28.2.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 65/33


AVVIŻ TA’ REKLUTAĠĠ PE/238/S —

Direttur (Grupp ta’ funzjonijiet AD, grad 14)

DIRETTORAT ĠENERALI GĦAT-TRADUZZJONI — DIRETTORAT GĦAS-SOSTENN U S-SERVIZZI TEKNOLOĠIĊI GĦAT-TRADUZZJONI

(2020/C 65 A/06)

 

1.   Pożizzjoni vakanti

Il-President tal-Parlament Ewropew iddeċieda li jniedi proċedura għall-pożizzjoni ta’ direttur (1) (AD, grad 14) fi ħdan id-Direttorat għas-Sostenn u s-Servizzi Teknoloġiċi għat-Traduzzjoni tad-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni, fuq il-bażi tal-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2) (minn hawn ‘il quddiem imsejħa r-"Regolamenti tal-Persunal").

Din il-proċedura ta’ selezzjoni, li għandha l-iskop li tagħti lill-Awtorità tal-Ħatra għażla akbar ta’ kandidati, se tiżvolġi b’mod parallel mal-proċedura interna u dik interistituzzjonali ta’ reklutaġġ.

Ir-reklutaġġ se jsir fil-grad AD14 (3). Is-salarju bażiku huwa ta’ EUR 14 837,60 fix-xahar. Ma’ dan is-salarju bażiku, li huwa soġġett għat-taxxa Komunitarja u eżenti mit-taxxa nazzjonali, jistgħu jiżdiedu ċerti allowances skont il-kondizzjonijiet previsti mir-Regolamenti tal-Persunal.

Il-kandidati għandhom jieħdu nota li dan l-impjieg huwa soġġett għar-regolament dwar il-politika tal-mobilità, li ġie adottat mill-Bureau tal-Parlament Ewropew fil-15 ta’ Jannar 2018.

Dan l-impjieg jirrikjedi disponibilità kif ukoll kuntatt frekwenti ma’ nies fil-Parlament u barra minnu, b’mod partikolari mal-Membri tal-Parlament Ewropew. Id-direttur se jkun mitlub iwettaq missjonijiet frekwenti fil-postijiet tax-xogħol differenti tal-Parlament Ewropew u barra minnhom.

2.   Post tax-xogħol

Il-Lussemburgu. Dan l-impjieg jaf jiġi trasferit lejn wieħed mill-postijiet tax-xogħol l-oħra tal-Parlament Ewropew.

3.   Opportunitajiet indaqs

Il-Parlament Ewropew japplika politika ta’ opportunitajiet indaqs u jaċċetta l-applikazzjonijiet mingħajr ebda diskriminazzjoni, bħal pereżempju diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjonijiet politiċi jew oħrajn, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età, l-orjentament sesswali, l-istat ċivili jew is-sitwazzjoni tal-familja.

4.   Deskrizzjoni tal-funzjonijiet

Bħala uffiċjal ta’ livell għoli, id-direttur, fid-dawl tal-linji gwida u d-deċiżjonijiet stabbiliti mill-awtorità parlamentari u mid-Direttur Ġenerali, huwa inkarigat minn dawn il-kompiti (4):

jiżgura l-funzjonament tajjeb ta’ dipartiment kbir tas-Segretarjat Ġenerali tal-Parlament Ewropew magħmul minn unitajiet li jkopru l-oqsma ta’ kompetenza tad-Direttorat,

imexxi, jistimula, jimmotiva u jikkoordina timijiet ta’ aġenti — jaħdem biex isir l-aħjar użu mir-riżorsi tad-dipartiment filwaqt li jiżgura servizz ta’ kwalità għolja (organizzazzjoni, ġestjoni tar-riżorsi umani u baġitarji, innovazzjoni, eċċ.) fl-oqsma ta’ attività tiegħu,

jippjana l-attivitajiet tad-Direttorat (definizzjoni tal-objettivi u l-istrateġiji) — jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti — jivvaluta s-servizzi pprovduti bl-iskop li jiggarantixxi l-kwalità tagħhom,

