Proċessi tal-EBCG
(Aġent Temporanju — Grad AD 13)
COM/2021/20059
(2021/C 102 A/03)
Min aħna
L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) ġiet stabbilita skont ir-Regolament dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta (1). L-Aġenzija nħolqot fuq il-bażi tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (stabbilita skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 (2)). Il-mandat attwali tagħha huwa stabbilit fir-Regolament (UE) 2019/1896 li daħal fis-seħħ fl-4 ta’ Diċembru 2019.
Il-Frontex tinsab f’Varsavja, il-Polonja, u tinsab fil-proċess li żżid b’mod sinifikanti d-daqs tal-persunal tagħha biex tissodisfa l-kompiti li qed jespandu tagħha abbażi tar-Regolament il-ġdid.
Ir-Regolament il-ġdid dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta jipprevedi l-istabbiliment tal-korp permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, li se jikkonsisti minn massimu ta’ 10 000 membru tal-persunal operazzjonali sal-2027, u se jiġi skjerat mal-fruntieri esterni tal-art, tal-baħar u tal-ajru tal-Unjoni Ewropea u taż-Żona Schengen. Huwa jsaħħaħ ukoll b’mod sinifikanti r-rwol tal-Aġenzija fil-qasam tar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, u b’hekk ikollha rwol ċentrali fis-sistema komuni tal-UE għar-ritorni mħabbra fil-Patt il-Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Asil, biex ir-ritorni jaħdmu tajjeb fil-prattika. Hija prijorità għall-Aġenzija li ssir il-fergħa operattiva tal-politika ta’ ritorn tal-UE.
Bl-istabbiliment tal-korp permanenti — l-ewwel servizz uniformi Ewropew tal-infurzar tal-liġi — il-Frontex toffri opportunità unika u pijuniera biex tifforma parti mill-fergħa operattiva tal-UE għall-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri. L-istabbiliment u l-operazzjonijiet tal-korp permanenti jqajmu diversi sfidi u riskji legali ġodda. Il-kandidat magħżul se jkollu l-opportunità li jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-applikazzjoni tal-liġi tal-UE f’dan il-qasam billi jiżviluppa soluzzjonijiet legali kreattivi f’kooperazzjoni mas-sħab interni u esterni.
Il-kompiti ewlenin tal-Aġenzija jinkludu:
|
— |
assistenza operazzjonali u teknika lill-Istati Membri tal-UE fil-fruntieri esterni tagħhom permezz tal-koordinazzjoni ta’ operazzjonijiet konġunti ta’ kontroll tal-fruntieri inkluż l-iskjerament tal-korp permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta kif ukoll bastimenti, inġenji tal-ajru u tagħmir ieħor, |
|
— |
fi ħdan il-mandat tagħha, il-koordinazzjoni tal-attivitajiet tas-sorveljanza tal-fruntieri u tal-infurzar tal-liġi li huma parti mis-sigurtà marittima f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali u l-aġenziji tal-UE bħall-Europol, l-EMSA u l-EFCA, |
|
— |
il-monitoraġġ tas-sitwazzjoni tal-fruntieri esterni tal-UE u l-analiżi tar-riskju tal-aspetti kollha tal-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri, inkluż il-valutazzjoni tal-kapaċità tal-awtoritajiet tal-kontroll tal-fruntieri tal-Istati Membri tal-UE li jiffaċċjaw pressjoni migratorja u sfidi differenti fil-fruntieri esterni tagħhom, |
|
— |
b’rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali, l-assistenza lill-Istati Membri fir-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi mhux tal-UE li m’għandhomx id-dritt li jibqgħu fit-territorju tal-UE, |
|
— |
l-iżvilupp ta’ programmi ta’ taħriġ għall-gwardji tal-fruntieri u tal-kosta Ewropej, |
|
— |
tissorvelja l-iżviluppi teknoloġiċi ġodda fil-qasam tal-kontroll tal-fruntieri u taġixxi bħala interfaċċja bejn l-istituzzjonijiet tar-riċerka, l-industrija u l-awtoritajiet nazzjonali tal-fruntiera u tal-gwardja tal-kosta, |
