28.12.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 466/19


Wiċċ nazzjonali ġdid ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni

(2018/C 466/10)

Image

Wiċċ nazzjonali tal-munita kommemorattiva l-ġdida ta’ EUR 2, maħsuba biex titqiegħed fiċ-ċirkolazzjoni u maħruġa mill-Italja

Il-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni għandhom status ta’ valuta legali fiż-żona tal-euro. Sabiex tinforma lill-pubbliku u lill-partijiet kollha li jużaw il-muniti, il-Kummissjoni tippubblika deskrizzjoni tad-disinji tal-muniti l-ġodda kollha (1). F’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2009 (2), l-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-pajjiżi li kkonkludew ftehim monetarju mal-Unjoni Ewropea li jipprevedi l-ħruġ ta’ muniti tal-euro huma awtorizzati li joħorġu muniti kommemorattivi tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni kemm-il darba jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet, b’mod partikolari li jintużaw muniti taż-EUR 2 biss. Dawn il-muniti għandhom l-istess karatteristiċi tekniċi bħall-muniti l-oħra ta’ EUR 2, iżda l-wiċċ nazzjonali tagħhom ikun fih disinn kommemorattiv li jkun tassew simboliku f’termini nazzjonali jew Ewropej.

Pajjiż li qiegħed joħroġ il-munita : L-Italja

Suġġett tal-kommemorazzjoni : Il-500 anniversarju mill-mewt ta’ Leonardo da Vinci

Deskrizzjoni tad-disinn : Id-disinn juri dettall tal-pittura “Dama con l’ermellino” (Mara b’Ermellin) ta’ Leonardo da Vinci (il-mużew Czartoryski fi Krakovja). Fuq ix-xellug, l-iskrizzjoni “Leonardo”, l-inizjali tal-awtriċi Maria Angela Cassol “MAC” u l-logo “RI” l-akronimu tar-Repubblika Taljana; fuq il-lemin, “R”, u l-marka taz-zekka taz-Zekka ta’ Ruma, u d-dati “1519-2019”, rispettivament, is-sena tal-mewt ta’ Leonardo u s-sena tal-ħruġ tal-muniti.

Iċ-ċirku ta’ barra tal-munita juri t-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.

Għadd ta’ muniti li huwa stmat li se jinħarġu :

3 000 000

Data tal-ħruġ : Jannar 2019


(1)  Ara ĠU C 373, 28.12.2001, p. 1 għall-uċuħ nazzjonali tal-muniti kollha li nħarġu fl-2002.

(2)  Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-10 ta’ Frar 2009 u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Diċembru 2008 dwar linji gwida komuni għall-uċuħ nazzjonali u l-ħruġ ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (ĠU L 9, 14.1.2009, p. 52).