|
18.10.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 352/14 |
Wiċċ nazzjonali ġdid ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni
(2019/C 352/14)
Wiċċ nazzjonali tal-munita kommemorattiva l-ġdida taż-2 euro, maħsuba biex titqiegħed fiċ-ċirkolazzjoni u maħruġa mil-Latvja
Il-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni għandhom status ta’ valuta legali fiż-żona tal-euro. Biex tinforma lill-pubbliku u lill-partijiet kollha li jużaw il-muniti, il-Kummissjoni tippubblika deskrizzjoni tad-disinji tal-muniti l-ġodda kollha (1). F’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2009 (2), l-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-pajjiżi li kkonkludew ftehim monetarju mal-Unjoni Ewropea li jipprevedi l-ħruġ ta’ muniti tal-euro huma awtorizzati li joħorġu muniti kommemorattivi tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni kemm-il darba jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet, b’mod partikolari li jintużaw muniti ta’ 2 euro biss. Dawn il-muniti għandhom l-istess karatteristiċi tekniċi bħall-muniti l-oħra ta’ 2 euro, iżda l-wiċċ nazzjonali tagħhom ikun fih disinn kommemorattiv li jkun tassew simboliku f’termini nazzjonali jew Ewropej.
Pajjiż li qiegħed joħroġ il-munita: Il-Latvja
Suġġett tal-kommemorazzjoni: Ix-xemx tiela’
Deskrizzjoni tad-disinn: Il-munita hija ddedikata għall-istorja tal-Arma tal-Latvija u u għandha l-motif ta’ xemx tiela’. Dan il-motif kien oriġinarjament parti mill-proposta ta’ disinn għas-simbolu ta’ Latvja awtonoma, maħluq mill-artist Ansis Cīrulis fl-1917. Aktar tard dan il-motif tfaċċa bħala wieħed mill-elementi bażiċi tal-Arma tal-Latvja.
Il-motif tax-xemx tiela’ intuża wkoll mill-artist Ansis Cīrulis qabel, fid-disinn tal-badge tal-Latvja u x-xogħlijiet tal-arti l-oħra tiegħu. Wara l-fondazzjoni tar-Repubblika tal-Latvja fl-1918 varjazzjonijiet tal-motif tax-xemx tiela’ dehru fil-proposti kollha tad-disinn għall-Arma tal-Istat il-ġdid. L-Arma tal-Latvja ġiet uffiċjalment adottata fl-1921.
Id-disinn juri l-motif tax-xemx tiela’, bl-ittri B u L stilizzati (abbrevjazzjoni mill-kliem “Brīvā Latvija” (Il-Latvja libera)) fin-nofs. Għandu wkoll il-kitba “UZLECOŠĀ SAULE” (Ix-xemx tiela’), l-isem tal-pajjiż li qed joħroġ il-munita “LATVIJA” u s-sena tal-ħruġ “2019”.
Iċ-ċirku ta’ barra tal-munita juri t-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.
Għadd ta’ muniti li huwa stmat li se jinħarġu: 307 000
Data tal-ħruġ: It-tielet kwart tal-2019
(1) Ara l-ĠU C 373, 28.12.2001, p. 1 għall-uċuħ nazzjonali tal-muniti kollha li nħarġu fl-2002.
(2) Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-10 ta’ Frar 2009 u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Diċembru 2008 dwar linji-gwida komuni għall-uċuħ nazzjonali u l-ħruġ ta’ muniti tal-ewro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (ĠU L 9, 14.1.2009, p. 52).