21.2.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 58/1


Avviż ta’ post battal ECA/2020/5

Post wieħed ta’ Uffiċjal għas-Saħħa u s-Sigurtà Fuq il-Post tax-Xogħol

Presidenza — Servizz Legali

(Grupp tal-funzjoni AD, grad AD6-AD7)

(2020/C 58 A/01)

 

MIN AĦNA?

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (“il-Qorti”) hija l-awditur estern tal-Unjoni Ewropea. Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri ġiet stabbilita fl-1977, u hija waħda mis-seba’ istituzzjonijiet tal-UE. Ibbażata fil-Lussemburgu, hija timpjega madwar 900 membru tal-persunal, min-nazzjonalitajiet kollha tal-UE, fil-qasam tal-awditjar, ta’ appoġġ u f’dak amministrattiv.

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri topera bħala korp kolleġġjali ta’ 27 Membru (b’Membru wieħed minn kull Stat Membru tal-UE). L-awdituri tal-Qorti jivverifikaw li l-kontijiet tal-UE jinżammu tajjeb u li din tapplika r-regoli finanzjarji tagħha b’mod korrett, kif ukoll li l-politiki u l-programmi tagħha jilħqu l-objettivi stabbiliti u jipprovdu valur għall-flus.

Permezz tax-xogħol li twettaq, il-Qorti tal-Awdituri tikkontribwixxi għat-titjib tal-ġestjoni finanzjarja tal-UE u għall-promozzjoni tal-obbligu ta’ rendikont u t-trasparenza. Hija twissi dwar il-possibbiltà ta’ riskji, tipprovdi aċċertament, tindika fejn ikun hemm nuqqasijiet u suċċessi, u toffri gwida lil dawk li jfasslu l-politika u lil-leġiżlaturi tal-UE. Il-Qorti tippreżenta l-osservazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tagħha lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill tal-UE, lill-gvernijiet u l-parlamenti nazzjonali, kif ukoll lill-pubbliku ġenerali.

Is-Servizz Legali jagħti opinjonijiet legali u jipprovdi appoġġ legali lill-Qorti fil-qafas tat-totalità tal-attivitajiet tagħha, inklużi pariri relatati mal-kompetenzi u l-prerogattivi tal-istituzzjoni, ma’ kwistjonijiet legali li jitqajmu fil-qafas tal-attivitajiet tal-awditjar tagħha, kif ukoll ma’ kwistjonijiet li jikkonċernaw il-persunal u l-amministrazzjoni.

Fir-rwol tiegħu ta’ konsulent indipendenti mill-attivitajiet tal-Qorti, b’referenza għal-leġiżlazzjoni fis-seħħ, is-servizz se jestendi l-lista tal-kompiti tiegħu billi jimpjega Uffiċjal għas-Saħħa u s-Sigurtà Fuq il-Post tax-Xogħol. Il-missjoni tiegħu se titwettaq b’oġġettività u indipendenza assoluta mis-servizzi l-oħra tal-Qorti, biex tiġi evitata kwalunkwe sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interess potenzjali.

X’QEGĦDIN NOFFRU

Il-Qorti tal-Awdituri ddeċidiet li tniedi l-proċedura ta’ reklutaġġ għal post ta’ Uffiċjal għas-Saħħa u s-Sigurtà Fuq il-Post tax-Xogħol (gradi AD6 sa AD7) fi ħdan is-Servizz Legali (Presidenza), u li tistabbilixxi lista ta’ kandidati li jkunu xierqa għat-twettiq tad-dmirijiet, abbażi tal-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem imsejħa r-“Regolamenti tal-Persunal”), bil-ħsieb li jimtela l-post jew jimtlew il-postijiet li jisfa(w) battal(a) matul il-perjodu ta’ validità tal-lista ta’ kandidati xierqa. Din il-proċedura speċjali, li għandha l-għan li jimtela post fejn jinħtieġu kwalifiki speċjali, se ssir b’mod parallel mal-proċedura interna u dik interistituzzjonali ta’ reklutaġġ, abbażi tal-Artikolu 29(1)(a) sa (c) tar-Regolamenti tal-Persunal, b’mod li żżid il-possibbiltajiet tal-għażla għall-Awtorità tal-Ħatra.