|
— |
fl-ambitu tal-mandat tagħha, il-kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet tal-UE u internazzjonali fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntieri u tal-gwardja tal-kosta, is-sigurtà, u l-prevenzjoni tal-kriminalità transfruntiera (inkluż it-terroriżmu), |
|
— |
l-assistenza lil pajjiżi li mhumiex fl-UE fil-kuntest tal-kooperazzjoni teknika u operazzjonali fil-qafas tal-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri u l-politika tar-relazzjonijiet esterni tal-UE. |
Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok irreferi għas-sit web tagħna: http://www.frontex.europa.eu
X’qed nipproponu
Taħt is-superviżjoni tad-Direttur Eżekuttiv, id-Deputat Direttur Eżekuttiv għall-Ġestjoni tal-Informazzjoni u l-Proċessi tal-EBCG għandu/għandha jissorvelja u jikkoordina l-ħidma tad-Diviżjonijiet rispettivi u jkun responsabbli biex:
|
— |
jappoġġa u jassisti lid-Direttur Eżekuttiv u lill-Bord tat-Tmexxija fl-iżvilupp strateġiku tal-Frontex billi jipprovdi pariri u għarfien espert fil-qasam ta’ responsabbiltà assenjat lilu/lilha, |
|
— |
jappoġġa u jassisti lid-Direttur Eżekuttiv fit-tħejjija tal-laqgħat tal-Bord tat-Tmexxija u fl-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tiegħu fil-qasam ta’ responsabbiltà assenjat lilu, |
|
— |
jissorvelja t-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-programmazzjoni pluriennali u l-programm ta’ ħidma annwali fi ħdan il-qasam ta’ responsabbiltà assenjat lilu/lilha u jirrapporta lid-Direttur Eżekuttiv u lill-Bord tat-Tmexxija dwar l-implimentazzjoni tagħhom, |
|
— |
jippjana, jidderieġi u jikkoordina l-użu tar-riżorsi tal-Aġenzija fit-twettiq tal-attivitajiet fil-qasam ta’ responsabbiltà assenjat lilu, jimmassimizza l-effettività, iżid l-effiċjenza u jiżgura kwalità għolja ta’ prodotti u servizzi, |
|
— |
jiżgura l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet meħuda matul il-Bord Operattiv tal-Aġenzija u t-Tgħarrif tad-Diretturi fi ħdan il-qasam ta’ responsabbiltà assenjat lilu, |
|
— |
jipprovdi tmexxija u direzzjoni lill-persunal tiegħu/tagħha fid-Diviżjonijiet rispettivi fit-twettiq tal-kompiti u l-objettivi assenjati lilu/lilha, |
|
— |
it-tmexxija u l-monitoraġġ tal-ippjanar tax-xogħol kif ukoll il-ġestjoni tal-prestazzjoni u tal-kwalità fi ħdan il-qasam ta’ responsabbiltà assenjat lilu/lilha u r-rappurtar lid-Direttur Eżekuttiv dwar ir-riżultati tagħhom, |
|
— |
iż-żamma ta’ rabtiet strateġiċi ma’ sħab esterni u partijiet ikkonċernati rilevanti għall-qasam ta’ responsabbiltà assenjat lilu/lilha, |
|
— |
il-promozzjoni u t-tmexxija ta’ kooperazzjoni transdiviżjonali effettiva, |
|
— |
ir-rappreżentanza tal-Frontex f’laqgħat u konferenzi esterni kif meħtieġ mid-Direttur Eżekuttiv, |
|
— |
jissostitwixxi d-Direttur Eżekuttiv fl-assenza tiegħu/tagħha, f’konformità mas-sistema interna ta’ deputar, |
|
— |
iwettaq kwalunkwe kompitu jew objettiv ieħor assenjat lilu mid-Direttur Eżekuttiv. |
Il-qasam ta’ responsabbiltà assenjat tad-Deputat Direttur Eżekuttiv għall-Ġestjoni tal-Informazzjoni u l-Proċessi tal-EBCG jinkludi:
|
— |
it-tmexxija, il-koordinazzjoni u s-superviżjoni tal-ħidma tad-Diviżjoni tal-Unità Ċentrali tas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) u d-Diviżjoni Finanzjarja, Diġitali u tas-Sigurtà. |
|
— |
is-sorveljanza tal-iżvilupp, iż-żamma u l-iżgurar tal-informazzjoni u l-flussi tad-data meħtieġa mir-rispons operazzjonali ta’ kuljum tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u fl-iffaċilitar tal-modernizzazzjoni mill-ġdid tal-funzjonijiet ta’ appoġġ amministrattiv, |
