|
10.12.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CA 427/1 |
Avviż ta’ post battal (1)
President
Ref. 202029TAAD15
(2020/C 427 A/01)
L-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) hija Awtorità indipendenti tal-Unjoni Ewropea li twaqqfet fl-1 ta’ Jannar 2011 bir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).
L-EIOPA tinsab fil-qalba tal-assigurazzjoni u tal-pensjonijiet tax-xogħol fl-Unjoni Ewropea. Il-missjoni tagħna, fost affarijiet oħra, hija li nikkontribwixxu għal livell sod, effikaċi u konsistenti ta’ regolamentazzjoni u superviżjoni tas-setturi tal-assigurazzjoni u tal-pensjonijiet tax-xogħol fl-Ewropa, u li nippromwovu t-trasparenza, is-sempliċità u l-ġustizzja fis-suq tal-prodotti jew servizzi finanzjarji fis-suq intern għall-benefiċċju taċ-ċittadini tal-UE. Permezz tal-attivitajiet tagħna, aħna ngħinu fil-protezzjoni tad-detenturi tal-poloz tal-assigurazzjoni, tal-membri tal-iskema tal-pensjonijiet, tal-klijenti u tal-konsumaturi u ta’ benefiċjarji oħra. Barra minn hekk, għandna rwol ewlieni fl-appoġġ tal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, it-trasparenza tas-swieq u l-prodotti finanzjarji, u aħna nikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-koordinazzjoni fost is-superviżuri finanzjarji fil-livell internazzjonali.
L-EIOPA hija parti mis-Sistema Ewropea ta’ Superviżjoni Finanzjarji (SESF) li tinkludi l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA), l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) u l-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS).
Aktar informazzjoni dwar l-EIOPA hija disponibbli fuq is-sit web tal-EIOPA: https://www.eiopa.europa.eu/
Għall-uffiċċji tagħha fi Frankfurt am Main, il-Ġermanja, l-EIOPA qed tistieden applikazzjonijiet għal pożizzjoni ta’
President
AĦNA NIPPROPONU
Il-pożizzjoni ta’ President tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA). Il-President huwa professjonista indipendenti full-time, membru tal-persunal tal-EIOPA, ibbażat fi Frankfurt am Main (il-Ġermanja). Huwa/hija ser ikun/tkun responsabbli quddiem il-Bord ta’ Superviżuri tal-EIOPA, u ser jirrapporta/tirrapporta lill-Bord ta’ Superviżuri fuq bażi kontinwa dwar l-iżvilupp tal-attivitajiet tal-EIOPA.
Il-mandat tal-President għandu jkun għal 5 snin u jista’ jiġġedded darba.
DESKRIZZJONI TAL-IMPJIEG
Responsabbiltajiet ewlenin
Aktar speċifikament, il-President se jkun responsabbli mill-kompiti stipulati fir-Regolament (UE) Nru 1094/2010, u b’mod partikolari:
|
— |
Jaġixxi bħala l-kap u r-rappreżentant tal-EIOPA; |
|
— |
Jippresjedi l-laqgħat tal-Bord ta’ Superviżuri u l-Bord Maniġerjali; |
|
— |
Jiżgura l-ilħuq tal-objettivi tal-EIOPA; |
|
— |
Jissodisfa ċerti kompiti u deċiżjonijiet definiti b’mod ċar tal-Bord ta’ Superviżuri tal-EIOPA; |
|
— |
Jipparteċipa f’seduti ta’ smigħ quddiem il-Parlament Ewropew dwar il-prestazzjoni tal-EIOPA, fejn jagħmel dikjarazzjoni quddiem il-Parlament Ewropew u jwieġeb il-mistoqsijiet magħmula minnu. |
REKWIŻITI
1. Kriterji ta’ eliġibbiltà
L-applikanti ser jiġu kkunsidrati eliġibbli għall-fażi ta’ qabel l-għażla fuq il-bażi tal-kriterji formali li ġejjin (li jridu jiġu ssodisfati sad-data ta’ għeluq għall-applikazzjonijiet):
1.1. Ġenerali
|
— |
Ikunu ċittadini ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea (3); |
|
— |
Ikunu intitolati għad-drittijiet kollha tagħhom bħala ċittadin (4); |
|
— |
Ikunu ssodisfaw kwalunkwe obbligu impost mil-liġijiet applikabbli dwar is-servizz militari; |
|
— |
Ikollhom għarfien tajjeb ħafna ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (5) u għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa oħra tal-Unjoni Ewropea; |
|
— |
Ikunu fiżikament b’saħħithom sabiex iwettqu d-dmirijiet relatati mal-kariga (6). |
1.2. Speċifiċi
1.2.1.
