28.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 244/5


SEJĦA GĦAL PROPOSTI

GR/001/17

Appoġġ għall-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni dwar il-valur tal-Proprjetà Intellettwali u d-danni tal-falsifikazzjoni u tal-piraterija

(2017/C 244/04)

1.   Għanijiet u deskrizzjoni

L-għan ġenerali tas-sejħa għal proposti huwa li titqajjem sensibilizzazzjoni dwar il-valur, il-benefiċċji tal-Proprjetà Intellettwali (IP) kif ukoll id-danni kkawżati minn ksur tad-drittijiet tal-IP.

Din għandha l-għan li żżid l-għarfien u tinvolvi l-udjenzi prijoritarji sabiex jinħoloq rispett għall-IP, bl-għan li eventwalment tinbidel l-imġiba tan-nies billi jitnaqqas ix-xiri ta’ falsifikazzjoni tagħhom u l-aċċess tagħhom għall-kontenut diġitali minn sorsi illegali.

L-għanijiet speċifiċi tas-sejħa huma li:

1.

Jiżdied l-għarfien tal-valur tal-IP bħala għodda li tipproteġi l-kreattività, l-innovazzjoni u l-intraprenditorija billi tipprovdi għarfien konkret u objettiv dwar l-IP f’dan il-kuntest u jiżdied l-għarfien dwar id-danni ta’ ksur.

2.

Jiġu involuti l-udjenzi prijoritarji f’dawn il-kwistjonijiet billi jitqiesu l-possibbiltajiet ta’ ingranaġġ rilevanti u speċjalment kif l-udjenzi jistennew li jiġu indirizzati dwar dawn il-kwistjonijiet (mhux patronizzanti, objettivi u newtrali) bl-għan li tinbidel l-imġiba, titnaqqas l-attrazzjoni tal-falsifikazzjoni u tal-piraterija u/jew jitnaqqsu l-possibbiltajiet għall-falsifikaturi u l-pirati.

Ir-riżultati mistennija huma li:

Jintlaħqu ċ-ċittadini tal-UE u speċjalment il-gruppi fil-mira ta’ prijorità bħat-tfal fl-iskejjel, il-ġenerazzjoni żagħżugħa u ċ-ċittadini (ta’ bejn il-15-30 sena) u dawk li jfasslu l-politika u l-opinjonisti dwar l-IP u kwistjonijiet relatati mal-IP.

Jinħoloq impenn ta’ influwenzaturi jew multiplikaturi rilevanti li kapaċi jilħqu l-udjenzi fil-mira permezz ta’ proċess definit b’mod ċar.

Jiġu żgurati s-sostenibbiltà u l-iskalabbiltà tar-riżultati tal-proġett u finalment tinbidel l-imġiba.

2.   L-applikanti eliġibbli

L-applikanti kkunsidrati eliġibbli biex iwieġbu għal din is-sejħa għandhom:

ikunu entità legali, pubblika jew privata, pereżempju:

organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ, assoċċjazzjoni tal-NGO;

korp pubbliku fil-livell lokali, reġjonali jew nazzjonali;

fondazzjoni tal-università;

kumpanija privata;

ikunu rreġistrati f’wieħed mit-28 Stat Membru u jipprovdu evidenza mill-pajjiż ta’ reġistrazzjoni tagħhom billi jiċċertifikaw li l-applikant ilu stabbilit u rreġistrat b’mod korrett għal aktar minn sentejn.

L-entitajiet pubbliċi li jirċievu fondi jew appoġġ mill-EUIPO permezz ta’ miżuri finanzjarji oħrajn bħal programmi ta’ kooperazzjoni, li għandhom l-għan li jsegwu l-istess għanijiet bħal din is-sejħa, mhumiex eliġibbli (eż. l-uffiċċji nazzjonali u reġjonali tal-IP jew l-organizzazzjonijiet internazzjonali).

F’każ li jaġixxu ma’ sħab assoċjati li jkunu qed jipparteċipaw fi proposta irrispettivament mir-rwol tagħhom fil-proġett, kull sieħeb għandu jissodisfa l-kriterji ta’ eliġibbiltà bħala applikabbli għall-applikant innifsu u għandu jiffirma ittra ta’ intenzjoni.