|
— |
jassisti lid-Direttur Eżekuttiv fil-kapaċità tiegħu bħala l-Uffiċjal Awtorizzanti tal-Aġenzija billi jissorvelja u jikkoordina l-funzjonijiet relatati mal-ġestjoni finanzjarja orizzontali, inkluż il-ġestjoni tal-kuntratti, kif ukoll jissorvelja u jikkoordina s-servizz tas-sigurtà u s-servizz ta’ ġestjoni tal-faċilitajiet, |
|
— |
is-sorveljanza tal-koordinazzjoni u l-konsistenza tal-attivitajiet tal-Frontex rigward l-iżvilupp, il-funzjonament u t-tħejjija operattiva tas-sistemi u n-netwerks kollha tal-ICT użati mill-Aġenzija, |
|
— |
jikkoordina l-kooperazzjoni tal-Aġenzija mal-awtoritajiet nazzjonali tal-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri (IBM) fir-rigward tal-operat ta’ kuljum tas-sistemi ta’ skambju ta’ informazzjoni, |
|
— |
is-sorveljanza u l-koordinazzjoni tal-implimentazzjoni tas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar f’kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati interni u esterni rilevanti, |
|
— |
jikkoordina l-attivitajiet tal-Aġenzija relatati mal-implimentazzjoni tal-programm ta’ interoperabbiltà. |
X’qed infittxu (il-kriterji għall-għażla)
Il-kandidat ideali jkun professjonist dinamiku u li jispikka li għandu jissodisfa l-kriterji tal-għażla li ġejjin:
(a) Ħiliet ta’ ġestjoni u esperjenza:
|
— |
ħiliet amministrattivi u maniġerjali tajbin u bi provi, b’mod partikolari esperjenza fl-immaniġġar tar-riżorsi baġitarji, finanzjarji u umani f’livell għoli f’kuntest nazzjonali, Ewropew u/jew internazzjonali, |
|
— |
esperjenza fil-kollegament u l-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet operazzjonali, strateġiċi kif ukoll ta’ politika, |
|
— |
ħila li jiżviluppa u jistabbilixxi proċessi u strutturi f’diversi oqsma ta’ attivitajiet u li jimmaniġġja u jissorvelja bidliet li jippruvaw metodi ġodda għal titjib, |
|
— |
ħila li jistabbilixxi u jirrevedi objettivi fi ħdan il-qafas strateġiku ġenerali tal-Aġenzija, li jsarraf il-prijoritajiet u l-linji gwida ta’ politika tal-Aġenzija f’objettivi operazzjonali miżurabbli u li jiżviluppa pjanijiet organizzati tajjeb tul l-istadji loġiċi, abbażi ta’ fehim xieraq tal-prijoritajiet. |
|
— |
ħila li jmexxi d-diskussjonijiet u jiġġenera l-aħjar riżultati possibbli mingħajr ma jikkomprometti r-relazzjonijiet ta’ ħidma produttivi mal-partijiet l-oħra involuti. |
|
— |
ħila li jagħti s-setgħa lill-persunal filwaqt li jiżgura li jifhem x’inhu mistenni minnhom u kif il-ħidma tiegħu tikkontribwixxi għall-objettivi tal-Aġenzija. |
|
— |
ħila li jiżviluppa u jappoġġja l-iżvilupp tal-karriera u l-opportunitajiet ta’ tagħlim għall-persunal. |
|
— |
ħila li jibni relazzjonijiet ta’ ħidma produttivi u kooperattivi mad-Direttur Eżekuttiv, il-Viċi Diretturi Eżekuttivi l-oħra u l-kollegi l-oħra fl-Aġenzija. |
(b) Ħiliet u esperjenza speċjalizzati:
|
— |
għarfien u fehim profond tal-mandat, l-għanijiet, l-objettivi u l-kompiti tal-Aġenzija kif ukoll il-fehim tal-implikazzjonijiet prattiċi u operazzjonali tagħhom, |
|
— |
għarfien tajjeb ħafna tal-politika u l-qafas legali tal-UE fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja, b’mod aktar speċifiku fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntieri u r-ritorn, inkluż il-qafas legali dwar id-drittijiet fundamentali, kif ukoll fehim tal-ixpruni għall-iżvilupp ta’ dan il-qasam ta’ politika, |
|
— |
fehim sod tax-xenarju tas-sigurtà interna tal-UE kif ukoll il-qafas legali u l-mekkaniżmi prattiċi ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tas-sigurtà interna fil-livell nazzjonali u tal-UE, b’mod partikolari fir-rigward tal-oqsma ta’ attività relatati mal-mandat tal-Frontex, |