|
(a) |
Livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji mitmuma attestati b’diploma (7) meta l-perjodu normali tal-edukazzjoni universitarja jkun 4 snin jew aktar, jew |
|
(b) |
Livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji mitmumin, attestati b’diploma6 u esperjenza professjonali xierqa ta’ mill-anqas sena, meta l-perjodu normali ta’ edukazzjoni universitarja jkun tal-anqas 3 snin (din is-sena ta’ esperjenza professjonali ma tistax tkun inkluża fl-esperjenza professjonali wara l-kisba tal-lawrja meħtieġa hawn taħt). |
1.2.2.
Sabiex jikkwalifika għall-kariga, kandidat għandu jkollu mill-anqas 15-il sena ta’ esperjenza professjonali mixhuda bi prova (8), wara li jkun temm l-edukazzjoni kif imsemmi taħt 1.2.1, li mill-anqas 5 snin minnhom kellhom jinkisbu f’livell għoli fl-oqsma koperti mill-EIOPA.
1.2.3.
Għal skopijiet ta’ xogħol, minħabba li l-Ingliż huwa l-lingwa ta’ ħidma tal-EIOPA (9), huwa meħtieġ għarfien eċċellenti tal-lingwa Ingliża, kemm miktuba kif ukoll mitkellma (10).
1.2.4.
Sabiex jikkwalifika għall-pożizzjoi, il-kandidat għandu jkun kapaċi jtemm il-mandat ta’ 5 snin sħaħ qabel ma jilħaq l-età tal-irtirar. Għall-persunal temporanju tal-Unjoni Ewropea, l-età tal-irtirar hija definita bħala l-aħħar tax-xahar li fih il-persuna tagħlaq 66 sena.
2. Kriterji tal-għażla
Flimkien ma’ dawn t’hawn fuq, ser jintużaw il-kriterji tal-għażla li ġejjin:
|
— |
Għarfien tajjeb tas-setturi ta’ rilevanza għall-attivitajiet tal-EIOPA u għarfien espert ippruvat f’dawn l-oqsma; |
|
— |
Esperjenza mixhuda bi prova fir-regolamentazzjoni finanzjarja u/jew fis-superviżjoni fil-livell nazzjonali, Ewropew jew internazzjonali ta’ rilevanza għall-attivitajiet tal-EIOPA; |
|
— |
Fehim tajjeb ħafna tal-istituzzjonijiet tal-UE u tal-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE, u ta’ attivitajiet Ewropej u internazzjonali b’rilevanza għall-attivitajiet tal-EIOPA; |
|
— |
Għarfien eċċellenti tal-ambjent politiku u legali Ewropew u esperjenza ta’ negozjar mixhuda bi prova fil-livell Ewropew u internazzjonali; |
|
— |
Esperjenza fit-tmexxija ta’ organizzazzjoni b’kompiti u b’objettivi sinifikanti u t-tmexxija ta’ dik l-organizzazzjoni għall-kisba tal-objettivi tagħha. |
L-applikazzjonijiet sejrin jiġu vvalutati abbażi tal-kriterji tal-Eliġibbiltà u l-Għażla speċifikati f’partijiet 1 u 2.