Applikazzjoni tista’ tkun ikkoordinata u ppreżentata biss — f’isem il-parteċipanti kollha — minn applikant wieħed, li huwa r-rappreżentant ġuridiku tal-organizzazzjoni tal-applikant.

Il-persuni fiżiċi ma jistgħux japplikaw għal għotja.

3.   Azzjonijiet eliġibbli

It-tul massimu (perjodu ta’ eliġibbiltà) huwa ta’ 12-il xahar mid-data tal-firma tal-ftehim ta’ għotja. Estensjoni għall-massimu ta’ 6 xhur addizzjonali tista’ tingħata.

Is-setturi jew it-temi speċifiċi li magħhom għandhom jirrelataw l-azzjonijiet huma proprjetà intellettwali u kwistjonijiet relatati mad-drittijiet ta’ falsifikazzjoni u piraterija tal-IP.

L-azzjonijiet għandhom isiru fi Stat Membru wieħed jew aktar tal-UE.

Ser jiġu kkunsidrati biss l-azzjonijiet li jinsabu taħt it-3 lottijiet ta’ hawn taħt, filwaqt li jitqiesu t-tipi speċifiċi ta’ azzjonijiet definiti. Entità tista’ tapplika fil-lottijiet differenti u konsegwentement ser tingħata għotja fil-lottijiet differenti b’mod awtomatiku:

 

Lott 1: Komunikazzjoni mat-tfal permezz ta’ attivitajiet edukattivi għall-iskejjel

 

Lott 2: Komunikazzjoni mal-ġenerazzjoni żagħżugħa u maċ-ċittadini

 

Lott 3: Komunikazzjoni ma’ dawk li jfasslu l-politika u l-opinjonisti permezz ta’ konferenzi u fora

Il-benefiċjarju jeħtieġ li jinkludi stima tal-kejl kwantitattiva u kwalitattiva tar-riżultati fil-bidu tal-azzjoni sabiex jiżgura l-effettività tal-għanijiet ippjanati. Iċ-ċifra reali ser tingħata fl-aħħar.

It-tipi ta’ azzjonijiet li ġejjin huma ineliġibbli:

proġetti kkonċernati biss jew prinċipalment minn sponsorizzazzjoni individwali għall-attivitajiet ta’ parteċipazzjoni jew ta’ taħdit f’sessjonijiet ta’ ħidma, seminars, konferenzi u kungressi jew kwalunkwe avveniment ieħor;

proġetti kkonċernati biss jew prinċipalment minn boroż ta’ studju individwali għall-istudji jew korsijiet ta’ taħriġ.

L-attivitajiet li għandhom jiġu ffinanzjati taħt din is-sejħa jkopru pereżempju (mhux eżawrjenti):

Għal-lottijiet 1 u 2

attivitajiet tal-midja u tal-midja soċjali,

produzzjoni u disseminazzjoni ta’ materjal awdjoviżiv, pubblikazzjonijiet jew komunikazzjonijiet elettroniċi,

organizzazzjoni ta’ avvenimenti, fieri, wirjiet jew attivitajiet ta’ taħriġ,

inforikreazzjoni (dibattiti, programmi għaż-żgħażagħ, kwiżżijiet, logħob tal-vidjo jew programmi tal-mużika),

għodod, attivitajiet u soluzzjonijet ibbażati fuq l-internet.

Għal-lott 3:

Konferenzi internazzjonali fil-kuntest tal-UE

Fora

Dibattiti

Għal aktar dettalji jekk jogħġbok irreferi għat-Taqsima 6 tal-Linji gwida għall-applikanti.

4.   Kriterji ta’ esklużjoni

L-applikanti ma għandhomx ikunu f’sitwazzjoni li teskludihom milli jipparteċipaw u/jew milli jingħataw għotja kif definit mir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u r-regoli tal-applikazzjoni tiegħu.

5.   Kriterji tal-għażla

L-applikanti għandhom jippreżentaw dikjarazzjoni fuq l-unur tagħhom, mimlija u ffirmata, li tiċċertifika l-istatus tagħhom bħala persuna ġuridika u l-kapaċità finanzjarja u operattiva tagħhom biex ilestu l-attivitajiet proposti.

