|
25.3.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CA 98/1 |
Avviż ta’ post battal ECA/2020/7
Post wieħed ta’ Direttur fil-qasam tal-Awditjar
(Grupp tal-funzjoni AD, grad 14)
(2020/C 98 A/01)
MIN AĦNA
Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) hija l-awditur estern tal-Unjoni Ewropea. Il-QEA ġiet stabbilita fl-1977, u hija waħda mis-seba’ istituzzjonijiet tal-UE.
Is-sede tal-QEA tinsab fil-Lussemburgu u hemm madwar 900 membru tal-persunal, min-nazzjonalitajiet kollha tal-UE, impjegati f’din l-istituzzjoni fil-qasam tal-awditjar, ta’ appoġġ u f’dak amministrattiv.
Il-QEA topera bħala korp kolleġġjali ta’ 27 Membru, wieħed minn kull Stat Membru tal-UE.
L-awdituri tal-Qorti jivverifikaw li l-kontijiet tal-UE jinżammu tajjeb u li din tapplika r-regoli finanzjarji tagħha b’mod korrett, kif ukoll li l-politiki u l-programmi tagħha jilħqu l-objettivi intenzjonati tagħhom u jipprovdu valur għall-flus.
Permezz tax-xogħol li twettaq, il-Qorti tal-Awdituri tikkontribwixxi għat-titjib tal-ġestjoni finanzjarja tal-UE u għall-promozzjoni tal-obbligu ta’ rendikont u t-trasparenza. Hija twissi dwar il-possibbiltà ta’ riskji, tipprovdi aċċertament, tindika fejn ikun hemm nuqqasijiet u suċċessi, u toffri gwida lil dawk li jfasslu l-politika u lil-leġiżlaturi tal-UE.
Il-Qorti tippreżenta l-osservazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tagħha lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill tal-UE, lill-gvernijiet u l-parlamenti nazzjonali, kif ukoll lill-pubbliku ġenerali.
Il-Qorti hija organizzata f’Awli tal-awditjar. Għandha struttura organizzazzjonali “bbażata fuq il-kompiti”, bil-membri tal-persunal assenjati fi gruppi li minnhom jintgħażlu biex jiġu assenjati għad-diversi Awli fuq bażi ta’ prijorità.
X’QEGĦDIN NOFFRU
Il-kandidat magħżul se jiġi rreklutat fil-grad AD14. Is-salarju bażiku ta’ kull xahar huwa ta’ EUR 14 838. Skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal, ċerti benefiċċji jistgħu jiġu miżjuda mas-salarju bażiku, li huwa suġġett għat-taxxa tal-UE u huwa eżentat mit-taxxa nazzjonali.
Il-persuna maħtura għal dan il-post ta’ Direttur tagħti rendikont lil waħda mill-Awli tal-Awditjar u tassisti lill-Membri tagħha fit-twettiq tal-kompiti tal-awditjar.
Ir-responsabbiltajiet prinċipali tiegħu jinkludu:
|
— |
il-ġestjoni tal-persunal u tar-riżorsi finanzjarji; |
|
— |
l-ipprogrammar, il-monitoraġġ u r-rappurtar; |
|
— |
il-kontribut għat-twettiq tal-kompiti orizzontali tal-Qorti u għall-ilħuq tal-objettivi strateġiċi tagħha, kif ukoll il-ħidma f’organizzazzjoni bbażata fuq il-kompiti; |
|
— |
l-għoti ta’ appoġġ u għarfien ta’ kwalità; |
|
— |
l-iżgurar tas-superviżjoni u l-kontroll tal-awditjar; u |
|
— |
l-iżgurar li l-kompiti kollha jitwettqu kif xieraq u f’konformità mar-rekwiżiti tal-kwalità tal-QEA u l-prattiki u l-istandards tal-awditjar. |
X’QEGĦDIN INFITTXU
I. Kriterji ta’ eliġibbiltà
1. Kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ
Skont l-Artikolu 28 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-kandidati jridu, fid-data tal-applikazzjoni tagħhom:
|
— |
ikunu ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-UE; |
|
— |
igawdu mid-drittijiet kollha tagħhom bħala ċittadini; |
|
— |
ikunu wettqu kull obbligu impost fuqhom mil-liġijiet ta’ reklutaġġ relatati mas-servizz militari; u |
|
— |
jissodisfaw ir-rekwiżiti dwar il-karattru meħtieġa għad-dmirijiet involuti. |
2. Kwalifiki
Skont l-Artikolu 5 tar-Regolamenti tal-Persunal:
|
i. |
livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji kkompletati u ċċertifikati b’lawrja, meta l-perjodu normali tal-edukazzjoni universitarja jkun ta’ erba’ snin jew aktar; jew |
|
ii. |
livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji kkompletati u ċċertifikati b’lawrja, kif ukoll esperjenza professjonali xierqa ta’ mill-inqas sena, meta l-perjodu normali tal-edukazzjoni universitarja jkun ta’ mill-inqas tliet snin; jew |
|
iii. |
fejn iġġustifikat fl-interess tas-servizz, taħriġ professjonali ta’ livell ekwivalenti. |
3. Esperjenza professjonali
Mill-anqas 18-il sena ta’ esperjenza professjonali ddokumentata, minn meta tkun inkisbet il-kwalifika msemmija hawn fuq, inkluż mill-anqas 4 snin fil-ġestjoni tar-riżorsi umani u baġitarji. B’mod partikolari, tinħtieġ esperjenza soda u ddokumentata ta’ mill-anqas 10 snin fil-qasam tal-awditjar (inklużi l-ippjanar, is-superviżjoni, il-kontroll tal-kwalità, u r-rappurtar relatati mal-awditjar).
4. Għarfien tal-lingwi
Minħabba n-natura tad-dmirijiet li jridu jitwettqu, għarfien tajjeb tal-Ingliż u tal-Franċiż huwa essenzjali għal raġunijiet operazzjonali, peress li dawn huma l-lingwi ta’ ħidma tal-Qorti. Il-livell minimu meħtieġ huwa ta’ C1 fil-fehim, l-espressjoni orali u l-kitba f’waħda miż-żewġ lingwi, u livell minimu ta’ B2 fl-istess kategoriji għal-lingwa l-oħra.
Għarfien ta’ lingwi oħra tal-UE jkun jitqies bħala vantaġġ.
Biex tivvaluta ħilietek fil-lingwi barranin, ara s-sit web:
http://europass.cedefop.europa.eu/mt/resources/european-language-levels-cefr
II. Kriterji ta’ qabel l-għażla
|
— |
Aktar minn 10 snin esperjenza f’ambjent internazzjonali u multikulturali; |
|
— |
aktar minn 4 snin esperjenza fil-ġestjoni tar-riżorsi umani u baġitarji; |
|
— |
abbiltà ddokumentata f’dak li jirrigwarda l-kontribuzzjoni għall-ġestjoni effettiva ta’ dipartiment jew tim; |
|
— |
esperjenza fit-twettiq ta’ awditi kumplessi, inkluż l-għoti ta’ kontribut personali għas-suċċess tagħhom; |
|
— |
esperjenza f’dak li jirrigwarda l-implimentazzjoni ta’ bidla u l-parteċipazzjoni fi proġetti innovattivi; u |
|
— |
versatilità u esperjenza varja matul il-karriera kollha. |
III. Kriterji tal-għażla
|
— |
Għarfien eċċellenti tal-istandards u l-metodoloġija tal-awditjar, kemm fl-oqsma tal-awditjar finanzjarju, tal-prestazzjoni u tal-konformità kif ukoll tal-ġestjoni finanzjarja tajba; |
|
— |
għarfien tajjeb tal-awditjar tal-finanzi pubbliċi tal-UE u l-awditjar tas-settur pubbliku; |
|
— |
abbiltà eċċellenti fl-istabbilment u l-implimentazzjoni ta’ strateġija, u fid-definizzjoni tal-objettivi u tar-riżultati li għandhom jinkisbu u fir-rappurtar dwarhom; |
|
— |
għarfien eċċellenti ta’ metodi ta’ ġestjoni; |
|
— |
kapaċità eċċellenti fit-tmexxija u f’dak li jirrigwarda l-motivazzjoni ta’ timijiet multilingwi u multikulturali, kif ukoll fl-identifikazzjoni u l-massimizzazzjoni tal-potenzjal tal-persunal u fil-ġestjoni tal-kunflitti; |
|
— |
il-motivazzjoni li jkun parti mit-tim ta’ ġestjoni amministrattiva ta’ istituzzjoni tal-UE, li jistinka b’mod kostanti biex itejjeb is-servizzi tiegħu; |
|
— |
ħiliet interpersonali u ta’ komunikazzjoni eċċellenti, u |
|
— |
kapaċità kbira fir-relazzjonijiet ma’ partijiet ikkonċernati: ħiliet ta’ negozjar, tattika u diplomazija. |
PROĊEDURA TAL-GĦAŻLA
F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Qorti Nru 31-2015 dwar il-proċeduri għall-għażla ta’ maniġers prinċipali u diretturi, se jiġi stabbilit Bord ta’ Qabel l-Għażla biex jeżamina l-kandidati eliġibbli fuq il-bażi tal-kriterji mogħtija f’dan l-avviż ta’ post battal.