|
— |
fehim tajjeb tad-dimensjoni marittima tal-mandat tal-Frontex, |
|
— |
għarfien u esperjenza prattika li jittrattaw kwistjonijiet finanzjarji u baġitarji kif ukoll proċeduri ta’ akkwist f’ambjent tal-UE, |
|
— |
lawrja universitarja [mixtieqa] fl-oqsma rilevanti għall-mandat u l-operat tal-Aġenzija, |
(c) Kwalitajiet personali:
|
— |
ħiliet analitiċi, organizzattivi u ta’ teħid ta’ deċiżjoni eċċellenti inkluża l-kapaċità li jiġu stabbiliti prijoritajiet ċari, |
|
— |
ħila eċċellenti li jiżviluppa u jżomm relazzjonijiet ta’ ħidma effettivi ma’ firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati interni u esterni u li jifhem id-dinamika organizzattiva, inkluż sens qawwi ta’ kwistjonijiet sensittivi mil-lat strateġiku u politiku, |
|
— |
ħila eċċellenti li juri fehim strateġiku, juri l-viżjoni li jifhem kwistjonijiet kritiċi malajr u jsarrafhom f’viżjoni strateġika, |
|
— |
ħiliet ta’ preżentazzjoni eċċellenti, kapaċità ppruvata ta’ ħidma b’suċċess mal-partijiet ikkonċernati fis-servizzi operattivi, l-awtoritajiet tal-gvern u l-ambjent politiku. |
|
— |
ħila ppruvata li jikkomunika b’mod ċar u jippreżenta suġġetti kumplessi b’mod sempliċi, kemm bil-fomm kif ukoll bil-miktub, inkluż lill-persunal, |
|
— |
ħila ppruvata li jissolleċita kontributi minn u jisma’ lill-persunal, lis-sħab, u lill-partijiet ikkonċernati, |
|
— |
abbiltà li jittratta man-nies b’mod effettiv, b’rispett u b’korteżija. |
Il-kandidati jridu (rekwiżiti tal-eliġibbiltà)
Il-kandidati se jiġu kkunsidrati biss għall-fażi tal-għażla abbażi tar-rekwiżiti formali li ġejjin, li jridu jiġu ssodisfati sad-data tal-għeluq tal-applikazzjonijiet:
|
— |
Nazzjonalità: il-kandidati jridu jkunu ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jew ta’ pajjiż assoċjat ma’ Schengen. |
|
— |
Grad jew diploma tal-università: il-kandidati jrid ikollhom:
|
|
— |
Esperjenza professjonali: il-kandidati jrid ikollhom mill-inqas 15-il sena esperjenza professjonali wara l-gradwazzjoni (3) f’livell li għalih jagħtu aċċess il-kwalifiki msemmija hawn fuq. Mill-inqas ħames snin minn din l-esperjenza professjonali trid tkun fil-qasam tal-attivitajiet tal-Aġenzija. |
|
— |
Esperjenza maniġerjali: mill-anqas 5 snin mill-esperjenza professjonali wara l-gradwazzjoni jridu jkunu nkisbu f’funzjoni maniġerjali f’livell għoli (4) f’qasam li huwa rilevanti għal din il-kariga. |
|
— |
Lingwi: il-kandidati jrid ikollhom għarfien sħiħ ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (5) u għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa oħra minn dawn il-lingwi uffiċjali. Matul l-intervista/i, il-bordijiet tal-għażla se jivverifikaw jekk il-kandidati jikkonformawx mar-rekwiżit ta’ għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa uffiċjali oħra tal-UE. Dan jista’ jinkludi li l-intervista, (jew parti minnha), issir b’din il-lingwa l-oħra. |
|
— |
Età massima: il-kandidati jridu jkunu jistgħu jlestu l-mandat sħiħ ta’ ħames snin qabel ma jilħqu l-età tal-irtirar, mill-mument tal-għeluq tal-applikazzjoni. Fil-każ tal-persunal temporanju tal-Unjoni Ewropea, l-età tal-irtirar hija definita bħala l-aħħar tax-xahar li fih il-persuna tagħlaq 66 sena (ara l-Artikolu 47 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea (6)). |
Għażla u ħatra
Id-Deputat Direttur Eżekuttiv se jinħatar mill-Bord Maniġerjali tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta abbażi ta’ lista qasira pprovduta mill-Kummissjoni Ewropea.