Taħt l-awtorità tal-Kap tas-Servizz Legali, l-Uffiċjal għas-Saħħa u s-Sigurtà Fuq il-Post tax-Xogħol ikollu r-responsabbiltà, fost affarijiet oħra, li:

jorganizza l-valutazzjoni ġenerali tal-konformità mad-dispożizzjonijiet legali u regolatorji fis-seħħ fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà fi ħdan il-Qorti;

jikkontribwixxi biex tiġi ddefinita strateġija biex il-Qorti tiżviluppa s-sigurtà u s-saħħa tal-persunal tagħha;

jimmonitorja u jevalwa l-kundizzjonijiet tax-xogħol u r-riżorsi użati, il-valutazzjoni u l-analiżijiet tar-riskji, kif ukoll id-dispożizzjonijiet dwar il-prevenzjoni tal-aċċidenti;

iwettaq żjarat regolari flimkien mas-servizzi li huma responsabbli għall-bini u għas-sigurtà kif ukoll għall-ħolqien u l-ġestjoni tar-reġistri ta’ sikurezza/manutenzjoni;

jikkontribwixxi għall-iżvilupp, l-aġġornament u l-komunikazzjoni tal-pjanijiet ta’ sigurtà u saħħa, ta’ twissija, ta’ allarm, ta’ intervent u ta’ evakwazzjoni f’konsultazzjoni mas-servizzi kompetenti;

jipprovdi opinjonijiet interni rigward is-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol;

jikkontribwixxi għat-tħejjija u l-organizzazzjoni ta’ eżerċizzji ta’ evakwazzjoni;

iżomm relazzjonijiet mal-awtoritajiet kompetenti, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f’dak nazzjonali, b’mod partikolari mal-Ispettorat tax-Xogħol u tal-Mini fil-Lussemburgu, mal-interlokuturi interni fi ħdan il-Qorti (is-Servizz tas-Sigurtà u s-Sikurezza, is-Servizz Mediku, id-Direttorat għall-Informazzjoni, l-Ambjent tax-Xogħol u l-Innovazzjoni, il-Kumitat għas-Sigurtà u s-Saħħa, eċċ.), mal-awtoritajiet l-oħra ta’ kontroll fil-qasam tas-sigurtà u s-saħħa, kif ukoll mas-servizzi ta’ emerġenza f’ każ ta’ aċċident jew nar.

Is-salarju bażiku għall-gradi AD6 u AD7 (fl-ewwel skala) huwa rispettivament ta’ EUR 5 524,91 / EUR 6 251,08 fix-xahar. Skont il-kundizzjonijiet previsti fir-Regolamenti tal-Persunal, u skont xi tkun is-sitwazzjoni personali kif ukoll il-kompożizzjoni tal-unità domestika, jistgħu jinżdiedu ċerti allowances u benefiċċji ma’ dan is-salarju bażiku, li huwa suġġett għat-taxxa interna tal-Unjoni Ewropea u eżentat mit-taxxa nazzjonali.

Jinħtieġu 3 snin ta’ esperjenza professjonali għall-grad AD6, u 6 snin ta’ esperjenza professjonali għall-grad AD7.

L-istituzzjonijiet tal-UE għandhom is-sistemi proprji tagħhom ta’ pensjonijiet u ta’ sigurtà soċjali, li huma bbażati fuq tnaqqis mis-salarju f’ras il-għajn. It-tfal tal-membri tal-persunal jistgħu jibbenefikaw minn reġistrazzjoni mingħajr ħlas fl-Iskejjel Ewropej.

X’QEGĦDIN INFITTXU

I.   Kriterji ta’ eliġibbiltà

Din il-proċedura ta’ reklutaġġ hija miftuħa għall-kandidati li, fid-data ta’ għeluq stabbilita għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet, jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà li ġejjin:

1.   Rekwiżiti legali

Skont l-Artikolu 28 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-kandidati jridu:

ikunu ċittadini ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea;

igawdu mid-drittijiet kollha tagħhom bħala ċittadini;

ikunu wettqu kull obbligu impost fuqhom mil-liġijiet ta’ reklutaġġ dwar is-servizz militari;

jipproduċu r-referenzi ta’ karattru xierqa li juru li huma tajbin biex iwettqu d-dmirijiet previsti.

