13.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 132/12


AVVIŻ TA’ REKLUTAĠĠ PE/218/S

DIRETTUR (Grupp ta’ funzjonijiet AD, grad 14)

DIRETTORAT ĠENERALI GĦAT-TRADUZZJONI — DIRETTORAT GĦAT-TRADUZZJONI

(2018/C 132 A/03)

 

1.   Pożizzjoni battala

Il-President tal-Parlament Ewropew iddeċieda li jniedi l-proċedura biex timtela din il-pożizzjoni battala ta’ direttur  (1) (AD, grad 14) fid-Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni — id-Direttorat għat-Traduzzjoni, skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2) (minn hawn ’il quddiem imsejħa r-“Regolamenti tal-Persunal”).

Din il-proċedura ta’ selezzjoni, li għandha l-iskop li tagħti lill-Awtorità tal-Ħatra għażla akbar ta’ kandidati, se tiżvolġi b’mod parallel mal-proċedura interna u interistituzzjonali ta’ reklutaġġ.

Ir-reklutaġġ qed isir għall-grad AD14 (3). Is-salarju bażiku huwa ta’ EUR 14 303,51 fix-xahar. Ma’ dan is-salarju bażiku, li huwa soġġett għat-taxxa Komunitarja u eżenti mit-taxxa nazzjonali, jistgħu jiżdiedu ċerti allowances skont il-kundizzjonijiet previsti mir-Regolamenti tal-Persunal.

Il-kandidati għandhom jieħdu nota li dan l-impjieg huwa soġġett għar-regolamenti dwar il-politika tal-mobilità, li ġie adottat mill-Bureau tal-Parlament Ewropew fil-15 ta’ Jannar 2018.

Dan l-impjieg jitlob disponibilità kif ukoll kuntatt frekwenti ma’ nies fil-Parlament u barra minnu, b’mod partikolari mal-Membri tal-Parlament Ewropew. Id-direttur se jkun mitlub iwettaq missjonijiet frekwenti fil-postijiet tax-xogħol differenti tal-Parlament Ewropew u barra minnhom.

2.   Post tax-xogħol

Il-Lussemburgu. Dan l-impjieg huwa soġġett għal trasferiment f’xi wieħed mill-postijiet tax-xogħol l-oħra tal-Parlament Ewropew.

3.   Opportunitajiet indaqs

Il-Parlament Ewropew japplika politika ta’ opportunitajiet indaqs u jaċċetta l-applikazzjonijiet mingħajr ebda diskriminazzjoni, bħal pereżempju diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjonijiet politiċi jew oħrajn, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età, l-orjentament sesswali, l-istat ċivili jew is-sitwazzjoni tal-familja.

4.   Deskrizzjoni tal-funzjonijiet

Uffiċjal ta’ livell għoli, id-direttur, kif imfisser fil-linji gwida u d-deċiżjonijiet stabbiliti mill-awtorità parlamentari u mid-Direttur Ġenerali, għandu dawn il-kompiti (4):

jiżgura l-funzjonament tajjeb ta’ dipartiment kbir tas-Segretarjat Ġenerali tal-Parlament Ewropew li jinkludi diversi unitajiet li jkopru l-oqsma ta’ kompetenza tad-Direttorat,

imexxi, jistimula, jimmotiva u jikkoordina timijiet ta’ aġenti; jaħdem biex isir l-aħjar użu mir-riżorsi tad-dipartiment filwaqt li jiżgura servizz ta’ kwalità għolja (organizzazzjoni, ġestjoni tar-riżorsi umani u baġitarji, innovazzjoni, eċċ) fl-oqsma ta’ attività tiegħu,

jippjana l-attivitajiet tad-Direttorat (definizzjoni tal-objettivi u l-istrateġiji); jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa biex jilħaq l-objettivi stabbiliti; jivvaluta s-servizzi pprovduti bl-iskop li jiggarantixxi l-kwalità tagħhom,

jagħti pariri lid-Direttur Ġenerali, lis-Segretarjat Ġenerali u lill-Membri tal-Parlament Ewropew fl-oqsma ta’ attività tiegħu,

jikkoopera mad-direttorati differenti tas-Segretarjat Ġenerali, jirrappreżenta lill-istituzzjoni u jinnegozja kuntratti jew ftehimiet fl-oqsma ta’ attività tiegħu,

jiġġestixxi u jwassal fi tmiemhom il-proġetti speċifiċi li jistgħu jinvolvu responsabilitajiet finanzjarji,

iwettaq il-funzjoni ta’ uffiċjal awtorizzanti b’sottodelega.

