13.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 57/22


Wiċċ nazzjonali ġdid ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni

(2019/C 57/11)

Image

Il-wiċċ nazzjonali tal-munita kommemorattiva l-ġdida ta’ EUR 2 maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni u maħruġa minn Franza

Il-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni għandhom status ta’ valuta legali fiż-żona tal-euro. Sabiex tinforma lill-pubbliku u lill-partijiet kollha li jużaw il-muniti, il-Kummissjoni tippubblika deskrizzjoni tad-disinji tal-muniti l-ġodda kollha (1). F’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2009 (2), l-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-pajjiżi li kkonkludew ftehim monetarju mal-Unjoni Ewropea li jipprevedi l-ħruġ ta’ muniti tal-euro huma awtorizzati li joħorġu muniti kommemorattivi tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni kemm-il darba jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet, b’mod partikolari li jintużaw muniti ta’ EUR 2 biss. Dawn il-muniti għandhom l-istess karatteristiċi tekniċi bħall-muniti l-oħra ta’ EUR 2, iżda l-wiċċ nazzjonali tagħhom ikun fih disinn kommemorattiv li jkun tassew simboliku f’termini nazzjonali jew Ewropej.

Pajjiż li qiegħed joħroġ il-munita : Franza

Suġġett tal-kommemorazzjoni : 30 sena mill-waqgħa tal-Ħajt ta’ Berlin

Deskrizzjoni tad-disinn : Tletin sena ilu, waqa’ l-Ħajt ta’ Berlin. Lil hinn mill-impatt fuq is-soċjetà Ġermaniża, dan kien avveniment b’konsegwenzi globali. Fid-9 ta’ Novembru 1989, din l-okkażjoni timmarka t-tmiem tal-gwerra bierda u tħabbar paċifikazzjoni wara diversi deċennji ta’ tensjonijiet internazzjonali. Fil-livell Ewropew, dan huwa l-ewwel pass lejn ir-riunifikazzjoni ta’ wieħed mill-pajjiżi ewlenin tal-Unjoni Ewropea. Aktar tard, din il-bidla kbira immaterjalizzat permezz tat-Trattat ta’ Moska li Franza kienet firmatarja tiegħu. L-Unjoni Ewropea laqgħet 16-il miljun ċittadin ġdid f’sena waħda biss; kważi l-effett strutturali u ekonomiku li tilqa’ pajjiż ġdid!

Id-disinn jirrappreżenta l-Ħajt ta’ Berlin, miftuħ fiċ-ċentru tiegħu biex jgħaddu l-ħamiem (allegoriji tal-ipplakar internazzjonali) u folla li qed tiċċelebra. Fl-isfond hemm rappreżentat il-Bieb ta’ Brandenburg, is-simbolu ta’ Berlin per eċċellenza. Il-kliem “30 Ans de la Chute du Mur de Berlin/30 Jahre Mauerfall” (30 sena mill-waqa’ tal-Ħajt ta’ Berlin) huwa miktub fuq naħa waħda tal-ħajt. Fil-qiegħ tad-disinn hemm is-sena tal-ħruġ “2019” u fuq il-lemin tagħha l-indikazzjoni tal-pajjiż tal-ħruġ “RF” (li tirrappreżentalir-République Française).

Iċ-ċirku ta’ barra tal-munita juri t-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.

L-għadd ta’ muniti li għandhom jinħarġu : 10 miljun munita

Data tal-ħruġ : il-31 ta’ Jannar 2019


(1)  Ara ĠU C 373, 28.12.2001, p. 1 għall-uċuħ nazzjonali tal-muniti kollha li nħarġu fl-2002.

(2)  Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-10 ta’ Frar 2009 u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Diċembru 2008 dwar linji gwida komuni għall-uċuħ nazzjonali u l-ħruġ ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (ĠU L 9, 14.1.2009, p. 52).