1.6.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 187/1


Pubblikazzjoni ta’ post vakanti għall-kariga ta’ Direttur tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE), Vilnius

(Aġent Temporanju — Grad AD 14)

COM/2018/20027

(2018/C 187 A/01)

 

Min aħna

L-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) hija aġenzija regolatorja awtonoma tal-Unjoni Ewropea, li ġie stabbilit biex jikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u biex isaħħaha, inkluż bl-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-politiki kollha tal-UE u fil-politiki nazzjonali li jirriżultaw minnhom, il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni abbażi tas-sess, kif ukoll it-tqajjim ta’ kuxjenza fost iċ-ċittadini tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi. L-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hija valur fundamentali tal-UE.

L-EIGE jopera fil-qafas ta’ politiki u inizjattivi tal-UE. L-objettivi u l-kompiti tiegħu ġew definiti mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fir-Regolament (KE) Nru 1922/2006, li stabbilih, li jagħti lill-Istitut ir-rwol ċentrali li jindirizza l-isfidi tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel madwar l-UE, u l-promozzjoni tagħha, madwar l-UE.

L-EIGE jikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Ewropa billi jipprovdi għarfien espert ta’ livell għoli lill-istituzzjonijiet tal-UE, b’mod partikolari lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri u lill-pajjiżi involuti fit-tkabbir, permezz tal-iżgurar ta’ tfassil ta’ politika abbażi ta’ informazzjoni preċiża. Sabiex jikseb l-iskopijiet tiegħu, l-Istitut jiġbor u janalizza informazzjoni kumparabbli u attendibbli fil-livell tal-UE u jiżviluppa għodod ta’ metodoloġija xierqa għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-politiki kollha tal-UE.

Il-korpi ċentrali tal-EIGE jikkonsistu minn Bord ta’ Tmexxija (entità li tieħu d-deċiżjonijiet), Forum ta’ Esperti (korp konsultattiv) u d-Direttur tiegħu (korp eżekuttiv), inkluż il-persunal tiegħu.

L-Aġenzija tinsab f’Vilnius, il-Litwanja u bħalissa timpjega 50 membru tal-persunal minn aktar minn 18-il Stat Membru tal-UE.

X’qed nipproponu

Id-Direttur huwa r-rappreżentant legali u l-wiċċ pubbliku tal-EIGE u huwa responsabbli lejn il-Bord tat-Tmexxija tal-EIGE, kif stabbilit bl-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) 1922/2006 li jistabbilixxi l-Aġenzija. Huwa jmexxi u jimmaniġġja l-EIGE u jassumi r-responsabbiltà globali għall-operazzjonijiet tagħha filwaqt li jiżgura li jintlaħqu l-objettivi tal-EIGE.

Id-Direttur għandu jkun responsabbli:

għall-amministrazzjoni ta’ kuljum tal-Aġenzija b’baġit fl-2018 ta’ madwar EUR 7,8 miljun u persunal ta’ 50;

għall-immaniġġar tal-EIGE f’konformità mar-Regolament tat-Twaqqif u r-regoli ta’ implimentazzjoni tiegħu, mal-leġiżlazzjoni applikabbli fis-seħħ u mad-deċiżjonijiet tal-Bord Maniġerjali tiegħu;

għar-responsabbiltà ġenerali għall-immaniġġjar effettiv u effiċjenti tal-persunal tal-EIGE, u t-trawwim ta’ spirtu ta’ tim u ambjent tax-xogħol tajbin;

l-immaniġġjar tar-riżorsi kollha tal-Istitut li jkunu neċessarji għat-twettiq tal-attivitajiet tal-korpi tiegħu, inkluża d-disponibbiltà ta’ sostenn xjentifiku u tekniku xieraq;

it-tfassil tal-Istrateġija u l-abbozzi tal-Programmi ta’ Ħidma tal-EIGE, u r-rappurtar dwar id-direzzjoni u l-proċeduri għat-tfassil ta’ politika lill-Bord tat-Tmexxija;

ir-rappurtar dwar l-implimentazzjoni tal-Programmi ta’ Ħidma u d-deċiżjonijiet adottati mill-Bord tat-Tmexxija;

it-tħejjija tal-laqgħat tal-Bord ta’ Tmexxija u tal-Forum ta’ Esperti;

għar-responsabbiltà ġenerali għall-prestazzjoni ġenerali tal-kompiti assenjati lill-EIGE li jinkludu s-superviżjoni tal-kwalità tal-kontroll intern tagħha u tas-sistemi ta’ mmaniġġjar;