Biex tistabbilixxi din il-lista qasira, il-Kummissjoni Ewropea torganizza għażla skont il-proċeduri tal-għażla u tar-reklutaġġ tagħha (ara d-Dokument dwar il-Politika dwar Uffiċjali Għolja (7)).
Bħala parti minn din il-proċedura tal-għażla, il-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi bord tal-preselezzjoni. Dan il-bord janalizza l-applikazzjonijiet kollha, jipproċedi bl-ewwel verifika tal-eliġibbiltà u jidentifika l-kandidati li jkollhom l-aħjar profil fid-dawl tal-kriterji tal-għażla msemmija hawn fuq, u li jkunu jistgħu jiġu mistiedna għal intervista mal-bord tal-preselezzjoni.
B’segwitu ta’ dawn l-intervisti, il-bord tal-preselezzjoni jfassal il-konklużjonijiet tiegħu u jipproponi lista ta’ kandidati għal intervisti ulterjuri mal-Kumitat Konsultattiv dwar il-Ħatriet (CCA) tal-Kummissjoni Ewropea. Is-CCA, filwaqt li jqis il-konklużjonijiet tal-bord tal-preselezzjoni, jiddeċiedi dwar il-kandidati li għandhom jiġu mistiedna għal intervista.
Il-kandidati li jkunu msejħa għal intervista mas-CCA jipparteċipaw għal ġurnata sħiħa f’ċentru ta’ valutazzjoni tal-maniġment immexxi minn konsulenti tar-reklutaġġ esterni. Abbażi tar-riżultati tal-intervista u r-rapport taċ-ċentru ta’ evalwazzjoni, is-CCA jistabbilixxi lista preliminari tal-kandidati li jikkunsidra xierqa biex jaqdu l-funzjonijiet ta’ Deputat Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta.
Il-kandidati fuq il-lista qasira tas-CCA jiġu intervistati mill-Membru/i tal-Kummissjoni responsabbli għad-Direttorat Ġenerali inkarigat mir-relazzjonijiet mal-Aġenzija (8).
Wara dawn l-intervisti, il-Kummissjoni Ewropea tadotta lista ristretta tat-tliet kandidati l-aktar adatti, li tiġi kkomunikata lill-Bord ta’ Ġestjoni tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta. Dan tal-aħħar jista’ jiddeċiedi li jintervista l-kandidati qabel jaħtar id-Deputat Direttur Eżekuttiv minn fost il-kandidati fuq il-lista qasira tal-Kummissjoni. L-inklużjoni fuq il-lista l-qasira ma tiggarantixxix il-ħatra.
Il-kandidati jistgħu jiġu obbligati jagħmlu iktar intervisti u/jew testijiet minbarra dawk indikati hawn fuq.
Għal raġunijiet funzjonali u sabiex il-proċedura tal-għażla titlesta malajr kemm jista’ jkun fl-interess tal-kandidati kif ukoll tal-istituzzjoni, il-proċedura tal-għażla se ssir biss bl-Ingliż u/jew bil-Franċiż (9).
Opportunitajiet indaqs
Il-Kummissjoni Ewropea u l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta japplikaw politika ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ non-diskriminazzjoni skont l-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal (10).
Kundizzjonijiet tal-impjieg
Is-salarji u l-kundizzjonijiet ta’ impjieg huma stipulati fil-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra (11).