Għal din il-pożizzjoni, il-kandidati huma mistennija li jissodisfaw il-kompetenzi li ġejjin li għandhom jiġu vvalutati waqt intervisti:
|
— |
Ħila mixhuda bi prova fit-teħid ta’ deċiżjonijiet, kemm fil-livell strateġiku kif ukoll f’dak politiku; |
|
— |
Kapaċitajiet ta’ networking eċċellenti, ħiliet ta’ komunikazzjoni u dawk interpersonali, inkluż il-kapaċità li jittrattaw u jinnegozjaw ma’ rappreżentanti leġiżlattivi u governattivi ta’ livell għoli kif ukoll partijiet ikkonċernati u rappreżentanti tal-industrija finanzjarja ġewwa u barra l-UE; |
|
— |
Sens qawwi ta’ responsabbiltà, impenn b’saħħtu, inizjattiva u motivazzjoni personali. |
OPPORTUNITAJIET INDAQS
Bħala Awtorità tal-Unjoni Ewropea, l-EIOPA tapplika politika ta’ opportunitajiet indaqs u tieħu ħsieb tevita kwalunkwe forma ta’ diskriminazzjoni fil-proċeduri ta’ reklutaġġ tagħha.
PROĊEDURA TAL-GĦAŻLA
Il-proċedura tal-għażla ser tinkludi dawn li ġejjin:
|
1. |
Kumitat ta’ Qabel l-Għażla se jkun stabbilit għal dan il-proċess ta’ qabel l-għażla. Il-kandidati eliġibbli kollha mistiedna għall-intervisti ta’ qabel l-għażla għandhom jiġu infurmati bil-kompożizzjoni tal-Kumitat ta’ Qabel l-Għażla fl-istedina għall-intervista ta’ qabel l-għażla. |
|
2. |
Il-Kumitat ta’ Qabel l-Għażla se janalizza d-dokumenti ta’ applikazzjoni (curriculum vitae u ittra ta’ motivazzjoni) tal-applikanti b’referenza għall-kriterji ta’ eliġibbiltà u għażla u se jfassal lista ta’ massimu ta’ għaxar kandidati skont il-merti tagħhom u l-kriterji stipulati hawn fuq. Il-kandidati inklużi f’din il-lista ser ikunu mistiedna mill-Kumitat ta’ Qabel l-Għażla għall-intervisti ta’ qabel l-għażla. |
|
3. |
Wara l-intervisti ta’ qabel l-għażla, il-Kumitat ta’ Qabel l-Għażla se jissottometti lista qasira ta’ massimu ta’ sitt kandidati l-aktar xierqa u rapport ta’ valutazzjoni lill-Bord ta’ Superviżuri tal-EIOPA. |
|
4. |
Il-massimu ta’ sitt kandidati fil-lista qasira ta’ qabel l-għażla mbagħad ser ikunu mistiedna biex jagħtu preżentazzjoni dwar suġġett magħżul minn qabel u sejrin jiġu intervistati mill-Bord tas-Superviżuri tal-EIOPA. Il-preżentazzjonijet u l-intervisti sejrin isiru fl-istess ġurnata. Is-suġġett tal-preżentazzjoni sejjer jiġi kkomunikat fl-istedina għall-preżentazzjoni u l-intervista mal-Bord tas-Superviżuri tal-EIOPA. |
|
5. |
Il-Kunsill Ewropew sejjer jieħu deċiżjoni dwar il-ħatra tal-President, wara l-konferma mill-Parlament Ewropew. |
|
6. |
Il-kandidati jistgħu jkunu meħtieġa jagħmlu aktar intervisti u/jew testijiet minbarra dawk indikati hawn fuq. |
|
7. |
Din is-sejħa għal applikazzjonijiet hija l-bażi għat-tħejjija tal-lista qasira. Inklużjoni fil-lista qasira mhijiex garanzija ta’ ħatra. L-applikanti għandhom jinnotaw li l-lista qasira tista’ ssir pubblika, ladarba tkun adottata mill-Bord tas-Superviżuri. |
|
8. |
Skont l-Artikoli 11 u 11a tar-Regolamenti tal-Persunal (SR) u l-Artikoli 11 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea (CEOS) il-kandidati li jintgħażlu li se jkunu inklużi fil-lista qasira ser ikunu mitluba jagħmlu dikjarazzjoni tal-kunflitt ta’ interess qabel l-intervista mill-Bord tas-Superviżuri. B’mod partikolari, il-kandidati fil-lista qasira ta’ qabel l-għażla ser ikollhom jagħmlu dikjarazzjoni ta’ impenn li ser jaġixxu b’mod indipendenti fl-interess pubbliku u dikjarazzjoni fir-rigward ta’ kull tip ta’ interess li jista’ jitqies li jippreġudika l-independenza tiegħu/tagħha li ser tkun eżaminata skont il-politika ta’ kunflitt ta’ interessi tal-EIOPA. Kull applikant għandu jikkonferma, fid-dikjarazzjoni tiegħu/tagħha sottomessa mal-applikazzjoni tiegħu/tagħha, ir-rieda tiegħu/tagħha li jkun/tkun konformi f’każ li hu/hi jkun/tkun il-kandidat/a li rnexxa/rnexxiet. |
Jekk jogħġbok innota li x-xogħol u d-deliberazzjonijiet tal-Kumitat ta’ Qabel l-Għażla huma strettament kunfidenzjali u li kwalunkwe kuntatt mal-membri tiegħu huwa strettament ipprojbit. Kwalunkwe kuntatt li jsir mill-kandidati jew minn partijiet terzi sabiex jinfluwenzaw lill-membri tal-Kumitat ta’ Qabel l-Għażla fir-rigward tal-għażla jikkostitwixxi raġunijiet għal skwalifika mill-proċedura tal-għażla.
