14.5.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 166/2


Wiċċ nazzjonali ġdid ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni

(2020/C 166/02)

Image 1

Wiċċ nazzjonali tal-munita kommemorattiva l-ġdida taż-żewġ euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni u maħruġa minn Malta

Il-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni għandhom status ta’ valuta legali fiż-Żona tal-Euro. Biex tinforma lill-pubbliku u lill-partijiet kollha li jużaw il-muniti, il-Kummissjoni tippubblika deskrizzjoni tad-disinji tal-muniti l-ġodda kollha (1). F’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2009 (2), l-Istati Membri taż-Żona tal-Euro u l-pajjiżi li kkonkludew ftehim monetarju mal-Unjoni Ewropea li jipprevedi l-ħruġ ta’ muniti tal-euro huma awtorizzati li joħorġu muniti kommemorattivi tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni kemm-il darba jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet, b’mod partikolari li jintużaw muniti taż-żewġ euro biss. Dawn il-muniti għandhom l-istess karatteristiċi tekniċi bħall-muniti l-oħra taż-żewġ euro, iżda l-wiċċ nazzjonali tagħhom ikun fih disinn kommemorattiv li jkun tassew simboliku f’termini nazzjonali jew Ewropej.

Pajjiż li qiegħed joħroġ il-munita: Malta

Is-suġġett tal-kommemorazzjoni: Sit ta’ Patrimonju Dinji tal-UNESCO — it-tempji preistoriċi Ta’ Skorba

Id-deskrizzjoni tad-disinn: Id-disinn juri lil Skorba, tempju preistoriku li jinsab qrib ir-raħal żgħir taż-Żebbiegħ, fil-Majjistral ta’ Malta. Il-kumpless jikkonsisti f’żewġ tempji mibnija wieħed ħdejn l-ieħor. Dawn inbnew f’post fejn kien hemm fdalijiet ferm eqdem li nstabu barra l-kumpless tat-tempji. Skorba huwa nieqes mill-monumentalità tat-tempji l-oħra fil-Gżejjer Maltin. Madankollu, is-sit huwa ta’ importanza kbira billi għen lill-arkeoloġisti biex jiffissaw is-sekwenza kulturali preistorika ta’ Malta u jistabbilixxu li l-ewwel abitanti fil-gżejjer kienu għall-ħabta tas-sena 5000 QK. Fin-naħa ta’ fuq tad-disinn tidher l-iskrizzjoni “SKORBA TEMPLES 3600-2500 BC”. Fin-naħa ta’ isfel hemm l-isem tal-pajjiż tal-ħruġ “MALTA” u s-sena tal-ħruġ “2020”.

Iċ-ċirku ta’ barra tal-munita juri t-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.

L-għadd ta’ muniti li għandhom jinħarġu: 170 000

Id-data tal-ħruġ: Mejju/Ġunju 2020


(1)  Ara l-ĠU C 373, 28.12.2001, p. 1 għall-uċuħ nazzjonali tal-muniti kollha li nħarġu fl-2002.

(2)  Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-10 ta’ Frar 2009 u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Diċembru 2008 dwar linji gwida komuni għall-uċuħ nazzjonali u l-ħruġ ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (ĠU L 9, 14.1.2009, p. 52).