|
(a) |
Stadju ta’ qabel l-għażla |
Il-Bord inizjalment se jeżamina u jqabbel il-kwalifiki, l-esperjenza professjonali u l-ħiliet tal-kandidati eliġibbli kollha fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta fl-applikazzjonijiet tagħhom (ara l-kriterji ta’ qabel l-għażla ta’ hawn fuq). Abbażi tal-valutazzjoni tiegħu, il-Bord imbagħad se jagħżel it-8 kandidati li jkunu l-iktar adatti (1).
Billi din l-għażla inizjali hija bbażata fuq valutazzjoni komparattiva, il-kandidati li jissodisfaw il-kriterji mogħtija f’dan l-avviż ta’ post battal ma jipproċedux awtomatikament għall-istadju li jmiss tal-proċedura.
|
(b) |
Stadju tal-għażla |
Il-Bord se jeżamina t-8 kandidati li jkunu l-iktar adatti permezz ta’ intervista u billi juża mezzi oħra li huwa jqis li huma xierqa (ara l-kriterji tal-għażla ta’ hawn fuq).
Ir-riżultati tal-istadju tal-għażla, flimkien mar-riżultati tal-istadju ta’ qabel l-għażla, se jservu bħala bażi biex tiġi stabbilita lista tal-kandidat(i) li huwa/huma meqjus(a) l-aktar ikkwalifikati għall-post.
Il-QEA se tiddeċiedi li taħtar kandidat wieħed fuq il-bażi tar-rapport tal-Bord.
APPLIKAZZJONIJIET
Id-data ta’ skadenza għall-applikazzjonijiet hija t-30 ta’ April 2020 f’nofsinhar (CET).
L-applikazzjonijiet iridu jitfasslu bl-Ingliż jew bil-Franċiż u jintbagħtu biss permezz tal-formola online li hija pprovduta għall-post battal li qed jiġi rreklamat.
L-applikazzjonijiet iridu jinkludu d-dokumenti li ġejjin (kollha bl-Ingliż jew bil-Franċiż):
|
— |
ittra ta’ motivazzjoni (mhux itwal minn tliet paġni); |
|
— |
CV aġġornat, (mhux itwal minn ħames paġni) ibbażat fuq il-mudell “Europass curriculum vitae” u li jispeċifika dati eżatti (ara: http://europass.cedefop.europa.eu). |
Jekk jogħġbok innota li, meta l-applikazzjoni tiegħek tkun qiegħda tiġi evalwata kemm matul l-istadju ta’ eliġibbiltà kif ukoll matul dak ta’ qabel l-għażla tal-proċedura, tittieħed biss inkunsiderazzjoni l-informazzjoni li tingħata fis-CV u fl-ittra ta’ motivazzjoni.
Id-dettalji li jingħataw fl-applikazzjoni jitqiesu veri u korretti, u għalhekk ikunu vinkolanti għall-applikant.
Il-kandidati jridu jkunu kapaċi li, fuq talba, jagħtu evidenza bil-miktub tal-kwalifiki, tal-esperjenza professjonali u tad-dmirijiet attwali tagħhom, jekk jitqies li jkun meħtieġ.
Kull applikazzjoni li ma ssegwix dawn l-istruzzjonijiet ma tiġix ikkunsidrata.
POLITIKA TA’ REKLUTAĠĠ
Il-Qorti tal-Awdituri ddeċidiet li tniedi l-proċedura ta’ reklutaġġ għal post ta’ Direttur (grad AD14) fil-qasam tal-awditjar, skont l-Artikolu 29, il-paragrafi 1 u 2 tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (sussegwentement imsejħa r-“Regolamenti tal-Persunal”), bil-għan li żżid l-ammont ta’ kandidati potenzjali li jistgħu jintgħażlu mill-Awtorità tal-Ħatra.