it-tħejjija u l-eżekuzzjoni tal-baġit tal-EIGE f’konformità mar-Regolament Finanzjarju Qafas għall-aġenziji u l-iżgurar li jkun immaniġġjat b’mod effiċjenti u f’konformità mal-prinċipju tal-amministrazzjoni finanzjarja tajba;

għar-responsabbiltà ġenerali għall-kwistjonijiet finanzjarji tal-EIGE inkluż, fost l-oħrajn, il-kontijiet finali u d-deċiżjonijiet ta’ finanzjament;

ir-rappreżentazzjoni tal-EIGE u l-komunikazzjoni mal-partijiet interessati u mal-pubbliku fuq il-kwistjonijiet kollha fi ħdan il-mandat tal-Aġenzija;

l-iżgurar tal-kooperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-Istati Membri kif ukoll mal-korpi kompetenti fl-Istati Membri li jwettqu kompiti simili għal dawk tal-ECHA.

Id-Direttur għandu jara li l-Aġenzija twettaq l-attivitajiet tagħha b’mod indipendenti fl-interess pubbliku.

Kundizzjonijiet essenzjali (il-kriterji ta’ eliġibbiltà)

Il-kandidati jiġu kkunsidrati għall-fażi tal-għażla abbażi tar-rekwiżiti formali li ġejjin, li jridu jiġu ssodisfati sad-data tal-għeluq tal-applikazzjonijiet:

Ċittadinanza: il-kandidati jridu jkunu ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

Lawrja jew diploma universitarji: jeħtieġ li l-kandidati jkollhom:

jew livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji mitmuma ċċertifikati b’diploma, meta l-perjodu normali tal-edukazzjoni universitarja jkun ta’ erba’ (4) snin jew aktar;

inkella livell ta’ edukazzjoni, li jikkorrispondi għal studji universitarji kompluti ċċertifikati b’diploma u esperjenza professjonali xierqa ta’ mill-inqas sena (1) meta l-perjodu normali ta’ edukazzjoni universitarja jkun tal-inqas tliet (3) snin (din is-sena ta’ esperjenza professjonali ma tistax tkun inkluża fl-esperjenza professjonali postgradwatorja meħtieġa hawn taħt).

Esperjenza professjonali: il-kandidati jrid ikollhom minn tal-inqas 15-il sena ta’ esperjenza professjonali wara l-lawrija f’livell li jagħtu aċċess għalih il-kwalifiki msemmija hawn fuq; Mill-inqas ħames (5) snin minn din l-esperjenza professjonali għandhom ikunu f’wieħed jew aktar mill-oqsma ta’ politika tal-UE, preferibbilment fl-ugwaljanza bejn is-sessi, l-antidiskriminazzjoni, ix-xjenza soċjali, ix-xjenza politika, l-ekonomija, l-istatistika, il-liġi.

Esperjenza ta’ mmaniġġjar: mill-anqas ħames (5) snin mill-esperjenza professjonali post-universitarja jridu jkunu nkisbu f’funzjoni ta’ ġestjoni ta’ livell għoli (1). Esperjenza ta’ ġestjoni fl-oqsma relevanti tkun ta’ vantaġġ.

Lingwi: għarfien tajjeb ħafna ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2) u għarfien adegwat ta’ lingwa uffiċjali oħra minn dawn il-lingwi. Matul l-intervista/intervisti, il-bordijiet tal-għażla jivverifikaw jekk il-kandidati jikkonformawx mar-rekwiżit ta’ għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa uffiċjali oħra tal-UE. Dan jista’ jinkludi li (parti minn) l-intervista ssir f’din il-lingwa l-oħra.

Limitu tal-età: Il-kandidati jridu jkunu jistgħu jlestu, sal-iskadenza tal-applikazzjoni, il-mandat sħiħ ta’ ħames (5) snin, qabel ma jilħqu l-età tal-irtirar. Għal persunal temporanju tal-Unjoni Ewropea, l-età tal-irtirar hija definita bħala l-aħħar tax-xahar li fih il-persuna tagħlaq l-età ta’ 66 sena (ara l-Artikolu 47 tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea (3)).

Barra minn hekk, il-kandidati jridu jkunu wettqu kull obbligu impost mil-liġijiet dwar is-servizz militari; jipproduċu r-referenzi tal-karattru adatti rigward l-idoneità tagħhom għat-twettiq tad-dmirijiet tagħhom u għandhom ikunu fiżikament f’saħħithom biex iwettqu d-dmirijiet tagħhom.