2.   Kwalifiki

Skont l-Artikolu 5 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-impjieg jirrikjedi livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi ma’ studji universitarji kkompletati ta’ mill-inqas tliet snin, iċċertifikati b’lawrja fl-inġinerija, l-arkitettura, fil-qasam tal-kostruzzjoni jew tas-sigurtà u s-saħħa, kif ukoll esperjenza professjonali ta’ mill-inqas tliet snin li tkun direttament relatata mad-dmirijiet tal-impjieg u li tkun inkisbet f’wieħed mill-Istati Membri tal-UE wara li tingħata l-lawrja msemmija hawn fuq; l-esperjenza trid tkun inkisbet sal-jum tal-għeluq finali għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet.

3.   Għarfien tal-lingwi

Minħabba n-natura tad-dmirijiet li jridu jitwettqu, jinħtieġu għarfien tal-Franċiż li jkun jikkorrispondi għal mill-inqas il-livell C2 (f’dak li jirrigwarda l-fehim kif ukoll l-espressjoni bil-miktub u orali) u għarfien tal-Ingliż li jkun jikkorrispondi għal mill-inqas il-livell C1 (fl-istess kategoriji).

Biex tiddetermina l-livell tal-kompetenza tiegħek fil-lingwa, ara s-sit web:

http://europass.cedefop.europa.eu/mt/resources/european-language-levels-cefr

II.   Rekwiżiti speċifiċi

Il-kandidati jrid ikollhom:

għarfien approfondit tad-dispożizzjonijiet legali u regolatorji fis-seħħ fil-qasam tas-sigurtà u s-saħħa;

għarfien tajjeb dwar l-istituzzjonijiet tal-UE;

ħiliet eċċellenti fil-livell interpersonali, kif ukoll f’dak relatat ma’ argumentazzjoni, negozjar u riżoluzzjoni ta’ kunflitti, li jippermettu interazzjoni fil-livelli kollha tal-ġerarkija fi ħdan il-Qorti, mill-maniġment superjuri għall-kollegi l-oħra, kif ukoll mal-partijiet interessati u l-interlokuturi esterni kollha;

sens tal-“kultura ta’ servizz”, (għas-servizz tal-klijent u għat-tfittix ta’ soluzzjoni), abbiltà kkonfermata fl-osservazzjoni ta’ skadenzi/struzzjonijiet, u ta’ ħidma kemm b’mod awtonomu kif ukoll f’tim;

abbiltà eċċellenti ta’ komunikazzjoni bil-fomm u ta’ tfassil ta’ dokumenti bil-lingwi ta’ ħidma tal-Qorti, jiġifieri bl-Ingliż u bil-Franċiż;

diskrezzjoni u professjonaliżmu.

Jitqiesu li huma ta’ vantaġġ:

lawrja ta’ ħaddiem maħtur jew taħriġ ekwivalenti ċċertifikat b’lawrja fil-qasam tas-sigurtà, il-prevenzjoni tar-riskji u l-iġjene, li tkun inkisbet f’wieħed mill-Istati Membri tal-UE, b’referenza għad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE (1);

għarfien tal-lingwa Ġermaniża li jkun jikkorrispondi għal mill-inqas il-livell B2 (f’dak li jirrigwarda l-fehim kif ukoll l-espressjoni orali u bil-miktub).

III.   Proċedura tal-għażla

Il-Kumitat tal-Għażla jipproċedi għal preselezzjoni, skont il-merti, minn fost il-kandidati eliġibbli, fuq il-bażi ta’ rekwiżiti speċifiċi (imsemmijin fil-Punt II ta’ hawn fuq). Wara din il-preselezzjoni, l-aħjar 10 kandidati (2) (massimu) jiġu mistiedna jħejju studju ta’ każ bil-miktub li mbagħad huma jippreżentaw waqt intervista.