jagħti pariri lid-Direttur Ġenerali, lis-Segretarjat Ġenerali u lill-Membri tal-Parlament Ewropew fl-oqsma ta’ attività tiegħu,

jikkoopera mad-direttorati differenti tas-Segretarjat Ġenerali, jirrappreżenta lill-Istituzzjoni u jinnegozja kuntratti jew ftehimiet fl-oqsma ta’ attività tiegħu,

jiġġestixxi u jwassal fi tmiemhom proġetti speċifiċi li jistgħu jinvolvu responsabilitajiet finanzjarji,

iwettaq il-funzjoni ta’ uffiċjal awtorizzanti b’sottodelega.

5.   Rekwiżiti ta’ eleġibilità

Din il-proċedura ta’ selezzjoni hija miftuħa għall-kandidati kollha li, sad-data meta jagħlqu l-applikazzjonijiet, ikunu ssodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

Rekwiżiti ġenerali

Skont l-Artikolu 28 tar-Regolamenti tal-Persunal, jeħtieġ b’mod partikolari li l-kandidati:

ikunu ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea,

igawdu d-drittijiet ċivili tagħhom,

ikunu ssodisfaw kull obbligu impost mil-liġijiet ta’ reklutaġġ applikabbli fil-qasam militari,

joffru l-garanziji ta’ moralità mitluba għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet previsti.

(b)

Rekwiżiti speċifiċi

(i)

Kwalifiki, diplomi u esperjenza professjonali meħtieġa

Livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal ċiklu sħiħ ta’ studji universitarji ċċertifikati b’diploma, meta l-perjodu normali ta’ dawn l-istudji universitarji jkun ta’ erba’ snin jew aktar,

jew

livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal ċiklu sħiħ ta’ studji universitarji ċċertifikati b’diploma flimkien ma’ esperjenza professjonali xierqa ta’ sena jew aktar (5) meta l-perjodu normali tal-istudji universitarji jkun għall-anqas ta’ tliet snin.

Esperjenza professjonali, ta’ mill-anqas tnax-il sena, miksuba wara li jkunu nkisbu l-kwalifiki msemmija hawn fuq, fosthom mill-anqas sitt snin ta’ esperjenza maniġerjali.

(ii)

Għarfien meħtieġ

Għarfien kulturali ġenerali eċċellenti tal-affarijiet Ewropej,

fehim eċċellenti ta’ kwistjonijiet politiċi interni, nazzjonali u internazzjonali,

fehim tajjeb ħafna tal-kulturi differenti rappreżentati fi ħdan l-istituzzjonijiet Ewropej,

għarfien eċċellenti tat-Trattati,

għarfien eċċellenti tal-istruttura tas-Segretarjat Ġenerali tal-Parlament Ewropew, tal-organizzazzjoni u l-ambjent tiegħu u tal-atturi varji,

għarfien eċċellenti tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew, tal-proċeduri leġiżlattivi u tar-regoli u l-prattiki interni,

għarfien eċċellenti tal-Regolamenti tal-Persunal, kif ukoll tal-interpretazzjoni tagħhom u tar-regoli derivati minnhom,

għarfien eċċellenti tar-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u r-regoli ta’ applikazzjoni tagħhom u tar-regoli interni u testi subordinati oħra tal-Parlament Ewropew,

għarfien amministrattiv tajjeb ħafna (aspetti b’rabta mar-riżorsi umani u/jew il-ġestjoni u/jew il-baġit u/jew il-finanzi u/jew l-informatika u/jew l-aspetti ġuridiċi, eċċ.),

għarfien eċċellenti tat-tekniki maniġerjali.

(iii)

Għarfien lingwistiku

Il-pożizzjoni tirrikjedi għarfien fil-fond (minimu ta’ livell C1 (6)) ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (7), kif ukoll għarfien tajjeb ħafna (minimu ta’ livell B2 (6)) ta’ mill-anqas waħda minn dawn il-lingwi.