F’konformità mal-politika tal-Qorti dwar opportunitajiet indaqs u l-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Qorti tħaddan id-diversità u tippromwovi opportunitajiet indaqs. Il-Qorti taċċetta applikazzjonijiet mingħajr diskriminazzjoni fuq kwalunkwe bażi u tieħu passi biex tiżgura reklutaġġ ibbilanċjat ta’ rġiel u nisa, kif meħtieġ mill-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Minħabba r-rappreżentanza baxxa ta’ nisa fil-livelli għoljin ta’ maniġment, il-Qorti tinkoraġġixxi b’mod partikolari applikazzjonijiet għal din il-pożizzjoni minn kandidati nisa. Fil-każ ta’ kwalifiki jew mertu indaqs, tintgħażel kandidata mara. Il-Qorti tieħu wkoll miżuri li jippermettu r-rikonċiljazzjoni tal-ħajja tax-xogħol ma’ dik personali.
Jekk tkun teħtieġ arranġamenti speċjali (għal diżabbiltà speċifika) biex tkun tista’ tieħu sehem f’din il-proċedura tal-għażla, nitolbuk tibgħat email fi żmien xieraq lil ECA-Recrutement@eca.europa.eu.
PROTEZZJONI TAD-DATA
Il-Qorti hija impenjata li tiżgura li d-data personali tal-kandidati tiġi pproċessata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).
Għal iktar informazzjoni, ara l-istqarrija ta’ privatezza speċifika għal postijiet tax-xogħol battala li tinsab fl-indirizz li ġej:
https://www.eca.europa.eu/Lists/ECADocuments/Specific_Privacy_Statement_vacancies/Specific_Privacy_Statement_vacancies_MT.PDF
TALBIET GĦAL REVIŻJONI — ILMENTI U APPELLI — ILMENTI LILL-OMBUDSMAN EWROPEW
Jekk f’xi stadju fil-proċedura tal-għażla tqis li xi deċiżjoni tkun affettwatek ħażin, inti tista’ tuża l-mezzi li ġejjin:
I. Talba għal reviżjoni ta’ deċiżjoni li tkun ittieħdet mill-Bord ta’ Qabel l-Għażla
Inti tista’ tippreżenta talba motivata, bil-miktub, għal reviżjoni ta’ deċiżjoni li tkun ittieħdet mill-Bord. Din it-talba trid tiġi ppreżentata, fi żmien 10 ijiem min-notifika tad-deċiżjoni, fl-indirizz li ġej:
ECA-Recours@eca.europa.eu.
II. Ilmenti u appelli
Skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, inti tista’ tippreżenta lment kontra d-Deċiżjoni tal-Qorti li tirrifjuta l-applikazzjoni tiegħek fi żmien tliet xhur mid-data tan-notifika ta’ dik id-deċiżjoni, fl-indirizz li ġej:
|
The Secretary-General |
|
European Court of Auditors |
|
12, rue Alcide De Gasperi |
|
1615 Luxembourg |
|
LUXEMBOURG |
III. Appell ġudizzjarju
Skont l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, jekk l-ilment tiegħek jiġi rifjutat u din id-deċiżjoni taffettwak ħażin, tista’ tressaq appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Dan l-appell irid jitressaq minn avukat fi żmien tliet xhur mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni ta’ rifjut tal-ilment.
IV. Ilmenti lill-Ombudsman Ewropew
Jekk inti tqis li t-trattament tal-applikazzjoni tiegħek kien jinvolvi amministrazzjoni ħażina mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, tista’ tressaq ilment lill-Ombudsman Ewropew, wara li l-ewwel tkun ikkuntattjajt lill-Qorti bl-għan li ssolvi t-tilwima. Inti trid tressaq l-ilment tiegħek bil-miktub fi żmien sentejn minn meta ssir taf bil-fatti rilevanti. Formola elettronika tal-ilmenti hija disponibbli fuq is-sit web tal-Ombudsman Ewropew. Il-preżentazzjoni ta’ lment lill-Ombudsman Ewropew ma tirriżultax f’sospensjoni tad-dati ta’ skadenza tal-perjodu li fih jista’ jsir l-appell, kif indikati hawn fuq.
(1) Dment li jkun hemm ammont suffiċjenti ta’ kandidati.
(2) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).