10.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 227/9


SEJĦA GĦAL PROPOSTI 2020 — EAC/A03/2020

Akkreditazzjoni tal-Erasmus fil-qasam taż-żgħażagħ

(2020/C 227/08)

KLAWŻOLA TA’ RIŻERVA

Il-programm tal-UE tal-2021–2027 għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport propost mill-Kummissjoni Ewropea fit-30 ta’ Mejju 2018 (minn hawn ’il quddiem “il-Programm”) għadu ma ġiex adottat mil-leġiżlaturi Ewropej. Madankollu, din is-sejħa għall-akkreditazzjoni hija ppubblikata biex tħaffef l-applikazzjoni ta’ benefiċjarji potenzjali ta’ għotjiet tal-Unjoni malli l-bażi ġuridika tiġi adottata mil-leġiżlaturi Ewropej.

Din is-Sejħa għall-akkreditazzjoni ma torbotxi legalment lill-Kummissjoni Ewropea. F’każ ta’ modifika sostanzjali tal-bażi ġuridika mil-leġiżlaturi Ewropej, din is-Sejħa tista’ tiġi modifikata jew titħassar u jistgħu jitnedew Sejħiet oħrajn għall-akkreditazzjoni b’kontenut differenti u bi skadenzi addattati għal tweġiba.

B’mod aktar ġenerali, kwalunkwe azzjoni li titnissel minn din is-Sejħa għall-akkreditazzjoni hija suġġetta għall-kundizzjonijiet li ġejjin, li l-implimentazzjoni tagħhom mhix fil-kontroll tal-Kummissjoni:

l-adozzjoni mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tat-test finali tal-bażi ġuridika li jistabbilixxi l-Programm,

l-adozzjoni tal-programm annwali ta’ ħidma tal-2021 u ta’ dawk sussegwenti, u l-linji gwida ġenerali ta’ implimentazzjoni, il-kriterji u l-proċeduri ta’ għażla, wara konsultazzjoni mal-kumitat tal-Programm u

l-adozzjoni tal-baġit tal-2021 u ta’ dawk sussegwenti tal-Unjoni Ewropea mill-awtorità baġitarja.

Il-programm propost tal-UE tal-2021–2027 għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport jissejjes fuq l-Artikoli 165 u 166 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u fuq il-prinċipju ta’ sussidjarjetà.

1.   Introduzzjoni

L-akkreditazzjonijiet tal-Erasmus huma għodda għall-organizzazzjonijiet li jridu jinfetħu għall-iskambju u l-kooperazzjoni transfruntieri.

L-organizzazzjonijiet akkreditati tal-Erasmus se jiksbu aċċess simplifikat għall-opportunitajiet ta’ finanzjament li jinsabu fl-Azzjoni Ewlenija 1 tal-Programm li jmiss (2021–2027). Il-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-finanzjament tal-organizzazzjonijiet akkreditati se jiġu definiti f’sejħiet għal proposti annwali ppubblikati mill-Kummissjoni.

L-għoti tal-akkreditazzjoni tal-Erasmus fil-qasam taż-Żgħażagħ jikkonferma li l-applikant għandu proċessi u miżuri xierqa u effettivi fis-seħħ biex jimplimenta attivitajiet ta’ mobbiltà għat-tagħlim ta’ kwalità għolja kif ippjanat u jużahom għall-benefiċċju tal-qasam taż-żgħażagħ.

2.   Objettivi

Din l-azzjoni għandha l-objettivi li ġejjin:

Issaħħaħ l-iżvilupp personali u professjonali taż-żgħażagħ permezz ta’ attivitajiet ta’ mobbiltà għat-tagħlim li mhumiex formali u dawk informali;

Trawwem ir-responsabbilizzazzjoni taż-żgħażagħ, taċ-ċittadinanza attiva tagħhom u ta’ sehemhom fil-ħajja demokratika;

Trawwem l-iżvilupp tal-kwalità tal-ħidma maż-żgħażagħ fuq livell lokali, reġjonali, nazzjonali, Ewropew u internazzjonali billi tibni l-kapaċità tal-organizzazzjonijiet attivi fil-qasam taż-żgħażagħ u tappoġġa l-iżvilupp professjonali tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ;

Tippromwovi l-inklużjoni u d-diversità, id-djalogu interkulturali u l-valuri ta’ solidarjetà, ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ drittijiet tal-bniedem fost iż-żgħażagħ fl-Ewropa.

3.   Eliġibbiltà

Biss għall-applikanti li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 23(1) tar-Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 (1) li jistabbilixxi l-“Erasmus+”: il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, taħriġ, żgħażagħ u sport u li jħassar id-Deċiżjonijiet Nru 1719/2006/KE, Nru 1720/2006/KE u Nru 1298/2008/KE li jistgħu japplikaw.

L-akkreditazzjoni tal-Erasmus fil-qasam taż-Żgħażagħ hi miftuħa għall-parteċipazzjoni ta’ kwalunkwe entità pubblika jew privata fi:

Stati Membri tal-Unjoni Ewropea,

pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-bażi ġuridika (2)

4.   Skadenza għas-sottomissjoni

L-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet u l-għoti tal-akkreditazzjonijiet hi proċess permanenti.

Dan l-aċċess simplifikat għall-finanzjament tal-opportunitajiet f’sena partikolari jitlob li qabel jinkiseb l-istatus akkreditat. Sabiex tinkiseb l-akkreditazzjoni skont din is-Sejħa, l-applikazzjonijiet għandhom jiġu sottomessi sal-31 ta’ Diċembru 2021 l-aktar tard.

5.   Il-proċedura tal-għażla

Il-proposti se jiġu vvalutati skont sensiela ta’ kriterji għall-għoti kif ukoll skont kriterji tal-għażla ddefiniti fir-Regoli tal-applikazzjoni.

L-Aġenzija Nazzjonali responsabbli mill-għażla se taħtar kumitat ta’ evalwazzjoni biex jieħu ħsieb il-ġestjoni tal-proċess kollu tal-għażla. Abbażi tal-valutazzjoni mwettqa mill-esperti, il-kumitat ta’ evalwazzjoni se jistabbilixxi lista ta’ applikazzjonijiet proposti għall-għażla.

6.   Id-dettalji kollha

Il-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament li jistabbilixxi l-programm tal-Unjoni 2021-2027 għall-edukazzjoni, taħriġ, żgħażagħ u sport tinsab fil-paġna web li ġejja:

https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?qid=1585129325950&uri=CELEX:52018PC0367

Il-Kundizzjonijiet, ir-regoli u l-proċeduri dettaljati ta’ din is-sejħa għall-akkreditazzjonijiet jinsabu fir-Regoli ta’ applikazzjoni fl-indirizz tal-Internet li ġej:

https://ec.europa.eu/programmes/erasmus-plus/calls/2020-erasmus-accreditation-youth

Ir-Regoli tal-applikazzjoni jikkostitwixxu parti integrali minn din is-sejħa għall-akkreditazzjonijiet u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni li jissemmew fiha japplikaw kollha kemm huma għal din is-sejħa.


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 50.

(2)  Sal-adozzjoni tal-bażi ġuridika. Fil-programm Erasmus+ 2014–2020, din il-lista tinkludi: L-Iżlanda, in-Norveġja, il-Liechtenstein, it-Turkija, il-Maċedonja ta’ Fuq u s-Serbja.