ĦATRA U KUNDIZZJONIJIET TAL-IMJIEG
1. Tip, tul u data ta’ bidu tal-kuntratt:
Il-kandidat li jintgħażel ser jinħatar bħala aġent temporanju 2 (a) (11) fuq kuntratt b’terminu fiss ta’ 5 snin b’perjodu ta’ prova ta’ 9 xhur u l-possibbiltà ta’ estensjoni kif previst fir-Regolament (UE) Nru 1094/2010.
Il-mandat tal-President huwa ta’ 5 snin u jista’ jiġi estiż darba mill-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta mill-Bord tas-Superviżuri u bl-assistenza tal-Kummissjoni, u b’kont meħud tal-evalwazzjoni tal-Bord tas-Superviżuri.
Id-data tal-bidu mistennija tkun l-1 ta’ Mejju 2021.
2. Grupp ta’ funzjonijiet u grad
Il-kandidat magħżul għandu jinħatar bħala aġent temporanju 2 (a) fil-grad AD 15. Is-salarju bażiku fix-xahar hu stmat li jibda minn EUR 17 493.
Id-dettalji tal-pakkett ta’ remunerazzjoni kollu jinstabu fl-Artikoli 62 sa 70 u fl-Anness VII għar-Regolamenti tal-Persunal. Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok irreferi għall-paġna tal-Karrieri tal-EIOPA: http://www.eiopa.europa.eu/about/careers_en.
3. Punti ewlenin tal-kundizzjonijiet tal-impjieg
|
— |
Is-salarji huma eżentati mit-taxxa nazzjonali; minflok titħallas taxxa tal-Unjoni f’ras il-għajn; |
|
— |
Il-koeffiċjent tal-korrezzjoni applikabbli għar-remunerazzjoni tal-uffiċjali u aġenti oħrajn skont l-Artikolu 64 tar-Regolamenti tal-Persunal għal Berlin, il-Ġermanja għandu japplika; |
|
— |
Skont is-sitwazzjoni tal-familja individwali u l-post ta’ oriġini, il-membri tal-persunal jistgħu jkunu intitolati għal dan li ġej: benefiċċju tal-espatrijazzjoni (16 % tas-salarju bażiku), benefiċċju tal-familja, benefiċċju tat-tfal dipendenti, benefiċċju tal-edukazzjoni, benefiċċju ta’ insedjament u rimborż tal-ispejjeż tal-ġarr, benefiċċju temporanju tal-bidu għas-sussistenza ta’ kuljum, u benefiċċji oħrajn; |
|
— |
Intitolament annwali għal-liv — jumejn għal kull xahar kalendarju kif ukoll jiem addizzjonali għall-età, il-grad, u jumejn u nofs ta’ liv għad-dar supplimentari mogħti lill-persunal li huwa intitolat għall-benefiċċju tal-espatrijazzjoni jew għall-benefiċċju ta’ residenza barranija; |
|
— |
L-Iskema tal-Pensjonijiet tal-UE (wara 10 snin servizz); |
|
— |
Ir-Reġim Komuni tal-Assigurazzjoni tal-Mard tal-UE, il-kopertura ta’ assigurazzjoni f’każ ta’ aċċident u mard okkupazzjonali, il-benefiċċju kontra l-qgħad u l-invalidità; |
|
— |
Assigurazzjoni tal-ivvjaġġar f’każ ta’ vvjaġġar fuq missjoni. |
4. Drittijiet u obbligi
Il-kandidati huma infurmati li, jekk jinħatru bħala l-President tal-EIOPA, dawn għandhom jikkonformaw mal-istandards etiċi stipulati fit-Titolu II tar-RP, inklużi regoli dwar l-indipendenza, l-integrità u l-kunflitt ta’ interessi waqt l-impjieg u wara li jitilqu mill-EIOPA.