Il-Kumitat Konsultattiv iqis ukoll l-għarfien ta’ lingwi uffiċjali oħrajn tal-Unjoni Ewropea.

(iv)

Kapaċitajiet meħtieġa

Sens ta’ strateġija,

kapaċità maniġerjali,

kapaċità ta’ ppjanar bil-quddiem,

kapaċità ta’ reazzjoni għall-avvenimenti,

approċċ metikoluż,

kapaċità ta’ komunikazzjoni.

6.   Proċedura ta’ selezzjoni

Sabiex jgħin lill-Awtorità tal-Ħatra fl-għażla tagħha, il-Kumitat Konsultattiv għall-Ħatra ta’ Uffiċjali Għolja jistabbilixxi l-lista ta’ kandidati u jirrakkomanda lill-Bureau tal-Parlament Ewropew il-persuni li għandhom jiġu mistiedna għal intervista. Il-Bureau jiffinalizza l-lista ta’ dawn il-persuni, filwaqt li l-Kumitat jagħmel l-intervisti u jippreżenta r-rapport finali tiegħu lill-Bureau għad-deċiżjoni. F’dan il-qafas, il-Bureau jkun jista’ jipproċedi għas-smigħ tal-kandidati.

7.   Tressiq tal-applikazzjonijiet

Id-data li fiha jagħlqu l-applikazzjonijiet hija:

l-20 ta’ Marzu 2020, f’12.00 (nofsinhar), ħin ta’ Brussell.

Il-kandidati huma mitluba jibagħtu, permezz ta’ email biss, f’format pdf, ittra ta’ motivazzjoni (Għall-attenzjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew, Avviż ta’ reklutaġġ numru PE/238/S) u curriculum vitae fil-format tal-Europass (8), b’indikazzjoni tar-referenza tal-avviż (PE/238/S) fis-suġġett tal-messaġġ, fl-indirizz li ġej:

PERS-EPSeniorManagement@ep.europa.eu

u jitqiesu bħala prova d-data u l-ħin tat-trażmissjoni tal-email.

Il-kandidati għandhom jiżguraw li d-dokumenti skennjati jkunu jistgħu jinqraw.

Il-kandidati li jissejħu għal intervista għandhom jieħdu nota li jridu jipprovdu, sad-data tal-intervista, kopji jew fotokopji tad-dokumenti li jikkonfermaw l-istudji tagħhom, kif ukoll l-esperjenza professjonali tagħhom u l-attività li jeżerċitaw fil-preżent (9). L-ebda wieħed minn dawn id-dokumenti ma jingħata lura lill-kandidati.

Id-data ta’ natura personali li jibagħtu l-kandidati fil-qafas ta’ din il-proċedura ta’ selezzjoni se tkun ipproċessata skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (10).


(1)  Kull referenza, f'dan l-avviż, għal persuna tas-sess maskil għandha tkun ikkunsidrata wkoll li tikkostitwixxi referenza għal persuna tas-sess femminil, u viċeversa.

(2)  Ara r-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tal-Kunsill (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1) emendat mir-Regolament (KE, Euratom) Nru 723/2004 (ĠU L 124, 27.4.2004, p. 1) kif ukoll mir-Regolament (UE, Εuratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2013 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 15).

(3)  Meta jiġi reklutat, l-uffiċjal jingħata grad skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 32 tar-Regolamenti tal-Persunal.

(4)  Għall-kompiti prinċipali, ara l-Anness.

(5)  Din is-sena ta' esperjenza ma titqiesx għall-evalwazzjoni tal-esperjenza professjonali li jirreferi għaliha l-punt li jmiss.

(6)  Ara l-Qafas Komuni Ewropew ta' Referenza għal-Lingwi (QKERL) — https://europass.cedefop.europa.eu/sites/default/files/cefr-mt.pdf

(7)  Il-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea huma: il-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Irlandiż, l-Ispanjol, l-Iżvediż, il-Kroat, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan u l-Ungeriż.