5.   Rekwiżiti ta’ eliġibilità

Din il-proċedura ta’ selezzjoni hija miftuħa għall-kandidati kollha li jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin sad-data meta jagħlqu l-applikazzjonijiet:

(a)

Rekwiżiti ġenerali

Skont l-Artikolu 28 tar-Regolamenti tal-Persunal, b’mod partikolari jeħtieġ li l-kandidati:

ikunu ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea,

igawdu mid-drittijiet ċivili tagħhom,

ikunu ssodisfaw kull obbligu impost mil-liġijiet ta’ reklutaġġ applikabbli fil-qasam militari,

joffru l-garanziji ta’ moralità mitluba għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet previsti.

(b)

Rekwiżiti speċifiċi

(i)

Kwalifiki, diplomi u esperjenza professjonali meħtieġa

Livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal ċiklu sħiħ ta’ studji universitarji ċertifikati b’diploma, meta l-perjodu normali ta’ dawn l-istudji universitarji jkun ta’ erba’ snin jew aktar,

jew

livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal ċiklu sħiħ ta’ studji universitarji ċertifikati b’diploma flimkien ma’ esperjenza professjonali xierqa ta’ mill-inqas sena (5) meta l-perjodu normali tal-istudji universitarji jkun għall-inqas ta’ tliet snin.

Esperjenza professjonali, ta’ mill-anqas tnax-il sena, miksuba wara li jkunu nkisbu l-kwalifiki msemmija hawn fuq, fosthom mill-anqas sitt snin ta’ esperjenza maniġerjali.

(ii)

Għarfien meħtieġ

Għarfien kulturali ġenerali eċċellenti tal-affarijiet Ewropej,

fehim eċċellenti ta’ kwistjonijiet politiċi interni, nazzjonali u internazzjonali,

għarfien eċċellenti tat-Trattati,

fehim tajjeb ħafna tal-kulturi differenti rappreżentati fi ħdan l-istituzzjonijiet Ewropej,

għarfien eċċellenti tal-istruttura tas-Segretarjat Ġenerali tal-Parlament Ewropew, kif ukoll tal-organizzazzjoni, l-ambjent u l-parteċipanti differenti tiegħu,

għarfien eċċellenti tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew, tal-proċeduri leġiżlattivi u tar-regoli u l-prattiki interni,

għarfien eċċellenti tal-Regolamenti tal-Persunal, kif ukoll tal-interpretazzjoni tagħhom u tar-regoli derivati minnhom,

għarfien eċċellenti tar-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u r-regoli ta’ applikazzjoni tagħhom u tar-regoli interni u testi oħra subordinati tal-Parlament Ewropew,

għarfien amministrattiv tajjeb ħafna (aspetti b’rabta mar-riżorsi umani, il-ġestjoni, il-baġit, il-finanzi, l-informatika, l-aspetti ġuridiċi, eċċ.),

għarfien eċċellenti tat-tekniki maniġerjali.

(iii)

Għarfien lingwistiku

Il-pożizzjoni tesiġi għarfien fil-fond ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (6), kif ukoll għarfien tajjeb ħafna ta’ mill-inqas waħda minn dawn il-lingwi.

Il-Kumitat Konsultattiv iqis ukoll l-għarfien ta’ lingwi uffiċjali oħrajn tal-Unjoni Ewropea.

(iv)

Kapaċitajiet meħtieġa

Sens ta’ strateġija,

kapaċità maniġerjali,

kapaċità ta’ ppjanar bil-quddiem,

kapaċità ta’ reazzjoni għall-avvenimenti,

approċċ metikoluż,

kapaċità ta’ komunikazzjoni.