Wara din il-proċedura, il-Kumitat tal-Għażla jistabbilixxi lista ta’ kandidati xierqa li tkun magħmula minn ħames kandidati (massimu) li jissodisfaw bl-aħjar mod ir-rekwiżiti speċifiċi ddefiniti mis-sejħa (imsemmijin fil-Punt II ta’ hawn fuq). L-ismijiet tal-kandidati magħżula jiġu ppreżentati f’ordni alfabetiku.

Ir-reklutaġġ(i) inizjalment ikollu/ikollhom l-objettiv li jimtela post battal, u mbagħad isir(u) skont il-ħtiġijiet tas-servizz u d-disponibbiltà tal-postijiet.

Il-fatt li kandidat ikun jidher fil-lista ta’ kandidati xierqa jikkostitwixxi sempliċement possibbiltà ta’ reklutaġġ. Ir-reklutaġġ(i) li eventwalment isir(u) jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Awtorità tal-Ħatra tal-Qorti tal-Awdituri. Il-lista tibqa’ valida sal-31 ta’ Diċembru 2020 u tista’ tiġġedded.

APPLIKAZZJONIJIET

Id-data ta’ skadenza għall-applikazzjonijiet hija l-20 ta’ Marzu 2020 f’nofsinhar (ħin tal-Lussemburgu).

L-applikazzjonijiet, miktuba bl-Ingliż jew bil-Franċiż, iridu jintbagħtu biss permezz tal-formola online li hija disponibbli fl-avviż ta’ post battal ippubblikat fuq is-sit tal-Internet tal-Qorti:

https://www.eca.europa.eu/mt/Pages/JobOpportunities.aspx#page-search/index/lang/mt_MT

Dawn iridu jinkludu d-dokumenti li ġejjin:

ittra ta’ introduzzjoni (mhux itwal minn paġna waħda, li trid tkun fil-format tal-“ittra ta’ introduzzjoni tal-Europass”, ara: http://europass.cedefop.europa.eu/);

CV aġġornat (mhux itwal minn tliet paġni, li jrid ikun fil-format tas-“CV tal-Europass”, ara http://europass.cedefop.europa.eu/);

fejn ikun applikabbli, kopja tal-lawrja ta’ ħaddiem maħtur jew tat-taħriġ ekwivalenti ċċertifikat b’lawrja fil-qasam tas-sigurtà, il-prevenzjoni tar-riskju u l-iġjene, li tkun inkisbet f’wieħed mill-Istati Membri tal-UE.

Meta l-applikazzjoni tiegħek tkun qiegħda tiġi evalwata, tittieħed biss inkunsiderazzjoni l-informazzjoni li tingħata fis-CV u fl-ittra ta’ introduzzjoni tiegħek.

Id-dettalji li jingħataw fl-applikazzjoni jitqiesu veri u preċiżi, u għalhekk ikunu vinkolanti għall-applikant.

Jekk ikun meħtieġ, il-kandidati jridu jkunu kapaċi li, fuq talba, jagħtu evidenza bil-miktub tal-kwalifiki, tal-esperjenza professjonali u tad-dmirijiet attwali tagħhom.

Il-kandidati interessati jridu jimlew il-formola tal-applikazzjoni li tinsab online sal-iskadenza mogħtija. Aħna ferm nirrakkomandaw lill-kandidati biex ma jistennewx l-aħħar sigħat tad-data ta’ skadenza biex jippreżentaw l-applikazzjonijiet tagħhom. L-esperjenza turi li r-riskji ta’ konġestjoni fis-sistema jiżdiedu hekk kif toqrob id-data ta’ għeluq għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet. Jista’ mbagħad isir diffiċli biex applikazzjoni tiġi ppreżentata fil-ħin.

Jiġu rifjutati applikazzjonijiet li ma jsegwux strettament dawn l-istruzzjonijiet.

POLITIKA TA’ REKLUTAĠĠ

F’konformità mal-politika tagħha dwar opportunitajiet indaqs u mal-Artikolu 1(d) tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Qorti tħaddan id-diversità u tippromwovi opportunitajiet indaqs. Il-Qorti taċċetta applikazzjonijiet mingħajr diskriminazzjoni fuq kwalunkwe bażi u tieħu miżuri biex tiżgura reklutaġġ ibbilanċjat ta’ rġiel u nisa, skont l-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Il-Qorti timplimenta wkoll miżuri li jippermettu r-rikonċiljazzjoni tal-ħajja tax-xogħol ma’ dik personali.

