|
16.7.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CA 248/1 |
Avviż ta’ post vakanti
President tal-Bord Superviżorju
(2018/C 248 A/01)
1 Introduzzjoni
Il-BĊE qed ifittex kandidat xieraq ta’ pożizzjoni u esperjenza rikonoxxuta f’oqsma bankarji u finanzjarji għall-pożizzjoni ta’ President tal-Bord Superviżorju mill-1 ta' Jannar 2019.
Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 (ir-“Regolament MSU”) li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u li stabbilixxa l-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU). L-MSU huwa kompost mill-BĊE u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, bil-possibbiltà li tiġi stabbilita kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro. Il-BĊE huwa responsabbli għall-funzjonament ġenerali tal-MSU.
L-ippjanar u l-eżekuzzjoni tal-kompiti superviżorji assenjati lill-BĊE jsiru kollha mill-Bord Superviżorju bħala korp intern tal-BĊE. Il-Bord Superviżorju huwa kompost mill-President, il-Viċi-President, erba’ rappreżentanti tal-BĊE u rappreżentant wieħed tal-awtorità nazzjonali kompetenti f’kull Stat Membru li qed jipparteċipa fl-MSU (“Stat Membru parteċipant”). Fejn l-awtorità kompetenti mhijiex bank ċentrali, il-membru tal-Bord Superviżorju jista’ jiddeċiedi illi jġib rappreżentant mill-bank ċentrali tal-Istat Membru. Il-Bord Superviżorju stabbilixxa Kumitat ta’ Tmexxija minn fost il-membri tiegħu b’kompożizzjoni iktar limitata sabiex jappoġġja l-attivitajiet tiegħu, inkluż it-tħejjija tal-laqgħat tal-Bord Superviżorju. Il-Kumitat ta’ Tmexxija ser jikkonsisti minn tmien membri inkluż il-President, il-Viċi-President, u wieħed mir-rappreżentanti tal-BĊE. Il-membri kollha tal-Bord Superviżorju jaġixxu fl-interess tal-Unjoni kollha.
Il-proċedura ta’ għażla u ħatra ser tirrispetta l-prinċipji tal-bilanċ bejn is-sessi, l-esperjenza u l-kwalifiki.
Il-BĊE se jżomm lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (Kunsill tal-UE) informati kif jixraq dwar il-proċedura, f'konformità mal-Ftehim Interistituzzjonali mal-Parlament Ewropew tat-30 ta' Novembru 2013 u l-Memorandum ta' Ftehim mal-Kunsill tal-UE tal-11 ta' Diċembru 2013.
2 Kompiti
B’konformità mar-Regolament MSU, u mingħajr ħsara għal kompiti oħrajn illi l-Kunsill Governattiv tal-BĊE jista' jiddeċiedi illi jafda lill-President u lill-Viċi-President tal-Bord Superviżorju, il-President huwa responsabbli għall kompiti speċifiċi li ġejjin:
|
— |
jippresjedi l-Bord Superviżorju; |
|
— |
jippresjedi l-Kumitat ta’ Tmexxija tal-Bord Superviżorju; |
|
— |
jippreżenta r-rapport annwali tal-BĊE dwar it-twettiq tal-kompiti superviżorji tiegħu fil-pubbliku lill-Parlament Ewropew u lill-Grupp tal-Euro fil-preżenza ta’ rappreżentanti minn kwalunkwe Stat Membru parteċipant li l-munita tiegħu mhijiex l-euro; |
|
— |
jipparteċipa, fuq talba tal-Grupp tal-Euro, f’seduti li jinżammu mill-Grupp tal-Euro dwar it-twettiq tal-kompiti superviżorji tal-BĊE fil-preżenza ta’ rappreżentanti minn xi Stati Membri parteċipanti li l-valuta tagħhom mhijiex l-euro; |
|
— |
jipparteċipa, fuq talba tal-Parlament Ewropew, f’seduti dwar it-twettiq tal-kompiti superviżorji tal-BĊE li jinżammu mill-kumitati kompetenti tal-Parlament Ewropew; u, meta jintalab, li jżomm diskussjonijiet verbali kunfidenzjali bil-bibien magħluqin mal-President u l-Viċi-Presidenti tal-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew li jirrigwardaw il-kompiti superviżorji tal-BĊE fejn dawn id-diskussjonijiet huma meħtieġa biex jiġu eżerċitati l-poteri tal-Parlament Ewropew skont it-TFUE; |
|
— |
jipparteċipa, fuq stedina ta’ parlament nazzjonali ta’ Stat Membru parteċipanti, fi skambju ta’ fehmiet fir-rigward ta’ istituzzjonijiet ta' kreditu f'dak l-Istat Membru flimkien ma' rappreżentant tal-awtorità nazzjonali kompetenti. |
Barra minn dan, impjegati involuti fit-twettiq tal-kompiti assenjati lill-BĊE mir-Regolament MSU jirrapportaw lill-President tal-Bord Superviżorju b’konformità mal-kundizzjonijiet iddefiniti mill-Kunsill Governattiv u mill-Bord Eżekuttiv tal-BĊE.