6.   Proċedura ta’ selezzjoni

Sabiex jgħin lill-Awtorità tal-Ħatra fl-għażla tagħha, il-Kumitat Konsultattiv għall-ħatra ta’ uffiċjali għolja se jistabbilixxi l-lista ta’ kandidati u jirrakkomanda lill-Bureau tal-Parlament Ewropew il-persuni li għandhom jiġu mistiedna għal intervista. Il-Bureau jiffinalizza l-lista ta’ dawn il-persuni, filwaqt li l-Kumitat jagħmel l-intervisti u jissottometti r-rapport finali tiegħu lill-Bureau għad-deċiżjoni. F’dan il-qafas, il-Bureau jkun jista’ jipproċedi għas-smigħ tal-kandidati.

7.   Tressiq tal-applikazzjonijiet

Id-data li fiha jagħlqu l-applikazzjonijiet hija

s-27 ta’ April 2018, f’12.00 (nofsinhar), ħin ta’ Brussell.

Il-kandidati huma mitluba jibagħtu, permezz ta’ email biss, f’format pdf, ittra ta’ motivazzjoni (à l’attention de Monsieur le Secrétaire général du Parlement européen, avis de recrutement numéro PE/218/S) u curriculum vitae fil-format tal-Europass (7), b’indikazzjoni tar-referenza tal-avviż (PE/218/S) fis-suġġett tal-messaġġ, fl-indirizz li ġej:

EP-SENIOR-MANAGEMENT@ep.europa.eu

u jitqiesu bħala prova d-data u l-ħin tat-trażmissjoni tal-email.

Il-kandidati għandhom jiżguraw li d-dokumenti skennjati jkunu jistgħu jinqraw.

Il-kandidati li jissejħu għal intervista għandhom jieħdu nota li jridu jipprovdu, sad-data tal-intervista, kopji jew fotokopji tad-dokumenti li jikkonfermaw l-istudji tagħhom, kif ukoll l-esperjenza professjonali tagħhom u l-attività li jeżerċitaw attwalment  (8) . L-ebda wieħed minn dawn id-dokumenti ma jingħata lura lill-kandidati.

Id-data ta’ natura personali li jibagħtu l-kandidati, fil-qafas ta’ din il-proċedura ta’ selezzjoni, se tkun ipproċessata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 (9).


(1)  F’dan l-avviż, kull riferiment għal persuna ta’ sess maskil jirreferi wkoll għal persuna ta’ sess femminil, u viċeversa.

(2)  Ara r-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tal-Kunsill (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1) emendat mir-Regolament (KE, Euratom) Nru 723/2004 (ĠU L 124, 27.4.2004, p. 1) u reċentement mir-Regolament (UE, Εuratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 15).

(3)  Meta jiġi reklutat, l-uffiċjal jingħata grad skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 32 tar-Regolamenti tal-Persunal.

(4)  Għall-kompiti ewlenin, ara l-Anness.

(5)  Din is-sena ta’ esperjenza professjonali mhux se titqies għall-valutazzjoni tal-esperjenza professjonali li jirreferi għaliha l-punt li jmiss.

(6)  Il-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea huma dawn li ġejjin: il-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, il-Kroat, l-Ingliż, l-Irlandiż, l-Ispanjol, l-Isvediż, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan u l-Ungeriż.

(7)  http://europass.cedefop.europa.eu/

(8)  Dan ma japplikax għall-kandidati li jkunu fis-servizz tal-Parlament Ewropew sad-data li fiha jagħlqu l-applikazzjonijiet.

(9)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


ANNESS

DIRETTORAT ĠENERALI GĦAT-TRADUZZJONI

DIRETTORAT GĦAT-TRADUZZJONI

DMIRIJIET PRINĊIPALI

(Dipartiment magħmul minn 984 aġent: 880 uffiċjal, 51 aġent temporanju u 53 aġent kuntrattwali)

Jidentifika l-bżonnijiet ta’ riżorsi umani, finanzjarji u materjali tad-Direttorat u jiżgura l-użu ottimali u l-iżvilupp tagħhom; jiġġestixxi, jissorvelja, jimmotiva u jikkoordina t-timijiet; jikkoordina l-proċeduri ta’ valutazzjoni u ta’ segwitu tal-karrieri tal-persunal;

Jimplimenta l-objettivi tad-Direttorat B: jiżgura l-ippjanar tal-attivitajiet tad-Direttorat, isegwi l-armonizzazzjoni tal-metodi ta’ ħidma fl-unitajiet, jottimizza l-effikaċja tal-proċess tat-traduzzjoni u b’mod partikolari tal-għodod tal-IT;