Il-kandidat magħżul jiġi impjegat mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta bħala Aġent Temporanju fil-grad ta’ AD 13 (12). Il-kandidat jiġi kklassifikat skont it-tul tal-esperjenza professjonali preċedenti tiegħu/tagħha fil-pass 1 jew il-pass 2 f’dan il-grad.
Il-kandidat jiġi maħtur għal mandat inizjali ta’ ħames snin, li possibbilment jista’ jiġi estiż għal perjodu massimu ta’ ħames snin f’konformità mar-Regolament dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta kif applikabbli fiż-żmien tal-ħatra.
L-applikanti għandhom jinnotaw ir-rekwiżit, skont il-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra għall-persunal il-ġdid kollu, li jwettqu b’suċċess perjodu ta’ prova ta’ disa’ xhur.
Il-post tal-impjieg huwa Varsavja, il-Polonja, fejn l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għandha s-sede tagħha.
Il-kariga hija disponibbli minnufih.
Indipendenza u d-dikjarazzjoni tal-interessi
Qabel jibda jaqdi dmirijietu, id-Deputat Direttur Eżekuttiv jintalab jagħmel dikjarazzjoni ta’ impenn li jaġixxi b’mod indipendenti fl-interess pubbliku u li jiddikjara kull interess li jista’ jitqies bħala li jippreġudika l-indipendenza tiegħu.
Proċedura tal-applikazzjoni
Qabel tissottometti l-applikazzjoni tiegħek, jenħtieġ li tivverifika b’attenzjoni jekk tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà kollha (“Kundizzjonijiet essenzjali”), b’mod partikolari fir-rigward tat-tipi ta’ diplomi, l-esperjenza professjonali ta’ livell għoli kif ukoll il-kapaċità lingwistika meħtieġa. Jekk ma tissodisfax xi wieħed mir-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà, dan ikun ifisser li se tiġi eskluż awtomatikament mill-proċedura tal-għażla.
Jekk tkun trid tapplika, trid tirreġistra permezz tal-Internet fuq is-sit web li ġej u ssegwi l-istruzzjonijiet li jirrigwardaw id-diversi stadji tal-proċedura:
https://ec.europa.eu/dgs/human-resources/seniormanagementvacancies/
Irid ikollok indirizz elettroniku validu. Dan ser jintuża biex tiġi konfermata r-reġistrazzjoni tiegħek kif ukoll biex jibqa’ jsir kuntatt miegħek matul l-istadji differenti tal-proċedura. Għaldaqstant, jekk jogħġbok żomm lill-Kummissjoni Ewropea informata dwar kwalunkwe tibdil fl-indirizz elettroniku tiegħek.
Biex timla l-applikazzjoni tiegħek, jeħtieġ li ttella’ CV f’format PDF u timla ittra ta’ motivazzjoni online (massimu ta’ 8 000 karattru). Is-CV u l-ittra ta’ motivazzjoni tiegħek jistgħu jintbagħtu bi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Ladarba tkun lestejt ir-reġistrazzjoni online tiegħek, se tirċievi ittra elettronika li tikkonferma r-reġistrazzjoni tal-applikazzjoni tiegħek. Jekk ma tirċevix email ta’ konferma, l-applikazzjoni tiegħek ma tkunx ġiet irreġistrata!
Jekk jogħġbok innota li mhuwiex possibbli li timmonitorja l-progress tal-applikazzjoni tiegħek online. Tiġi kkuntattjat direttament mill-Kummissjoni Ewropea rigward l-istatus tal-applikazzjoni tiegħek.
Jekk tkun teħtieġ iktar informazzjoni u/jew tiltaqa’ ma’ problemi tekniċi jekk jogħġbok ibgħat ittra elettronika lil: HR-MANAGEMENT-ONLINE@ec.europa.eu
Id-data tal-għeluq
Id-data tal-għeluq għar-reġistrazzjoni hija t-23 ta’ April 2021, f’nofsinhar, 12.00 ħin ta’ Brussell, u wara din id-data ma jkunx iktar possibbli li tirreġistra.