(8)  http://europass.cedefop.europa.eu/

(9)  Dan ma japplikax għall-kandidati li jkunu fis-servizz tal-Parlament Ewropew fid-data meta jagħlqu l-applikazzjonijiet.

(10)  ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39.


ANNESS

DIRETTORAT ĠENERALI GĦAT-TRADUZZJONI - DIRETTORAT GĦAS-SOSTENN U S-SERVIZZI TEKNOLOĠIĊI GĦAT-TRADUZZJONI

DMIRIJIET PRINĊIPALI

(Dipartiment magħmul minn 75 aġent: 64 uffiċjal, 7 aġenti temporanji u 4 aġenti kuntrattwali)

Jistabbilixxi, flimkien mal-unitajiet, l-istrateġija ta’ żvilupp ta’ kull settur tad-Direttorat; isegwi l-attwazzjoni ta’ dawn l-istrateġiji; jorganizza laqgħat regolari ma’ kull waħda mill-unitajiet, kif ukoll il-laqgħat tad-Direttorat li jsiru darbtejn fix-xahar;

Jiżgura l-funzjonijiet ta’ "Business Analyst"u ta’ "Business Designer"tad-DĠ TRAD;

Jordna, jiġġestixxi u jqassam xogħlijiet (f’forma stampata, elettronika u online) maħsuba għas-servizzi tat-traduzzjoni;

Jistabbilixxi, f’kollaborazzjoni mal-Unità tal-Iżvilupp tal-Applikazzjonijiet u tas-Sistemi Informatiċi, pjan informatiku tad-DĠ TRAD;

Imexxi l-COCOM (Kumitat ta’ Koordinament tal-IT DĠ TRAD - DĠ ITEC);

Jiżgura l-funzjonijiet ta’ uffiċjal awtorizzanti b’sottodelega u, skont il-każ, jirrappreżenta lid-Direttorat Ġenerali fi ħdan il-korpi tal-PE, fil-fora interistituzzjonali, eċċ.

UNITÀ TAL-IŻVILUPP TAL-APPLIKAZZJONIJIET U TAS-SISTEMI INFORMATIĊI

Tiġġestixxi l-proġetti informatiċi, inklużi l-proġetti deċentralizzati, skont il-metodoloġiji approvati;

Tiġġestixxi t-talbiet għal bidliet fir-rigward ta’ prodotti eżistenti b’mod sistematiku u komprensiv biex tinkiseb panorama koerenti u integrata tal-applikazzjonijiet;

Tgħin lid-DĠ u lid-DĠ ITEC jifhmu u janalizzaw il-proċessi operattivi fid-DĠ TRAD mil-lat funzjonali u tekniku, tipproponi strateġija għall-panorama informatika futura;

Issegwi s-suq tat-teknoloġija fit-traduzzjoni ġenerali u tipparteċipa fil-kooperazzjoni teknika interistituzzjonali biex tiżgura li d-DĠ TRAD ikollu għad-dispożizzjoni tiegħu l-aqwa strumenti possibbli;

Tirrappreżenta lid-DĠ TRAD fil-korpi interni u interistituzzjonali b’rabta mal-mandat tagħha;

Tistabbilixxi, f’kollaborazzjoni mal-Business Analysts, il-pjan informatiku għad-DĠ.

UNITÀ TAT-TRADUZZJONI ESTERNA

Tiġġestixxi t-talbiet għal traduzzjoni assenjati lill-kuntratturi esterni permezz tal-applikazzjoni FLUID/FLUID+;

Tiġġestixxi l-kuntratti ta’ traduzzjoni esterna, inkluża l-ġestjoni tal-kontrolli tal-kwalità;

Teżerċita l-funzjonijiet ta’ uffiċjal awtorizzanti b’sottodelega għal-linja 1420 - "Servizzi ta’ traduzzjoni esterna";

Tipparteċipa fil-proċeduri ta’ akkwist pubbliku fil-qasam tat-traduzzjoni esterna;

Tipparteċipa fit-twettiq ta’ studji fil-qasam tal-iżviluppi fl-informatika marbuta mal-applikazzjonijiet speċifiċi tal-unità.