Jorganizza l-ħidma tad-Direttorat B: jiżgura li l-24 unità lingwistika, kif ukoll l-Unitajiet tal-Ippjanar u tal-Editjar iwettqu l-kompiti tagħhom, prinċipalment it-traduzzjoni ta’ kwalità għolja tad-dokumenti u jirrispettaw l-iskadenzi mitluba f’konformità mar-regoli fis-seħħ;

Jiżgura l-kooperazzjoni u l-komunikazzjoni fi ħdan id-Direttorat u mas-servizzi l-oħra; joffri sostenn u konsulenza fil-qasam ta’ kompetenza lid-Direttur Ġenerali u lill-ġerarkija tiegħu, kif ukoll lill-Membri;

Jieħu sehem fil-kumitati jew fil-gruppi ta’ ħidma fi ħdan DĠ jew bejn diversi DĠ, f’istanzi interistituzzjonali eċċ., u fihom jirrappreżenta lid-Direttorat jew lid-DĠ, skont il-każ;

Iwettaq il-funzjoni ta’ uffiċjal awtorizzanti b’sottodelega.

24 UNITÀ LINGWISTIKA

(DA, DE, EL, EN, ES, FR, IT, NL, PT, FI, SV, CS, ET, HU, LT, LV, MT, PL, SL, SK, BG, RO, HR, GA)

Jiżguraw it-traduzzjoni tat-testi skont il-kompetenzi lingwistiċi u tekniċi tat-tradutturi u tal-assistenti tat-traduzzjoni;

Jiżguraw it-tħejjija u l-finalizzazzjoni tat-traduzzjonijiet mill-assistenti tat-traduzzjoni;

Jiżguraw ir-reviżjoni u l-qari mill-ġdid ta’ ċerti testi kif ukoll il-kontroll u l-evalwazzjoni tal-kwalità tat-traduzzjonijiet;

Jiżguraw il-ġestjoni tal-fluss tax-xogħol tat-traduzzjoni u l-kontroll tal-volum tax-xogħol;

Jiżguraw it-traduzzjoni tal-aġendi (OJ) u tal-minuti (PV) u t-traskrizzjoni tar-rapporti verbatim tad-dibattiti (CRE) waqt is-sessjonijiet ta’ Strasburgu u Brussell;

Iwettqu kompiti relatati mat-terminoloġija, partikolarment l-aġġornament tad-databases tat-terminoloġija (IATE);

Jiżguraw il-kompiti tal-gruppi tematiċi u tal-korrispondenti tagħhom.

UNITÀ TAL-IPPJANAR

li tħaddan is-Servizz tal-Ġestjoni tad-Domanda, is-Servizz tat-Talbiet għal Traduzzjoni għall-Presidenza u l-Plenarja u s-Servizz tar-Relazzjonijiet mal-Klijenti

Tiżgura l-kuntatti mad-Direttorati Ġenerali u l-korpi amministrattivi jew politiċi sabiex tindirizza t-talbiet għal traduzzjoni u xogħol lingwistiku ieħor u tippermetti pjan effikaċi għall-volum tax-xogħol mill-unitajiet lingwistiċi;

Tiżgura l-ħidma tat-tliet servizzi tal-unità;

Tħejji jew tittratta l-fajls għad-Direttorat B jew għad-Direttorat Ġenerali;

Tiżgura l-koordinament tal-kompiti tal-IT għall-applikazzjoni GEPRO+ u tipparteċipa fl-istudji dwar l-iżviluppi fil-qasam tal-informatika;

Tikkoopera mal-istituzzjonijiet Ewropej l-oħra.

Is-Servizz tal-Ġestjoni tad-Domanda

Jintroduċi u jiġġestixxi l-informazzjoni li tikkonċerna d-dokumenti għat-traduzzjoni fis-sistema tal-informatika GEPRO+ u jgħaddi d-dokumenti għat-traduzzjoni lis-servizzi tat-traduzzjoni rispettivi;

Iħejji u jiżgura s-segwitu u t-troubleshooting tax-xogħlijiet tat-traduzzjoni;

Jistabbilixxi u jiġġestixxi l-iskadenzi tat-traduzzjonijiet filwaqt li jqis il-prijoritajiet stabbiliti mill-awtorità politika, ir-rekwiżiti tal-kalendarju tal-attivitajiet tal-PE u l-kapaċità tat-traduzzjoni tal-unitajiet lingwistiċi;

Jindirizza t-talbiet għal esternalizzazzjoni tal-unitajiet lingwistiċi;

Jiġġestixxi l-“Punt għall-Membri” (talbiet għal traduzzjoni individwali);

Jiġġestixxi r-reġim interistituzzjonali għall-qsim tal-volum tax-xogħol “Workload Balancing”.