Il-President għandu jwettaq id-dmirijiet tiegħu/tagħha u jġib ruħu biss fl-interessi tal-Unjoni u indipendentement minn kwalunkwe interess, li jista’ jitqies li jippreġudika l-indipendenza tiegħu/tagħha.
Qed tinġibed l-attenzjoni b’mod partikolari għall-fatt li l-persuna li tkun serviet bħala President tal-EIOPA se tkun marbuta (12) li tikseb approvazzjoni mill-EIOPA (għal sentejn wara li titlaq mill-EIOPA) qabel ma tidħol f’attività okkupazzjonali oħra. Jekk dik l-attività hija relatata mal-ħidma mwettqa matul l-aħħar 3 snin ta’ servizz fl-EIOPA, u l-EIOPA hija tal-fehma li din tista’ twassal għal kunflitt mal-interessi leġittimi tal-EIOPA, l-EIOPA tista’ tagħti l-approvazzjoni tagħha soġġett għal kwalunkwe kundizzjoni li hija tqis xierqa jew tipprojbixxi l-attività sa sentejn wara t-tluq mill-EIOPA. L-attivitajiet li jpoġġu lill-President tal-EIOPA f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi mhumiex se jiġu awtorizzati.
5. Post tal-impjieg
Frankfurt am Main, il-Ġermanja
PROĊESS TA’ APPLIKAZZJONI
L-applikazzjonijiet inkluż curriculum vitae u ittra ta’ motivazzjoni, iddatati u ffirmati għandhom jiġu sottomessi bl-Ingliż fl-indirizz li ġej: 202029TAAD15@eiopa.europa.eu sa 23:59 CET tat-18 ta’ Jannar 2021.
L-EIOPA mhija ser tqis l-ebda applikazzjoni li tirċievi wara d-data ta’ skadenza. L-applikanti huma mħeġġa bis-sħiħ biex ma jistennewx sal-aħħar ġurnata biex jissottomettu l-applikazzjonijiet tagħhom, minħabba li ħafna traffiku tal-Internet jew ħsarat fil-konnessjoni tal-Internet jistgħu jwasslu għal diffikultajiet fis-sottomissjoni. L-EIOPA ma tistax tinżamm responsabbli minn kwalunkwe dewmien minħabba tali diffikultajiet.
Sejrin jiġu aċċettati u kkunsidrati biss applikazzjonijiet kompluti. Sabiex l-applikazzjoni tkun ikkunsidrata bħala kompluta, il-kandidati jridu jibagħtu d-dokumenti kollha ddatati u ffirmati qabel l-iskadenza:
|
1. |
curriculum vitae li jindika b’mod ċar (fost l-oħrajn):
|
|
2. |
ittra ta’ motivazzjonita’ mhux aktar minn paġna waħda, li tispjega għaliex inti interessat/a fil-kariga u xi jkun il-valur miżjud tiegħek li ġġib għall-EIOPA, jekk tintgħażel. |
F’dan l-istadju, jekk jogħġbok tibgħatx dokumenti ta’ sostenn (kopji tal-ID cards, passaporti, diplomi, eċċ.). Id-dokumenti ta’ sostenn għandhom jintbagħtu fi stadju aktar tard tal-proċedura meta jintalbu.