Kriterji tal-għażla

Il-kandidati għandu jkollhom:

a)

Esperjenza maniġerjali, u b’mod partikolari:

il-ħila li jmexxu aġenzija tal-UE, kemm fil-livell strateġiku kif ukoll fil-livell ta’ mmaniġġjar operattiv;

ħila eċċellenti li jiżviluppaw u jimplimentaw viżjoni strateġika; li jistipulaw objettivi u jimmotivaw u jmexxu lin-nies f’ambjent multikulturali u multilingwi; ħila eċċelletti ta’ tmexxija ta’ tim;

ħiliet ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tajbin ħafna, inkluża l-kapaċità li jieħdu deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet kumplessi;

esperjenza ppruvata fl-immaniġġjar baġitarju, finanzjarju u tar-riżorsi umani f’kuntest nazzjonali, Ewropew u/jew internazzjonali; kif ukoll

viżjoni ċara għall-promozzjoni tal-missjoni tal-EIGE sabiex tinġabar evidenza eċċellenti dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi, b’mod li l-istandards xjentifiċi f’dan il-qasam jingħataw livell ta’ referenza; jippromwovu l-viżjoni tal-Unjoni Ewropea f’dan il-qasam, u japplikaw il-prinċipji ta’ gwida tagħha ta’ ftuħ, trasparenza, indipendenza u eċċellenza xjentifika.

b)

Għarfien tekniku, u b’mod partikolari:

għarfien robust dwar l-isfidi tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-UE u dwar l-inizjattivi tal-UE f’dan il-qasam. Esperjenza professjonali fil-qasam ta’ l-ugwaljanza bejn is-sessi jkun ta’ vantaġġ. Idealment din l-esperjenza tkun inkisbet f’organizzazzjonijiet nazzjonali, Ewropej jew internazzjonali, amministrazzjoni jew fl-isfera akkademika; kif ukoll

għarfien tajjeb ħafna tal-istituzzjonijiet Ewropej u kif joperaw u jinteraġixxu.

c)

Komunikazzjoni/sensibilizzazzjoni negozjati tal-ħiliet, u b’mod partikolari:

il-ħila li jikkomunikaw b’mod effiċjenti u profiċjenti b’mod trasparenti u miftuħ mal-partijiet ikkonċernati; iċ-ċittadini: dawk Ewropej; L-awtoritajiet internazzjoanli, nazzjonali u lokali pubbliċi; organizzazzjonijiet internazzjonali; akkademiċi/riċerkaturi; l-istampa, u atturi rilevanti oħra.

ħiliet interpersonali eċċellenti u l-kapaċità li jżommu relazzjonijiet xierqa mal-istituzzjonijiet tal-UE u mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri; kif ukoll

għarfien tajjeb ħafna tal-lingwa Ingliża jkun ta’ vantaġġ peress li hija l-lingwa ta’ ħidma tal-Aġenzija.

Indipendenza u dikjarazzjoni tal-interessi

Qabel jibda jaqdi dmirijietu, id-Direttur jintalab jagħmel dikjarazzjoni ta’ impenn li jaġixxi b’mod indipendenti fl-interess pubbliku u li jagħmel dikjarazzjoni rigward kull interess li jista’ jiġi kkunsidrat li jippreġudika l-indipendenza tiegħu.

Għażla u ħatra

Id-Direttur jinħatar mill-Bord tat-Tmexxija tal-EIGE abbażi ta’ lista ta’ kandidati magħżula mħejjija mill-Kummissjoni Ewropea.

Il-Kummissjoni Ewropea torganizza l-għażla skont il-proċeduri ta’ għażla u reklutaġġ tagħha (ara wkoll id-Document on Senior Officials Policy (4)). Għal dan l-għan, hija se tistabbilixi bord ta’ preselezzjoni. Dan il-bord janalizza l-applikazzjonijiet kollha u jidentifika numru ta’ kandidati li għandhom l-aħjar profil fid-dawl tal-kriterji għall-għażla msemmija hawn fuq. Dawn il-kandidati jistgħu jiġu mistiedna għal intervista mal-bord ta’ preselezzjoni.

Wara dawn l-intervisti, il-bord ta’ preselezzjoni jfassal il-konklużjonijiet tiegħu u jipproponi lista ta’ kandidati għal aktar intervisti mal-Kumitat Konsultattiv għall-Ħatriet tal-Kummissjoni Ewropea (KKĦ). Il-KKĦ, filwaqt li jqis il-konklużjonijiet tal-bord ta’ preselezzjoni, se jiddeċiedi dwar il-kandidati li għandhom jiġu mistiedna għal intervista.

