25.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 111/41


Il-Programm HERCULE III

Sejħa għal proposti — 2019

Assistenza Teknika

(C/2018/8568)

(2019/C 111/09)

1.   Objettivi u deskrizzjoni

Dan l-avviż ta’ sejħa għal proposti jibbaża fuq ir-Regolament (UE) Nru 250/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) li jistabbilixxi l-Programm Hercule III, b’mod partikolari l-Artikolu 8(a) (“Azzjonijiet Eliġibbli”), kif ukoll id-Deċiżjoni ta’ Finanzjament tal-2019 li tadotta l-programm ta’ ħidma annwali (2) għall-implimentazzjoni tal-Programm Hercule III fl-2019, b’mod partikolari t-taqsima 2.1.1 azzjonijiet 1 sa 5 ta’ “Assistenza teknika”. Id-Deċiżjoni ta’ Finanzjament tal-2019 tipprevedi l-organizzazzjoni ta’ sejħa għal proposti għal “Assistenza Teknika”.

2.   Applikanti eliġibbli

Il-korpi eliġibbli għall-finanzjament skont il-Programm huma amministrazzjonijiet nazzjonali jew reġjonali (“Applikanti”) ta’ Stat Membru li jippromwovu t-tisħiħ tal-azzjoni tal-Unjoni Ewropea sabiex ikunu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea.

3.   Azzjonijiet eliġibbli

L-għan ta’ din is-sejħa huwa li tistieden lill-amministrazzjonijiet nazzjonali u reġjonali biex jissottomettu applikazzjonijiet għal azzjonijiet taħt wieħed mill-erba’ suġġetti li ġejjin:

1.

Għodod u metodi ta’ investigazzjoni (suġġett 1) - ix-xiri u l-manutenzjoni ta’ għodod u metodi ta’ investigazzjoni, inkluż taħriġ speċjalizzat biex jitħaddmu dawn l-għodod.

2.

Għodod ta’ detezzjoni u identifikazzjoni (suġġett 2) - ix-xiri u l-manutenzjoni ta’ apparati għall-ispezzjoni ta’ kontejners, trakkijiet, vaguni tal-ferrovija u vetturi (“għodod ta’ detezzjoni”) u għall-identifikazzjoni ta’ benefiċjarji ta’ programmi ta’ assistenza fi flus inkluż permezz ta’ mezzi bijometriċi.

3.

Sistema ta’ Rikonoxximent Awtomatiku tal-Pjanċi (ANPRS) (suġġett 3) - ix-xiri, il-manutenzjoni u l-interkonnessjoni (transfruntiera) ta’ sistemi awtomatizzati għar-rikonoxximent tal-pjanċi (ANPRSs) jew kodiċi ta’ kontejners.

4.

Analiżi, ħażna u qerda ta’ sekwestri (suġġett 4) - ix-xiri ta’ servizzi għall-analiżi, il-ħażna u l-qerda ta’ sigaretti ġenwini u ffalsifikati u oġġetti ffalsifikati oħrajn (3)

L-applikanti jistgħu jissottomettu aktar minn applikazzjoni waħda għal proġetti differenti taħt l-istess sejħa. L-applikanti huma mitluba jagħżlu suġġett ewlieni wieħed u għandhom ikunu konxji li applikazzjoni tista’ tinkorpora wkoll elementi ta’ suġġetti oħra

4.   Baġit

Il-baġit indikattiv disponibbli għal din is-sejħa huwa ta’ EUR 9 866 200.

Il-kontribuzzjoni finanzjarja se tieħu l-forma ta’ għotja. Il-kontribuzzjoni finanzjarja mogħtija mhix se taqbeż it-80 % tal-kostijiet eliġibbli. F’każijiet eċċezzjonali u ġustifikati kif dovut, il-kontribuzzjoni finanzjarja tista’ tiżdied biex tkopri massimu ta’ 90 % tal-kostijiet eliġibbli. Fid-dokument tas-sejħa hemm elenkati l-kriterji li se jiġu applikati għad-determinazzjoni ta’ dawn il-każijiet eċċezzjonali u dawk debitament ġustifikati.

Il-limitu minimu stabbilit għal proġett ta’ ‘Assistenza teknika’ se jkun EUR 100 000. Il-baġit ta’ proġett li għalih tintalab għotja ma jkunx anqas minn dan il-livell minimu stabbilit.

Il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li ma tallokax il-fondi kollha disponibbli.

5.   Data tal-għeluq tas-sottomissjoni

L-applikazzjonijiet iridu jitressqu mhux aktar tard mill-: Erbgħa 15 ta’ Mejju 2019 - 17:00 CET, u jistgħu jiġu sottomessi biss billi jsir użu mill-Portal tal-Parteċipanti għall-programm Hercule III:

https://ec.europa.eu/research/participants/portal/desktop/en/opportunities/herc/index.html

6.   Aktar informazzjoni

Id-dokumenti kollha relatati ma’ din is-sejħa għall-proposti jistgħu jitniżżlu mill-Portal tal-Parteċipanti msemmi taħt il-punt 5 ta’ hawn fuq jew minn dan is-sit web:

http://ec.europa.eu/anti-fraud/policy/hercule_en

Il-mistoqsijiet u/jew it-talbiet għal informazzjoni addizzjonali fir-rigward ta’ din is-sejħa jridu jintbagħtu permezz tal-Portal tal-Parteċipanti.

Jekk ikunu ta’ rilevanza għal applikanti oħrajn, il-mistoqsijiet u t-tweġibiet jistgħu jiġu ppubblikati b’mod anonimu fil-Gwida għall-Applikanti li hija disponibbli fuq il-Portal tal-Parteċipanti u fuq is-sit web tal-Internet tal-Kummissjoni.


(1)  Ir-Regolament (UE) Nru 250/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 li jistabbilixxi programm għall-promozzjoni ta’ attivitajiet fil-qasam tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea (il-programm Erkule III) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 804/2004/KE (ĠU L 84, 20.3.2014, p. 6).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni rigward l-adozzjoni tal-programm ta’ ħidma annwali u l-finanzjament tal-Programm Hercule III fl-2019 C(2018) 8568 finali tas-17 ta’ Diċembru 2018.

(3)  Jistgħu jsiru applikazzjonijiet għal appoġġ finanzjarju biex sekwestri jiġu meqruda minn fornitur estern tas-servizzi. Mhuwiex permess ix-xiri ta’ tagħmir għall-istabbiliment, pereżempju, ta’ inċineratur.