Hija r-responsabbiltà tiegħek li timla r-reġistrazzjoni online tiegħek fil-ħin. Nagħtuk parir biex ma tħallix għall-aħħar jiem biex tapplika, peress li jekk ikun hemm traffiku tal-Internet qawwi jew xi problema fil-konnessjoni tal-Internet tiegħek dan jista’ jwassal biex ir-reġistrazzjoni online tiegħek tiġi tterminata qabel ma tilħaq tlestiha, u b’hekk ikollok tirrepeti l-proċess kollu. Ladarba tagħlaq id-data tal-għeluq għas-sottomissjoni tar-reġistrazzjonijiet, inti ma tkunx tista’ tintroduċi iktar data. Ir-reġistrazzjonijiet li jaslu tard mhux se jiġu aċċettati.
Informazzjoni importanti għall-kandidati
Il-kandidati huma mfakkra li x-xogħol tal-bordijiet tas-selezzjoni differenti huwa kunfidenzjali. Il-kandidati ma jistgħux jagħmlu kuntatt dirett jew indirett mal-membri individwali tagħhom u dan lanqas ma jista’ jsir f’isimhom minn xi ħaddieħor. Il-mistoqsijiet kollha għandhom jiġu indirizzati lis-segretarjat tal-bord rilevanti.
Il-protezzjoni ta’ data personali
Il-Kummissjoni ser tiżgura li d-data personali tal-kandidati tiġi pproċessata kif meħtieġ mir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13). Dan japplika b’mod partikolari għall-kunfidenzjalità u s-sigurtà ta’ tali data.
(1) Ir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1052/2013 u (UE) 2016/1624 (ĠU L 295, tal-14.11.2019, p. 1).
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 tas-26 ta’ Ottubru 2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea (ĠU L 349, 25.11.2004, p. 1).
(3) L-esperjenza professjonali titqies biss jekk tkun tirrappreżenta relazzjoni ta’ ħidma konkreta li tkun definita bħala xogħol reali u ġenwin, bi ħlas u bħala impjegat (kull tip ta’ kuntratt) jew fornitur ta’ servizz. L-attivitajiet professjonali li jkunu saru fuq bażi part-time għandhom jiġu kkalkulati pro rata, abbażi tal-perċentwali ċċertifikata ta’ sigħat full-time li jkunu nħadmu. Il-liv tal-maternità/tal-ġenituri/għall-adozzjoni, jitqies jekk ikun fil-qafas ta’ kuntratt ta’ xogħol. Id-dottorati (PhD) huma assimilati mal-esperjenza professjonali, anki meta mhux bi ħlas, iżda għal perjodu ta’ mhux aktar minn tliet snin, dment li d-dottorat ikun tlesta b’suċċess. Perjodu partikolari jista’ jingħadd darba biss.
(4) Għas-snin kollha li matulhom tkun inkisbet l-esperjenza maniġerjali, jenħtieġ li l-kandidati, fil-curriculum vitae tagħhom, jindikaw b’mod ċar: (1) it-titolu u r-rwol tal-pożizzjonijiet maniġerjali li kellhom; (2) in-numru ta’ persunal issorveljat f’dawn il-pożizzjonijiet; (3) id-daqs tal-baġits ġestiti; (4) in-numru ta’ livelli ġerarkiċi superjuri u inferjuri; kif ukoll (5) l-għadd ta’ kollegi fl-istess livell.
(5) https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:01958R0001-20130701&qid=1408533709461&from=MT
(6) https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:01962R0031-20140701&from=MT
(7) https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/compilation-of-the-senior-official-policy-at-the-european-commission_en.pdf
(8) Sakemm il-Membru tal-Kummissjoni kkonċernat, b’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Diċembru 2007 (PV(2007) 1811 u t-30 ta’ Settembru 2020 (PV(2020) 2351), ma jkunx iddelega dan il-kompitu.
(9) Il-bordijiet tal-għażla jiżguraw li ma jingħata l-ebda vantaġġ mhux dovut lill-kelliema nattivi ta’ dawn il-lingwi..
(10) https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:01962R0031-20140701&from=MT
(11) https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:01962R0031-20140701&from=MT
(12) Il-koeffiċjent ta’ korrezzjoni applikabbli għar-remunerazzjoni u għall-pensjonijiet tal-uffiċjali u ta’ aġenti oħra tal-Unjoni Ewropea għall-Polonja huwa stabbilit għal 70,9 % mill-1 ta’ Lulju 2020. Dan il-koeffiċjent huwa suġġett għal reviżjoni annwali.
(13) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).