Il-President tal-Bord Superviżorju jwettaq il-kompiti tiegħu jew tagħħa f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Viċi-President.
3 Kwalifiki, esperjenza u ħiliet
Huwa essenzjali li l-kandidati jissodisfaw il-kriterji li ġejjin (li għandhom ikunu ssodisfatti fid-data tal-għeluq tal-applikazzjonijiet):
|
— |
ikunu ta’ nazzjonalità ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, intitolati għad-drittijiet sħaħ tagħhom bħala ċittadini; |
|
— |
ikollhom pożizzjoni u esperjenza rikonoxxuta f'affarijiet bankarji u finanzjarji, inkluża esperjenza professjonali konsiderevoli fis-superviżjoni finanzjarja jew is-sorveljanza makroprudenzjali jew fit-tnejn; |
|
— |
esperjenza estensiva fit-tmexxija u l-iżvilupp ta' tim ta' ġestjoni, flimkien ma' rekord ċar ta' kisbiet, kemm fil-livell strateġiku kif ukoll f'dak operattiv; |
|
— |
esperjenza konsiderevoli fi rwol maniġerjali, fit-tmexxija u l-ġestjoni b’suċċess ta’ timijiet ta’ impjegati bi kwalifiki għoljin, preferibbilment multilingwi u multikulturali; |
|
— |
ikollhom ħila avvanzata fl-Ingliż u ħila intermedja ta' mill-inqas lingwa uffiċjali oħra tal-UE; |
|
— |
ma jkunux membru tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE. |
Barra minn hekk, l-applikanti idealment għandu jkollhom dan li ġej:
|
— |
konoxxenza profonda tal-istituzzjonijiet tal-UE u tal-proċessi għat-teħid tad-deċiżjonijiet fl-UE, kif ukoll proċessi oħra Ewropej u internazzjonali ta’ relevanza għall-attivitajiet tal-BĊE; |
|
— |
konoxxenza profonda tal-kompiti u l-funzjonament tal-BĊE; |
|
— |
esperjenza fit-tmexxija ta’ kumitati/gruppi ta’ livell għoli, preferibbilment f’ambjent internazzjonali; |
|
— |
ħiliet eċċellenti ta’ komunikazzjoni, interpersonali, ta’ influwenzar u ta’ negozjar bl-abbiltà li j/tibni rapporti ta' ħidma bbażati fuq il-fiduċja ma' partijiet interessati relevanti fi ħdan u barra mill-UE. |
|
— |
ħila intermedja ta' lingwi oħra tal-UE. |
4 Kundizzjonijiet tal-impjieg
Il-patti u l-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-President tal-Bord Superviżorju, b’mod partikolari s-salarju, il-pensjonijiet u benefiċċji ta’ sigurtà soċjali oħrajn tiegħu jew tagħha huma s-suġġett ta’ kuntratt mal-BĊE u jkunu ddeterminati mill-Kunsill Governattiv tal-BĊE.
Il-mandat ser ikun ta’ ħames snin u ma jiġġeddidx.
Il-post tal-impjieg ser ikun Frankfurt am Main (il-Ġermanja) fejn il-BĊE għandu s-sede tiegħu.
5 Indipendenza u standards ta’ etika
Il-President għandu jaġixxi indipendentement u b’mod oġġettiv fl-interess tal-UE kollha u la jista’ jitlob u lanqas jieħu struzzjonijiet mingħand l-istituzzjonijiet jew il-korpi tal-UE, minn xi gvern ta’ Stat Membru jew mingħand xi korp pubbliku jew privat ieħor.