Il-kandidati msejħa għal intervista mal-KKĦ jipparteċipaw għal ġurnata sħiħa f’ċentru ta’ evalwazzjoni tal-kompetenzi ta’ ġestjoni, mmexxi minn konsultenti esterni tar-reklutaġġ. Fuq il-bażi tar-riżultati tal-intervista u r-rapport taċ-ċentru ta’ evalwazzjoni, il-KKĦ jistabbilixxi lista preliminari tal-kandidati li jikkunsidra xierqa biex jaqdu l-funzjonijiet ta’ Direttur.

Il-kandidati li jitpoġġew fuq il-lista preliminari mis-CCA mbagħad jiġu intervistati mill-Kummissarju/i rilevanti.

Wara dawn l-intervisti, il-Kummissjoni Ewropea tadotta lista qasira tal-kandidati l-aktar xierqa, li tiġi kkomunikata lill-Bord Amministrattiv tal-EIGE. Dan tal-aħħar jintervista l-kandidati qabel jaħtar lid-Direttur minn fost il-kandidati magħżula b’mod preliminari mill-Kummissjoni. L-inklużjoni fil-lista mhix garanzija tal-ħatra.

Il-kandidati jistgħu jkunu meħtieġa jagħmlu iktar intervisti u/jew testijiet minbarra dawk indikati hawn fuq. Ikunu obbligati jippreżentaw dikjarazzjoni quddiem il-kumitat(i) relevanti tal-Parlament Ewropew.

Għal raġunijiet funzjonali u sabiex il-proċedura tal-għażla titlesta malajr kemm jista’ jkun fl-interess tal-kandidati kif ukoll tal-istituzzjoni, il-proċedura tal-għażla se ssir biss bl-Ingliż u / jew bil-Franċiż (5).

Opportunitajiet indaqs

Il-Kummissjoni Ewropea u l-EIGE japplikaw politika ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ nondiskriminazzjoni f’konformità mal-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal (6).

Kundizzjonijiet tal-impjieg

Il-paga u l-kundizzjonijiet tal-impjieg huma elenkati fil-Kundizzjonijiet tal-Impjieg għal Uffiċjali Oħra għal aġenti temporanji li jokkupaw funzjoni li tikkorrispondi mal-post bażiku ta’ Direttur fil-grad AD14 tal-Unjoni Ewropea (7). Il-kandidat li jintgħażel jiġi klassifikat skont it-tul ta’ żmien tal-esperjenza tiegħu/tagħha fl-istadju 1 jew 2 fil-grad (8). Huwa jinħatar għal mandat inizjali ta’ ħames (5) snin b’possibbiltà ta’ estensjoni għal massimu ta’ ħames (5) snin skont ir-regoli li kienu japplikaw fiż-żmien ta’ din il-pubblikazzjoni.

L-applikanti għandhom jinnotaw ir-rekwiżit, skont il-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra għall-persunal ġdid kollu, li jitwettaq b’suċċess perjodu ta’ prova ta’ disa’ (9) xhur.

Il-post tal-impjieg huwa Vilnius, il-Litwanja, fejn huwa bbażat l-EIGE.

Dan il-post battal se jkun disponibbli mis-16 ta’ April 2019.

Proċedura ta’ applikazzjoni

Qabel ma tissottometti l-applikazzjoni tiegħek, għandek tiċċekkja b’attenzjoni jekk tissodisfax ir-rekwiżiti kollha tal-eliġibbiltà (“Kundizzjonijiet essenzjali”), b’mod partikolari dawk rigward it-tip ta’ diplomi, u l-esperjenza professjonali ta’ livell għoli kif ukoll il-ħiliet lingwistiċi meħtieġa. Min ma jissodisfax xi waħda minn dawn ir-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà jiġi eskluż awtomatikament mill-proċedura tal-għażla.

Jekk tixtieq tapplika, trid tirreġistra permezz tal-Internet fis-sit web li ġej u ssegwi l-istruzzjonijiet li jikkonċernaw l-istadji diversi tal-proċedura:

https://ec.europa.eu/dgs/human-riżorsi/seniormanagementvacancies/

Irid ikollok indirizz tal-posta elettronika validu. Dan jintuża biex tkun ikkonfermata r-reġistrazzjoni tiegħek kif ukoll biex jinżamm kuntatt miegħek matul l-istadji differenti tal-proċedura. Għaldaqstant, informa lill-Kummissjoni Ewropea b’kull bidla fl-indirizz tal-posta elettronika tiegħek.