Qabel jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom, il-kandidati jenħtieġ li jivvalutaw u jiċċekkjaw jekk jissodisfawx ir-rekwiżiti kollha kif speċifikat fl-avviż tal-pożizzjoni vakanti, b’mod partikolari f’termini ta’ kwalifiki u esperjenza professjonali rilevanti. Dawn għandhom jiġu ssodisfati sad-data tal-għeluq għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet.
L-esperjenza professjonali indikata fil-curriculum vitae tgħodd biss miż-żmien meta l-kandidat kiseb iċ-ċertifikat jew id-diploma meħtieġa għall-kariga u jekk tkun fuq bażi mħallsa biss (inkluż għotjiet għall-istudju u għotjiet għal internship). PhDs jistgħu jitqiesu bħala esperjenza professjonali jekk il-kandidati jkunu rċevew għotja għall-istudju jew salarju waqt l-istudji tal-PhD. It-tul massimu li jgħodd għall-PhD huwa ta’ tliet snin diment li l-PhD tkun ġiet konkluża b’suċċess sad-data ta’ għeluq għall-applikazzjonijiet tal-proċedura tal-għażla.
Id-dati tal-bidu u tat-tmiem tal-karigi preċedenti kollha u jekk ix-xogħol kienx full time jew part time jenħtieġ li jkunu indikati fil-curriculum vitae. Kandidati freelance jew li jaħdmu għal rashom iridu jipprovdu jew kopja tad-dħul fir-reġistru tan-negozji rilevanti, jew kwalunkwe dokument uffiċjali (pereżempju dokument tat-taxxa fuq id-dħul) li juri b’mod ċar it-tul tal-esperjenza professjonali rilevanti. Id-dettalji ta’ kwalunkwe esperjenza professjonali, taħriġ, riċerka jew studji għandhom jingħataw fil-formola tal-applikazzjoni. Meta mitluba, il-kandidati jridu jkunu jistgħu jipprovdu dokumenti ta’ sostenn li juru b’mod ċar it-tul u n-natura tal-esperjenza.
L-indirizz indikat fil-curriculum vitae ser jintuża bħala l-post li minnu jivvjaġġaw il-kandidati mistiedna għall-intervisti.
Sabiex il-proċess tal-għażla jiġi ffaċilitat, il-komunikazzjoni kollha mal-applikanti li tikkonċerna dan il-pożizzjoni vakanti ser issir bl-Ingliż.
PROTEZZJONI TAD-DATA
L-EIOPA ser tiżgura li d-data personali tal-kandidati tiġi pproċessata kif meħtieġ mir-Regolament (UE) 2018/1725 (13). Dan japplika b’mod partikolari għall-kunfidenzjalità u għas-sigurtà ta’ tali data.
PROĊEDURA TA’ APPELL
Kandidati li jqisu li l-interessi tagħhom ikunu ġew ippreġudikati bi kwalunkwe deċiżjoni relatata mal-proċedura tal-għażla jistgħu jieħdu l-azzjonijiet li ġejjin:
1. Jitolbu rieżami tad-deċiżjonijiet meħuda mill-Kumitat ta’ Qabel l-Għażla
Fi żmien 10 ijiem mid-data tal-ittra li tinforma lill-kandidat bid-deċiżjoni meħuda mill-Kumitat ta’ Qabel l-Għażla, hu jista’ jissottometti talba bil-miktub għal rieżami ta’ din id-deċiżjoni, bi preżentazzjoni tar-raġunijiet għat-talba, fl-indirizz tal-email li ġej: 202029TAAD15@eiopa.europa.eu.
2. Appelli
|
(a) |
Il-kandidat jista’ jressaq ilment skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal fil-limiti taż-żmien previsti (3 xhur), fl-indirizz li ġej:
|
|
(b) |
Il-kandidat jista’ jissottometti appell ġudizzjarju lill-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 270 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal. Għad-dettalji dwar kif jiġi sottomess appell, jekk jogħġbok ikkonsulta s-sit web tal-Qorti Ġenerali: http://curia.europa.eu/ |
3. Ilment lill-Ombudsman Ewropew
Huwa possibbli wkoll li jitressaq ilment lill-Ombudsman Ewropew skont l-Artikolu 228(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fid-Deċiżjoni 94/626/KESE, KE, Euratom tal-Parlament Ewropew (14).