Jekk ikunu meħtieġa arranġamenti speċifiċi (marbuta ma’ diżabbiltà speċifika) biex inti tkun tista’ tieħu sehem f’din il-proċedura tal-għażla, nitolbuk tibgħat email minnufih fl-indirizz: ECA-Recrutement@eca.europa.eu

PROTEZZJONI TAD-DATA

Il-Qorti hija impenjata li tiżgura li d-data personali tal-kandidati tiġi pproċessata skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

Għal iktar informazzjoni, ara l-istqarrija ta’ privatezza speċifika għal postijiet tax-xogħol battala, li tinsab fl-indirizz li ġej:

https://www.eca.europa.eu/Lists/ECADocuments/Specific_Privacy_Statement_vacancies/Specific_Privacy_Statement_vacancies_MT.PDF

Jekk avviż ta’ post battal jew sejħa għal espressjoni ta’ interess ikunu jipprevedu l-istabbiliment ta’ lista ta’ riżerva, din il-lista li jkun fiha l-ismijiet tal-kandidati li jintgħażlu tiġi ppubblikata fuq is-sit web (Intranet/Internet) tal-Qorti. Il-lista tibqa’ fuq is-sit web sakemm il-validità tagħha tiskadi. Jekk jogħġbok innota li inti għandek id-dritt li titlob li nħallu ismek barra mil-lista ta’ riżerva ppubblikata. Inti tista’ tagħmel dan billi tibgħat email lil ECA-recrutement@eca.europa.eu.

TALBA GĦAL REVIŻJONI — ILMENT U APPELL — ILMENT LILL-OMBUDSMAN EWROPEW

F’kull stadju tal-proċedura tal-għażla, jekk inti taħseb li deċiżjoni tkun affettwatek ħażin, tista’ tuża l-mezzi li ġejjin:

I.   Talba għal reviżjoni tad-deċiżjonijiet li jkunu ttieħdu mill-Bord ta’ Selezzjoni

Inti tista’ tippreżenta talba motivata, bil-miktub, għal reviżjoni tad-deċiżjoni li tkun ittieħdet mill-Bord. Din it-talba trid tiġi ppreżentata, fi żmien 10 ijiem min-notifika tad-deċiżjoni, fl-indirizz li ġej: ECA-Recours@eca.europa.eu

II.   Ilmenti

Skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, f’każ li l-applikazzjoni tiegħek tiġi rifjutata, inti tista’ tippreżenta lment kontra d-deċiżjoni tal-Qorti fi żmien tliet xhur mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni, fl-indirizz li ġej:

Secretary-General

European Court of Auditors

12, rue Alcide De Gasperi

1615 Luxembourg

LUXEMBOURG

III.   Appell ġudizzjarju

Skont l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, jekk l-ilment tiegħek jiġi rifjutat u din id-deċiżjoni taffettwak ħażin, tista’ tressaq appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Dan l-appell irid jitressaq minn avukat fi żmien tliet xhur mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni ta’ rifjut tal-ilment.

IV.   Ilment lill-Ombudsman Ewropew

Jekk inti tqis li t-trattament tal-applikazzjoni tiegħek kien jinvolvi amministrazzjoni ħażina min-naħa tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, tista’ tressaq ilment lill-Ombudsman Ewropew, wara li l-ewwel tkun ikkuntattjajt lill-Qorti bl-għan li ssolvi t-tilwima. Inti trid tressaq l-ilment tiegħek bil-miktub fi żmien sentejn minn meta ssir taf bil-fatti rilevanti. Formola tal-ilmenti online hija disponibbli fuq is-sit web tal-Ombudsman Ewropew. Il-preżentazzjoni ta’ lment lill-Ombudsman Ewropew ma tirriżultax f’sospensjoni tad-dati ta’ skadenza tal-perjodu li fih jista’ jsir l-appell, kif indikati hawn fuq.


(1)  Id-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ĠU L 183, 29.6.1989, p. 1).

(2)  Dment li jkun hemm biżżejjed kandidati.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).