Is-Servizz tat-Talbiet għal Traduzzjoni għall-Presidenza u l-Plenarja

Jintroduċi u jiġġestixxi l-informazzjoni dwar id-dokumenti għat-traduzzjoni f’GEPRO+ u jgħaddi d-dokumenti għat-traduzzjoni lis-servizzi tat-traduzzjoni rispettivi;

Jistabbilixxi u jiġġestixxi l-iskadenzi tat-traduzzjonijiet filwaqt li jqis il-prijoritajiet stabbiliti mill-awtorità politika, ir-rekwiżiti tal-kalendarju tal-attivitajiet tal-Parlament u l-kapaċità tat-traduzzjoni tal-unitajiet lingwistiċi;

Iħejji u jiżgura s-segwitu u t-troubleshooting tax-xogħlijiet tat-traduzzjoni;

Jiżgura kuntatt bejn DĠ TRAD u DĠ PERS u jgħaddi l-informazzjoni lill-entitajiet ikkonċernati kollha;

Isegwi mill-viċin l-aġenda tas-sessjonijiet plenarji sabiex jantiċipa u jħejji x-xogħol tat-traduzzjoni.

Is-Servizz tar-Relazzjonijiet mal-Klijenti

Jiżgura kuntatt bejn DĠ TRAD u l-klijenti kollha tiegħu (b’mod partikolari, DĠ IPOL u DĠ EXPO) u jgħaddi l-informazzjoni lill-entitajiet ikkonċernati kollha;

Imexxi n-netwerks tal-korrispondenti tematiċi (“PSC”), jagħti informazzjoni lill-gruppi tematiċi fl-unitajiet lingwistiċi (inkluż dwar il-kontribut għall-programmi ta’ taħriġ) u jappoġġja lill-koordinaturi tal-fajls;

Isegwi l-ħidma tal-operaturi tas-Servizz tal-Ġestjoni tad-Domanda, jgħinhom jiġġestixxu l-ħidma tagħhom u jagħtihom l-informazzjoni neċessarja biex iwettqu b’suċċess il-kompiti tagħhom;

Jiġbor informazzjoni u jħejji previżjonijiet tat-talbiet għat-traduzzjoni sabiex jantiċipa u jippjana x-xogħol tat-traduzzjoni;

Jikkoopera mal-kumitati u d-delegazzjonijiet interparlamentari sabiex jikkontribwixxi għat-titjib fl-applikazzjoni tal-Kodiċi ta’ Kondotta fir-rigward tal-iskedar u r-rispett tal-iskadenzi;

Jiġġestixxi d-database PLATO, jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-pjattaformi SharePoint Lynx u Tiger;

Jimplimenta, b’kooperazzjoni mill-qrib mad-Direttorat għall-Atti Leġiżlattivi tad-DĠ PERS, id-deċiżjoni dwar il-qsim tax-xogħol bejn il-Parlament u l-Kunsill.

UNITÀ TAL-EDITJAR

Tiżgura l-editjar (reviżjoni lingwistika u teknika) tat-testi INI (PR, RR, PA, AD), tal-mistoqsijiet parlamentari, (QE, QO) u tar-riżoluzzjonijiet u l-emendi fis-sessjoni (RE, RC, AM) miktuba bl-Ingliż;

Tiżgura l-editjar (editing) tat-testi ta’ kull xorta li tintalab issir reviżjoni tagħhom;

Tiżgura t-tħejjija u l-finalizzazzjoni tat-testi mill-assistenti;

Tiżgura r-reviżjoni u l-qari mill-ġdid tat-testi editjati;

Tiżġura l-kuntatt mal-awturi tat-test għall-editjar u mal-klijenti tal-helpline telefonika;

Tiżgura l-ġestjoni tal-flussi tax-xogħol tal-editjar;

Tiżgura l-kontroll tal-volum tax-xogħol.