Għal aktar dettalji jekk jogħġbok irreferi għat-Taqsima 10 tal-Linji gwida għall-applikanti.

6.   Kriterji tal-għotja

Il-kriterji tal-għotja għall-valutazzjoni ta’ proposta huma allokati minn total ta’ 100 abbażi tal-kriterji li ġejjin:

 

Limitu minimu

Punteġġ massimu

1.

Rilevanza u interess ġenerali tal-proġett

25

35

2.

Komunikazzjoni u impatt

25

35

3.

Sostenibbiltà u Metodoloġija

14

20

4.

Kosteffettività

6

10

Total

70

100

Sabiex il-proposti jiġi kkunsidrati għall-finanzjament, dawn għandhom iġibu l-punteġġ ta’:

mill-inqas 70 punt b’mod ġenerali

kif ukoll

mill-inqas il-punti minimi f’kull wieħed mis-sub-kriterji.

Għal aktar dettalji jekk jogħġbok irreferi għat-Taqsima 11 tal-Linji gwida għall-applikanti.

7.   Baġit

Il-baġit totali disponibbli għall-kofinanzjament tal-proġetti taħt din is-sejħa huwa ta’ EUR 1 000 000.

Din is-sejħa għal proposti hija soġġetta għad-disponibbiltà tal-fondi wara l-adozzjoni tal-baġit għall-2018 mill-awtorità baġitarja tal-EUIPO.

Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-EUIPO ma tistax taqbeż it-80 % tal-kostijiet totali eliġibbli ppreżentati mill-applikant u għandha tkun bejn l-ammonti minimi u massimi li ġejjin, f’konformità mat-3 lottijiet differenti disponibbli:

Għal-lott 1: Komunikazzjoni mat-tfal permezz ta’ attivitajiet edukattivi fl-iskejjel (baġit disponibbli ta’ EUR 400 000)

Ammont minimu: EUR 20 000

Ammont massimu: EUR 60 000

Għal-lott 2: Komunikazzjoni mal-ġenerazzjoni żagħżugħa permezz ta’ influwenzaturi u multiplikaturi (baġit disponibbli ta’ EUR 400 000)

Ammont minimu: EUR 20 000

Ammont massimu: EUR 60 000

Għal-lott 3: Komunikazzjoni ma’ dawk li jfasslu l-politika u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u l-opinjonisti permezz ta’ konferenzi u fora (baġit disponibbli EUR 200 000)

Ammont minimu: EUR 15 000

Ammont massimu: EUR 40 000

L-EUIPO għandu d-dritt li ma jqassamx il-fondi kollha disponibbli.

8.   Data ta’ skadenza għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet

Il-pakkett ta’ applikazzjoni huwa disponibbli fuq l-Internet fuq l-indirizz li ġej: https://euipo.europa.eu/ohimportal/en/grants

L-applikazzjonijiet għandhom jiġu ppreżentati lill-EUIPO bl-użu ta’ formola ta’ applikazzjoni onlajn (formola elettronika) mhux aktar tard mill-25 ta’ Settembru 2017 fis-13:00 (ħin lokali).

Mhu ser jiġi aċċettat l-ebda metodu ieħor ta’ preżentazzjoni ta’ applikazzjoni.

L-applikanti għandhom jiżguraw li d-dokumenti kollha mitluba u msemmija fil-formola elettronika jiġu pprovduti.

L-applikazzjonijiet li ma jinkludux l-annessi kollha stipulati u li ma jiġux ippreżentati qabel id-data ta’ skadenza mhux ser jiġu kkunsidrati.

Għal aktar dettalji jekk jogħġbok irreferi għat-Taqsima 16 tal-Linji gwida għall-applikanti.

9.   Id-dettalji kollha

It-test kollu tal-linji gwida għall-applikanti huwa disponibbli fuq l-indirizz tal-Internet li ġej: https://euipo.europa.eu/ohimportal/en/grants

L-applikazzjonijiet għandhom jikkonformaw mat-termini kollha tal-linji gwida u għandhom jiġu ppreżentati fuq il-formoli pprovduti.

10.   Kuntatt

Għal aktar tagħrif jekk jogħġbok ikkuntattja l-kaxxa postali elettronika li ġejja: grants@euipo.europa.eu