UNITÀ TAL-PRETRADUZZJONI/EURAMIS

Tiżgura li jingħata segwitu lill-ipproċessar preliminari awtomatiku tat-talbiet għal traduzzjoni u l-ipproċessar preliminari speċifiku (sessjoni, referenzi, ipproċessar preliminari speċjali inklużi testi konsolidati, skedi informattivi, baġit, titli fl-ITER); tiżgura l-alimentazzjoni u ż-żamma tal-memorji komuni tat-traduzzjoni fl-Euramis;

Tiżgura l-verifika teknika tal-oriġinali, inklużi l-korrezzjonijiet, il-pariri u t-testi;

Torganizza u tipparteċipa f’sessjonijiet ta’ taħriġ intern u estern, laqgħat u gruppi ta’ ħidma, inkluża l-kooperazzjoni interservizzi u interistituzzjonali;

Iżżomm is-sistema SPA kif ukoll tagħmel żviluppi u testijiet fuq SPA+, f’kollaborazzjoni mal-Unità DAS;

Tgħin lill-utenti billi tipprovdi servizz ta’ assistenza (Help Desk), inkluża l-assistenza informatika interna;

Tipparteċipa fl-iżviluppi, fit-testijiet u fiż-żamma tal-applikazzjonijiet informatiċi tad-DĠ TRAD, barra minn SPA, SPA+ (għodda CAT, Sirius, eċċ.) f’kollaborazzjoni mal-Unità DAS u mal-utenti;

Tiġġestixxi u tamministra (ġestjoni tar-riżorsi umani, assistenza lill-kap tal-unità, statistika, żamma tas-sit web, laqgħat tal-unità).

UNITÀ TAL-KOORDINAMENT TAT-TERMINOLOĠIJA

Tikkoordina x-xogħol fil-IATE għall-unitajiet tat-traduzzjoni kollha (ġestjoni tal-utenti, helpdesk, aġġornament, kooperazzjoni mat-terminoloġi tal-unitajiet tat-traduzzjoni, Netwerk tat-Terminolġija) u tiġġestixxi proġetti terminoloġiċi (TermFolders, proġetti għat-trainees, proġetti ta’ terminoloġija mal-universitajiet, eċċ.);

Tħejji u tikkoordina x-xogħol kollu relatat mal-għodda u l-materjali terminoloġiċi (TermSafe, Glossary Search Tool, Documentary Search Tool, Term Extraction, EP Establishment Plan, Codict, gwida dwar il-IATE);

Tikkoopera mal-istituzzjonijiet l-oħra (IATE Management Group, IATE Handbook Task Force, Data Clean-up Task Force, IATE 2 Task Force, IATE Studio Integration Task Force, ELISE Management Group, Terminology Coordination Services); tiżviluppa u żżomm għall-IATE Management Group il-wikis tal-EurTerm għal kull lingwa;

Tikkoordina l-attivitajiet relatati mal-użu u l-iżvilupp tal-funzjonalitajiet tat-terminoloġija fl-għodda CAT (ħolqien ta’ bażijiet terminoloġiċi, assistenza lill-utenti, taħriġ, kuntatti mal-iżviluppaturi, parteċipazzjoni fil-gruppi ta’ utenti, eċċ.);

Torganizza seminars u workshops u tagħti taħriġ b’rabta mal-IATE u ma’ suġġetti terminoloġiċi oħrajn;

Tikkoopera mas-servizzi ta’ DĠ oħrajn meta ssir talba u tħejji l-materjal terminoloġiku mitlub;

Tiżviluppa u żżomm relazzjonijiet mal-universitajiet għal proġetti terminoloġiċi IATE.