Ladarba jinħatar, il-President ser ikun professjonista full-time u m'għandu jkollu l-ebda kariga ma' awtoritajiet nazzjonali kompetenti.
Il-President ser ikun mistenni jikkonforma mal-ogħla standards ta’ etika b’riflessjoni tar-responsabbiltà tiegħu jew tagħha għall-ħarsien tal-integrità u r-reputazzjoni tal-BĊE u tal-MSU. B’mod partikolari, huwa jew hija ser ikunu suġġetti għal rekwiżiti ta' segretezza professjonali u restrizzjonijet ta’ wara l-impjieg (“perijodi ta’ cooling off”) sabiex jiġu evalwati bil-quddiem u pprevenuti kunflitti ta’ interess possibbli li jirriżultaw minn xi impjieg sussegwenti fi żmien sentejn minn meta jiskadi l-mandat.
6 Għażla u ħatra
Il-proċedura għall-għażla u l-ħatra tal-President ser titmexxa b’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament MSU u l-arranġamenti dwar ir-responsabbiltà mal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-UE. Il-proċedura ser tinkludi l-passi li ġejjin:
1) Preselezzjoni
Il-Kunsill Governattiv tal-BĊE ser iwaqqaf Kumitat għall-preselezzjoni biex jevalwa l-applikazzjonijiet skont il-kriterji li jinsabu f’dan l-avviż ta’ post vakanti. Fuq il-bażi tal-valutazzjoni tiegħu tal-applikazzjonijiet, il-kandidati l-aktar adattati jiġu intervistati mill-kumitat ta' preselezzjoni u jipparteċipaw f'valutazzjoni ta' tmexxija minn fornitur estern. Il-kumitat ta' preselezzjoni se jippreżenta lista qasira ta' kandidati xierqa u rapport ta' valutazzjoni lill-Kunsill Governattiv tal-BĊE għall-konsiderazzjoni.
2) Informazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-UE
Il-BĊE għandu jinforma lill-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-UE dwar il-kompożizzjoni tal-grupp ta' applikanti għall-pożizzjoni ta' President (numru ta’ applikazzjonijiet, taħlita ta' ħiliet professjonali, bilanċ bejn is-sessi u n-nazzjonalità, eċċ.) u jipprovdilhom il-lista mqassra tal-kandidati kif approvata mill-Kunsill Governattiv tal-BĊE. Il-Bord ta' Sorveljanza se jingħata wkoll il-lista mqassra.
3) Proposta tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE u l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew
Wara li jisma' lill-Bord ta' Sorveljanza, il-Kunsill Governattiv tal-BĊE għandu jissottometti, għall-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew, proposta għall-ħatra tal-President magħżul minn lista mqassra mħejjija mill-kumitat ta' preselezzjoni, flimkien ma' spjegazzjonijiet bil-miktub dwar il-kunsiderazzjonijiet sottostanti.
4) Ħatra mill-Kunsill tal-UE
Wara l-approvazzjoni mill-Parlament Ewropew tal-proposta tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jadotta deċiżjoni ta' implimentazzjoni biex jaħtar lill-President. Il-Kunsill tal-UE se jieħu din id-deċiżjoni b'maġġoranza kwalifikata mingħajr ma jqis il-voti tal-membri tiegħu li mhumiex mill-Istati Membri parteċipanti.
7 Proċedura tal-applikazzjoni
L-applikanti għandhom jibagħtu l-applikazzjonijiet tagħhom bil-posta rreġistrata jew bis-servizz ta' courier privat mhux iktar tard mill- 24 ta' Awwissu 2018 (data skont it-timbru postali għall-posta rreġistrata jew tas-servizz ta' courier privat) fl-indirizz li ġej:
|
|
|
Il-BĊE jirriżerva d-dritt li jestendi d-data tal-għeluq għal dan il-post vakanti billi jippubblika data ġdida tal-għeluq.
8 Dikjarazzjoni ta’ privatezza
Il-BĊE ser jipproċessa l-informazzjoni personali kollha dwar l-applikanti skont il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-Protezzjoni tad-Dejta (1).
