20.6.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 196/6 |
Il-Programm HERCULE III
Sejħa għal proposti — 2017
Taħriġ u Studji fil-Qasam Ġuridiku
(2017/C 196/05)
1. Għanijiet u deskrizzjoni
Dan l-avviż ta’ sejħa għal proposti jibbaża fuq ir-Regolament (UE) Nru 250/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) li jistabbilixxi l-Programm Hercule III, b’mod partikolari l-Artikolu 8(a) (“Azzjonijiet Eliġibbli”), kif ukoll id-Deċiżjoni ta’ Finanzjament tal-2017 li tadotta l-programm ta’ ħidma annwali (2) għall-implimentazzjoni tal-Programm Hercule III fl-2017, b’mod partikolari t-taqsima 6.2.1 “Azzjonijiet ta’ Taħriġ”. Id-Deċiżjoni ta’ Finanzjament tal-2017 tipprevedi l-organizzazzjoni ta’ sejħa għal proposti għal “Taħriġ u Studji fil-Qasam Ġuridiku”.
2. Applikanti eliġibbli
Il-korpi eliġibbli għall-finanzjament skont il-Programm huma:
— |
L-amministrazzjonijiet nazzjonali jew reġjonali ta’ Stat Membru li jippromwovu t-tisħiħ tal-azzjoni f’livell tal-Unjoni biex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, jew: |
— |
L-istituti ta’ riċerka u dawk edukattivi u l-entitajiet bla skop ta’ qligħ sakemm ikunu ilhom stabbiliti u ilhom joperaw għal mill-inqas sena, fi Stat Membru, u jippromwovu t-tisħiħ tal-azzjoni fil-livell tal-Unjoni biex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. |
3. Azzjonijiet eliġibbli
L-għan ta’ din is-sejħa huwa li tistieden lill-applikanti eliġibbli biex jissottomettu applikazzjonijiet għal azzjonijiet taħt wieħed mit-tliet suġġetti li ġejjin:
1. |
L-iżvilupp ta’ attivitajiet ta’ riċerka ta’ livell għoli, inkluż studji fil-liġi komparattiva (inkluża d-disseminazzjoni tar-riżultati u konferenza ta’ konklużjoni, fejn applikabbli); |
2. |
Iż-żieda fil-kooperazzjoni u l-għarfien bejn il-prattikanti u l-akkademiċi (permezz ta’ konferenzi, inkluża l-organizzazzjoni tal-laqgħa annwali tal-presidenti tal-Assoċjazzjonijiet tal-Liġi Kriminali Ewropea u tal-Protezzjoni ta’ Interessi Finanzjari tal-UE); |
3. |
L-iżvilupp ta’ pubblikazzjonijiet xjentifiċi perjodiċi u għodod oħra għat-tixrid tal-għarfien xjentifiku. |
Applikant jista’ jissottometti applikazzjoni waħda biss taħt din is-sejħa. L-applikazzjoni għandha ssir għal azzjoni taħt wieħed biss mit-tliet suġġetti msemmija hawn fuq: applikazzjoni għal azzjoni taħt aktar minn waħda minn dawn is-suġġetti mhix se tiġi aċċettata.
4. Baġit
Il-baġit indikattiv disponibbli għal din is-sejħa huwa ta’ EUR 500 000. Il-kontribuzzjoni finanzjarja se tieħu l-forma ta’ għotja. Il-kontribuzzjoni finanzjarja mogħtija mhix se taqbeż it-80 % tal-kostijiet eliġibbli. F’każijiet eċċezzjonali u ġustifikati kif dovut, il-kontribuzzjoni finanzjarja tista’ tiżdied biex tkopri massimu ta’ 90 % tal-kostijiet eliġibbli. Fid-dokument tas-sejħa hemm elenkati l-kriterji li se jiġu applikati għad-determinazzjoni ta’ dawn il-każijiet eċċezzjonali u dawk debitament ġustifikati. Il-limitu minimu għall-baġit ta’ azzjoni li titressaq f’applikazzjoni ġie stabbilit għal: EUR 40 000.
Il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li ma tallokax il-fondi kollha disponibbli.
5. Sottomissjoni ta’ applikazzjoni u skadenza
L-applikazzjonijiet iridu jitressqu mhux aktar tard mill-: Erbgħa, 9 ta’ Awwissu 2017, u jistgħu jiġu sottomessi biss billi jsir użu tal-Portal tal-Parteċipanti għall-programm Hercule III:
https://ec.europa.eu/research/participants/portal/desktop/en/opportunities/herc/index.html
6. Aktar informazzjoni
Id-dokumenti kollha relatati ma’ din is-sejħa għall-proposti jistgħu jitniżżlu mill-Portal tal-Parteċipanti msemmi taħt il-punt 5 msemmi aktar ‘il fuq jew minn dan is-sit web:
http://ec.europa.eu/anti-fraud/policy/hercule_en
Il-mistoqsijiet u/jew it-talbiet għal informazzjoni addizzjonali fir-rigward ta’ din is-sejħa jridu jintbagħtu permezz tal-Portal tal-Parteċipanti.
Jekk ikunu ta’ rilevanza għal applikanti oħrajn, il-mistoqsijiet u t-tweġibiet jistgħu jiġu ppubblikati b’mod anonimu fil-Gwida għall-Applikanti li hija disponibbli fuq il-Portal tal-Parteċipanti u fuq is-sit web tal-Internet tal-Kummissjoni.
(1) Ir-Regolament (UE) Nru 250/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 li jistabbilixxi programm għall-promozzjoni ta’ attivitajiet fil-qasam tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea (il-programm Erkole III) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 804/2004/KE (ĠU L 84, 20.3.2014, p. 6)
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni rigward l-adozzjoni tal-programm ta’ ħidma annwali u l-finanzjament tal-Programm Hercule III fl-2017 C(2017)1120 finali tat-22 ta’ Frar 2017.