22.12.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CA 444/9 |
Addendum għall-Avviż ta’ kompetizzjoni ġenerali — EPSO/AD/381/20 — Amministraturi (AD 5) fil-qasam tal-liġi Ewropea
(Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea C 250 A tat-30 ta’ Lulju 2020)
(2020/C 444 A/08)
1. |
Minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19, mis-6 ta’ Marzu 2020 ’l quddiem, l-EPSO kellu jinterrompi u jissospendi l-attivitajiet tiegħu relatati mal-kompetizzjonijiet li għaddejjin, sabiex jiżgura l-miżuri ta’ prekawzjoni xierqa kollha f’konformità mal-istruzzjonijiet u l-linji gwida pprovduti mill-istituzzjonijiet tal-UE u mill-awtoritajiet nazzjonali. B’mod partikolari, dan affettwa l-organizzazzjoni tat-testijiet bi preżenza fiżika fil-bini tal-EPSO jew f’wieħed miċ-ċentri akkreditati tal-EPSO. L-EPSO inizjalment kien qed jippjana li jerġa’ jibda l-ittestjar minn nofs Settembru 2020. Madankollu, minħabba s-sitwazzjoni attwali tal-COVID-19, li fiha l-awtoritajiet nazzjonali introduċew miżuri li jipprojbixxu laqgħat kbar ta’ nies u jillimitaw l-ivvjaġġar għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika, mhux se jkun possibbli li jiġu organizzati testijiet bi preżenza fiżika fil-bini tal-EPSO fil-futur prevedibbli. |
2. |
Biex jikkonkludi l-kompetizzjonijiet ġenerali f’perjodu ta’ żmien raġonevoli, l-EPSO se jiddetermina l-aħjar mod ta’ ttestjar għal kull kompetizzjoni u jinforma lill-kandidati fi żmien xieraq. Għalhekk it-testijiet kollha relatati mal-kompetizzjoni msemmija hawn fuq issa se jsiru jew mill-bogħod jew f’wieħed miċ-ċentri tat-testijiet akkreditati tal-EPSO.
L-ittestjar online mill-bogħod jippermetti lill-kandidati jagħmlu t-testijiet id-dar, fl-uffiċċju eċċ. mingħajr ma jkollhom bżonn jivvjaġġaw lejn ċentru tal-ittestjar tal-EPSO. Tali ttestjar isir minn issa ’l quddiem permezz ta’ videoconferencing online. Id-dettalji tekniċi kollha jiġu pprovduti fi żmien xieraq, inklużi struzzjonijiet dwar kif għandha tiġi ttestjata l-konnessjoni qabel il-jum attwali tal-ittestjar. Il-kandidati jridu jiċċekkjaw il-profil tal-EPSO tagħhom mill-inqas darbtejn fil-ġimgħa. |
3. |
Fil-każ tal-ittestjar fiċ-ċentri akkreditati tal-EPSO, il-kandidati jkunu jistgħu jagħżlu minn fost għadd kbir ta’ dawk iċ-ċentri tal-ittestjar kemm madwar l-Ewropa kif ukoll madwar id-dinja. Jittieħdu l-miżuri sanitarji kollha li huma meħtieġa għall-iskop li jsir it-test f’dawn iċ-ċentri tat-testijiet. |
4. |
L-istediniet għat-testijiet jiġu ppubblikati fil-kontijiet EPSO tal-kandidati. |
5. |
Għal din il-kompetizzjoni, it-testijiet ta’ Mistoqsijiet b’Għażla Multipla (MCQ) bil-kompjuter issa se jiġu organizzati jew mill-bogħod jew f’wieħed miċ-ċentri tat-testijiet akkreditati tal-EPSO. |
6. |
Għal din il-kompetizzjoni, it-testijiet ta’ valutazzjoni issa se jiġu organizzati jew mill-bogħod jew f’wieħed miċ-ċentri tat-testijiet akkreditati tal-EPSO. |