Il-BĊE huwa l-kontrollur għall-ipproċessar tad-dejta personali relatata mal-proċedura tal-għażla għal dan l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti. Id-Direttur Ġenerali tar-Riżorsi Umani tal-BĊE huwa fdat bl-ipproċessar.
L-iskop tal-ipproċessar tad-dejta huwa li tiġi organizzata l-għażla u l-ħatra tal-membri tal-Bord Amministrattiv. Id-dejta personali kollha ser tiġi pproċessata esklussivament għal dan l-iskop.
Id-dejta personali tinġabar u tiġi pproċessata mill-BĊE skont l-Artikolu 5(a) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001, u l-Artikolu 26(3) tar-Regolament MSU.
Dawk li jirċievu d-dejta personali tal-applikanti ser ikunu l-membri tal-kumitat ta' preselezzjoni u l-membri tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE. Id-dejta personali tal-kandidati magħżula fil-lista mqassra ser tintbagħat lill-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-UE, li huma wkoll suġġett għar-Regolament (KE) Nru 45/2001. Barra minn hekk, il-BĊE ser jittrasferixxi dejta personali rilevanti lill-kumpanija esterna PwC EU Services EESV, Brussell, il-Belġju li twettaq valutazzjoni separata tal-kompetenzi ta' tmexxija rilevanti, li hija suġġetta għal standards stretti ta' kunfidenzjalità u protezzjoni tad-dejta.
Il-BĊE jista' jżomm id-dejta tal-kandidat li jintgħażel għal perjodu ta' ħames snin minn (a) it-tmiem tal-mandat, jew (b) id-data li fiha jsir l-aħħar ħlas tal-pensjoni lill-kandidat. Wara d-dejta titħassar b'mod xieraq. Fil-każ ta’ kandidati li ma jintgħażlux, id-dejta tinżamm għal sentejn wara t-tlestija tal-proċedura tal-għażla u wara titħassar. Fil-każ ta’ tilwim legali, il-perjodi ta’ żamma msemmija hawn fuq jiġu estiżi għal sentejn wara li jitlestew il-proċeduri relevanti kollha.
L-applikanti għandhom id-dritt li jkollhom aċċess għad-dejta tagħhom, jirrestrinġu l-ipproċessar, joġġezzjonaw għall-ipproċessar, jirranġaw id-dejta ta' identifikazzjoni tagħhom u taħt ċerti kundizzjonijiet li jħassru dejta maħżuna relatata magħhom. Dejta li turi konformità mal-kriterji tal-għażla tista’, madankollu, ma tiġix aġġornata jew ikkoreġuta wara d-data tal-għeluq ta’ din il-pożizzjoni vakanti sabiex tiġi żgurata konformità mal-prinċipji ta’ aċċess ugwali u nondiskriminazzjoni u sabiex jiġi żgurat li l-proċedura tal-għażla tkun robusta, trasparenti u ġusta għall-kandidati kollha.
L-applikanti għandhom id-dritt li jkollhom aċċess għad-dejta ta’ evalwazzjoni tagħhom matul il-proċedura. Sabiex tiġi mħarsa l-kunfidenzjalità tad-deliberazzjonijiet u t-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-kumitat tal-preselezzjoni u tal-Kunsill Governattiv u sabiex jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet tal-applikanti l-oħrajn, l-aċċess tal-applikanti għandu jkun ristrett għas-sottomissjonijiet tagħhom stess u għall-partijiet tal-evalwazzjoni li jkunu relatati magħhom.
L-applikanti jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom billi jikkuntattjaw lid-Direttur Ġenerali tar-Riżorsi Umani tal-BĊE (OfficeDGHSeniorMgt@ecb.europa.eu). L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Dejta tal-BĊE (dpo@ecb.europa.eu) jista' jiġi kkuntattjat dwar kwistjonijiet relatati mal-protezzjoni tad-dejta.
L-applikanti huma intitolati li jirrikorru għand il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) (www.edps.europa.eu) fi kwalunkwe żmien dwar l-ipproċessar tad-dejta personali tagħhom.
(1) Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dak id-dejta u d-Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-17 ta’ April 2007 ta' implimentazzjoni li tadotta regoli implimentattivi dwar il-protezzjoni tad-data fil-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2007/1).