|
8.4.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 111/7 |
Wiċċ nazzjonali ġdid ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni
(2017/C 111/07)
Il-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni għandhom status ta’ valuta legali fiż-żona kollha tal-euro. Sabiex tinforma lill-pubbliku u lill-partijiet kollha kkonċernati li jużaw il-muniti, il-Kummissjoni tippubblika deskrizzjoni tad-disinji tal-muniti l-ġodda kollha (1). Skont il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2009 (2), l-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-pajjiżi li kkonkludew ftehim monetarju mal-Unjoni Ewropea li jistipula l-ħruġ ta’ muniti tal-euro huma awtorizzati li joħorġu muniti kommemorattivi tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni kemm-il darba jintlaħqu ċerti kundizzjonijiet, b’mod partikolari li jintużaw muniti taż-2 euro biss. Dawn il-muniti għandhom l-istess karatteristiċi tekniċi bħall-muniti l-oħra taż-2 euro, iżda l-wiċċ nazzjonali tagħhom ikun fih disinn kommemorattiv li jkun simboliku ferm f’termini nazzjonali jew Ewropej.
Il-pajjiż tal-ħruġ : Il-Finlandja
Is-suġġett tal-kommemorazzjoni : Il-Finlandja indipendenti għal 100 sena
Deskrizzjoni tad-disinn : Il-parti ta’ ġewwa tal-munita għandha disinn tal-mużajk, b’biċċiet iktar imferrxa fuq il-lemin li jiffurmaw somiljanza kartografika tal-Finlandja. Il-kitba “SUOMI FINLAND”, is-sena tal-indipendenza “1917” u s-sena tal-ħruġ “2017” jinsabu vertikalment waħda taħt l-oħra fuq ix-xellug. Fuq in-naħa tal-lemin fiċ-ċentru hemm l-indikazzjoni tal-pajjiż tal-ħruġ “FI” u l-marka taz-zekka.
Iċ-ċirku ta’ barra tal-munita juri t-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.
L-għadd ta’ muniti li se jinħarġu : 2,5 miljun
Data tal-ħruġ : Marzu-Mejju 2017
(1) Ara ĠU C 373, 28.12.2001, p. 1 għall-uċuħ nazzjonali tal-muniti kollha li nħarġu fl-2002.
(2) Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-10 ta’ Frar 2009 u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Diċembru 2008 dwar linji gwida komuni għall-uċuħ nazzjonali u l-ħruġ ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (ĠU L 9, 14.1.2009, p. 52).