Biex l-applikazzjoni tiegħek tkun kompluta, jeħtieġ li ttella’ CV fil-format PDF u li timla online ittra ta’ motivazzjoni (massimu ta’ 8 000 karattru).

Meta tlesti r-reġistrazzjoni onlajn tiegħek, tirċievi ittra elettronika li tikkonferma li l-applikazzjoni tiegħek ġiet irreġistrata. L-ittra jkun fiha wkoll numru ta’ reġistrazzjoni li jkun in-numru ta’ referenza tiegħek f’kull kwistjoni li tirrigwarda l-applikazzjoni tiegħek. Jekk ma tirċievi l-ebda konferma bil-posta elettronika, l-applikazzjoni tiegħek ma tkunx ġiet irreġistrata!

Innota li mhuwiex possibbli li ssegwi l-progress tal-applikazzjoni tiegħek online. Inti tiġi kkuntattjat dwar l-istatus tal-applikazzjoni tiegħek direttament mill-Kummissjoni Ewropea.

Għal aktar informazzjoni u/jew fil-każ ta’ problemi tekniċi, ibgħat ittra permezz tal-posta elettronika lil: HR-MANAGEMENT-ONLINE@ec.europa.eu

Data tal-Għeluq

Id-data tal-għeluq għar-reġistrazzjoni hija d-29 ta’ Ġunju 2018, f’nofsinhar (12.00) ħin ta’ Brussell, u wara dan ir-reġistrazzjoni online ma tkunx tista’ ssir aktar.

Hija r-responsabbiltà tiegħek li tlesti r-reġistrazzjoni onlajn tiegħek fil-ħin. Nirrakkomandaw bil-qawwa li ma tistenniex sal-aħħar ftit jiem biex tapplika, peress li konġestjoni kbira jew xi difett fil-konnessjoni tal-Internet tiegħek jistgħu jwasslu biex ir-reġistrazzjoni onlajn tieqaf qabel ma tkun lestejtha, u b’hekk ikollok tirrepeti l-proċess kollu. Ladarba jiskadi ż-żmien għas-sottomissjoni tar-reġistrazzjonijiet, ma tkunx tista’ tibdel jew iżżid xi informazzjoni. Reġistrazzjonijiet tard mhumiex se jiġu aċċettati, irrispettivament minn xi tkun ir-raġuni.

Informazzjoni importanti għall-kandidati

Il-kandidati huma mfakkra li x-xogħol tad-diversi kumitati tal-għażla huwa kunfidenzjali. Il-kandidati huma pprojbiti milli jagħmlu kuntatt dirett jew indirett mal-membri tagħhom jew li ħaddieħor jagħmel dan f’isimhom.

Protezzjoni tad-dejta personali

Il-Kummissjoni tiżgura li d-dejta personali tal-kandidati tiġi proċessata f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta. Dan japplika b’mod partikolari għall-kunfidenzjalità u s-sigurtà ta’ tali dejta (9).


(1)  Fil-curriculum vitae (CV) tagħhom il-kandidati għandhom jindikaw, tal-inqas għal dawn il-ħames (5) snin, x’tip ta’ esperjenza ta’ ġestjoni tkun inkisbet: (1) it-titlu u r-rwol tal-pożizzjonijiet maniġerjali li jkunu okkupaw; (2) l-għadd ta’ persunal li jkunu mexxew f’dawn il-pożizzjonijiet; (3) id-daqs tal-baġits immaniġjati; (4) l-għadd ta’ livelli ġerarkiċi ‘l fuq u ‘l isfel; u (5) l-għadd ta’ persunal fl-istess livell.

(2)  http://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/PDF/?uri=CELEX:01958R0001-20130701&qid=1408533709461&from=EN

(3)  http://eurlex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CONSLEG:1962R0031:20140101:MT:PDF

(4)  https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/compilation-of-the-senior-official-policy-at-the-european-commission_en.pdf

(5)  Il-bord tal-għażla jiżgura li ma jingħata l-ebda vantaġġ inġust lill-kelliema nattivi ta’ dawn il-lingwi.

(6)  http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:01962R0031-20140701&from=MT

(7)  http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:01962R0031-20140701&from=MT

(8)  Il-koeffiċjent ta’ korrezzjoni applikabbli għar-remunerazzjoni u l-pensjonijiet tal-uffiċjali u aġenti oħra tal-Unjoni Ewropea għal-Litwanja hija ta’ 74,3 % fl-2018.

(9)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.