Għal dettalji dwar kif tressaq ilment, jekk jogħġbok ikkonsulta s-sit web tal-Ombudsman Ewropew: http://www.ombudsman.europa.eu/
Jekk jogħġbok kun af li lmenti ppreżentati lill-Ombudsman Ewropew m’għandhomx effett ta’ sospensjoni fuq il-perjodu stabbilit fl-Artikoli 90(2) u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal għat-tressiq ta’ lment jew appell rispettivament lill-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 2(4) tal-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw il-qadi tad-dmirijiet tal-Ombudsman Ewropew, kwalunkwe lment imressaq lill-Ombudsman Ewropew għandu jkun preċedut mill-approċċi amministrativi adegwati lill-istituzzjonijiet u l-korpi kkonċernati.
(1) Dan l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti huwa disponibbli fil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. F’każ ta’ kwalunkwe inkonsistenza, il-verżjoni bl-Ingliż hija l-lingwa oriġinali u tipprevali, il-lingwi l-oħrajn huma traduzzjonijiet għal skopijiet ta’ informazzjoni biss.
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48).
(3) Il-kandidati għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 12 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea (CEOS), li jinkludu li jkunu ċittadini ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.
(4) Qabel il-ħatra, il-kandidat li jintgħażel ser jintalab jipprovdi ċertifikat tal-kondotta mill-pulizija li jikkonferma n-nuqqas ta’ kwalunkwe rekord kriminali.
(5) Il-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea huma: il-Bulgaru, il-Kroat, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Olandiż, l-Ingliż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ungeriż, l-Irlandiż, it-Taljan, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, l-Ispanjol u l-Iżvediż.
(6) Qabel il-ħatra, il-kandidat li jintgħażel ser jiġi eżaminat minn wieħed miċ-ċentri mediċi tal-Unjoni Ewropea sabiex jiġi kkonfermat li l-kandidat jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 12(2)(d) tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea (CEOS).
(7) Sejrin jiġu kkunsidrati biss kwalifiki li ngħataw minn awtoritajiet tal-Istati Membri tal-UE jew minn awtoritajiet taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) jew kwalifiki rikonoxxuti bħala ekwivalenti mill-awtoritajiet rilevanti. Jekk l-istudji prinċipali jkunu saru barra mill-Unjoni Ewropea, il-kwalifika tal-kandidat trid tkun ġiet rikonoxxuta minn korp delegat uffiċjalment għal dan il-għan minn wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (bħal Ministeru għall-Edukazzjoni nazzjonali) u dokument li jattesta dan irid jiġi sottomess mal-applikazzjoni sad-data ta’ għeluq.
(8) Għal aktar informazzjoni dwar il-kalkolu tal-esperjenza professjonali, jekk jogħġbok irreferi għall-proċess ta’ applikazzjoni fi tmiem dan l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti.
(9) Id-Deċiżjoni tal-Bord Maniġerjali dwar Arranġamenti Lingwistiċi Interni (EIOPA-MB-11/003).
(10) L-għarfien huwa meħtieġ li jkun tal-anqas fil-livell B2. Il-valutazzjoni fil-livell B2 issir skont il-Qafas Komuni Ewropew ta’ Referenza għal-Lingwi (QKERL) (http://europass.cedefop.europa.eu/sites/default/files/cefr-mt.pdf).
(11) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.
(12) Ara b’mod partikolari t-Titolu Erbgħa tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2018)4048 finali tat-29 ta’ Ġunju 2018 dwar attivitajiet u assenjazzjonijiet esterni u dwar il-post tax-xogħol wara li t-tluq mis-Servizz, kif adottat bid-Deċiżjoni tal-Bord ta’ Tmexxija (EIOPA-MB-18/119) dwar Attivitajiet Esterni u Assenjazzjonijiet u Azzjonijiet Okkupazzjonali Wara t-Tluq mis-Servizz.
(13) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
(14) Id-Deċiżjoni 94/626/KESE, KE, Euratom tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Marzu 1994 dwar ir-Regolamenti tal-Persunal u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw il-qadi tad-dmirijiet tal-Ombudsman Ewropew (ĠU L 113, 4 ta’ Mejju 1994, p. 15).