22.12.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 444/5 |
Wiċċ nazzjonali ġdid ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni
(2020/C 444/04)
Wiċċ nazzjonali tal-munita kommemorattiva l-ġdida taż-EUR 2, maħsuba biex titqiegħed fiċ-ċirkolazzjoni u maħruġa mil-Lussemburgu
Il-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni għandhom status ta’ valuta legali fiż-żona tal-euro. Biex tinforma lill-pubbliku u lill-partijiet kollha li jużaw il-muniti, il-Kummissjoni tippubblika deskrizzjoni tad-disinji tal-muniti l-ġodda kollha (1). F’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2009 (2), l-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-pajjiżi li kkonkludew ftehim monetarju mal-Unjoni Ewropea li jipprevedi l-ħruġ ta’ muniti tal-euro huma awtorizzati li joħorġu muniti kommemorattivi tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni kemm-il darba jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet, b’mod partikolari li jintużaw muniti ta’ 2 euro biss. Dawn il-muniti għandhom l-istess karatteristiċi tekniċi bħall-muniti l-oħra ta’ 2 euro, iżda l-wiċċ nazzjonali tagħhom ikun fih disinn kommemorattiv li jkun tassew simboliku f’termini nazzjonali jew Ewropej.
Il-pajjiż tal-ħruġ: Il-Lussemburgu
Suġġett tal-kommemorazzjoni: Il-100 sena mit-twelid tal-Gran Duka Jean
Deskrizzjoni tad-disinn: Id-disinn juri fuq in-naħa tax-xellug ix-xbieha tal-Gran Duka Jean u fuq in-naħa tal-lemin ix-xbieha tal-Gran Duka Henri. Qrib kull xbieha, l-isem tal-Gran Duka rispettiv huwa speċifikat, kif ukoll is-sena tat-twelid “1921” tal-Gran Duka Jean. Taħt ix-xbieha hija rrappreżentata l-belt tal-Lussemburgu. Fuq ix-xellug, it-test “GROUSSHERZOGE VU LËTZEBUERG” bl-indikazzjoni wkoll tal-pajjiż emittenti li tintwera f’forma ċirkolari. Id-data tas-sena “2021” tidher fin-naħa ta’ isfel fuq il-lemin.
Iċ-ċirku ta’ barra tal-munita juri t-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.
Għadd ta’ muniti li huwa stmat li se jinħarġu: 500 000
Data tal-ħruġ: Jannar 2021
(1) Ara l-ĠU C 373, 28.12.2001, p. 1 għall-uċuħ nazzjonali tal-muniti kollha li nħarġu fl-2002.
(2) Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-10 ta’ Frar 2009 u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Diċembru 2008 dwar linji-gwida komuni għall-uċuħ nazzjonali u l-ħruġ ta’ muniti tal-ewro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (ĠU L 9, 14.1.2009, p. 52).