25.1.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 25/1


Avviż ta’ pożizzjoni vakanti

CONS/AD/128

(2017/C 025 A/01)

INFORMAZZJONI ĠENERALI

Dipartiment

Direttorat-Ġenerali F “Komunikazzjoni u Informazzjoni”, Direttorat 2 “Informazzjoni u Ġestjoni tal-Għarfien”

Post tax-xogħol

Brussell

Titlu tal-pożizzjoni

Direttur tal-Informazzjoni u l-Ġestjoni tal-Għarfien

Grupp tal-funzjoni u grad

AD 14

Approvazzjoni tas-sigurtà meħtieġa

SECRET UE/EU SECRET

DATA TAL-GĦELUQ GĦALL-APPLIKAZZJONIJIET

Il-15 ta’ Frar 2017

MIN AĦNA

Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill joffri konsulenza u assistenza lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u lill-Kunsill Ewropew. Il-missjoni tad-Direttorat-Ġenerali F “Komunikazzjoni u Informazzjoni” hija li jipprovdi u jippreserva informazzjoni dwar l-attivitajiet ta’ dawn l-istituzzjonijiet. Fi ħdan id-DĠF, id-Direttorat “Informazzjoni u Ġestjoni tal-Informazzjoni” huwa responsabbli għall-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet innovattivi u sostenibbli għall-isfidi tal-informazzjoni u l-ġestjoni tal-għarfien fl-era diġitali. Il-kompetenzi tiegħu jinkludu l-ġestjoni tad-distribuzzjoni tal-kontenut tal-informazzjoni, l-iżvilupp ta’ politiki u linji gwida għall-ġestjoni tal-kontenut tal-informazzjoni, l-arkivjar, it-trasparenza u s-servizzi ta’ librerija u riċerka.

Id-Direttorat huwa magħmul minn tliet unitajiet, responsabbli għall-Ġestjoni tal-Informazzjoni, il-Ġestjoni tal-Għarfien u l-Innovazzjoni u l-Proġetti rispettivament.

Id-Direttur, li jirrapporta lid-Direttur Ġenerali, huwa responabbli għall-attivitajiet kollha tad-Direttorat.

X’QEGĦDIN INFITTXU

Qed infittxu Direttur b’esperjenza fit-tmexxija ta’ bidla organizzattiva u trasformazzjoni diġitali, li jista’ jmexxi s-Segretarjat Ġenerali fil-modernizzazzjoni tal-proċessi kummerċjali tagħna. Irridu nsibu persuna ħerqana li tikseb riżultati, b’kapaċità ppruvata li tiżviluppa u timplimenta b’suċċess proġetti u programmi fil-qasam tal-informazzjoni u l-ġestjoni tal-għarfien.

Il-kandidat ideali għandu jkun mexxej influwenti fl-istrateġija u t-trasformazzjoni diġitali, li jkun mhux biss familjari mal-istruttura u l-funzjonament tal-Kunsill, iżda li jkun kapaċi jikseb suċċess f’xenarju teknoloġiku li jinbidel malajr bis-saħħa tal-affinità tiegħu f’oqsma bħall-ġestjoni tal-informazzjoni, il-web semantiku jew id-data miftuħa. Huwa jew hija għandha tkun moħħha miftuħ, komunikattiva u jkollha kapaċità kbira li tispira u tmexxi l-innovazzjoni fis-Segretarjat Ġenerali.

Peress li s-SĠK jinkoraġġixxi kultura ta’ mobbiltà tal-maniġers tiegħu, li għandu jkollhom esperjenza estensiva, il-kandidati għandhom għaldaqstant ikunu lesti u kapaċi jaħdmu f’oqsma ta’ attività differenti matul il-karriera tagħhom fis-SĠK.

GĦAN ĠENERALI TAL-KARIGA

Taħt l-awtorità tad-Direttur Ġenerali/Viċi Direttur Ġenerali, imexxi d-Direttorat tiegħu u jagħti pariri fl-oqsma ta’ kompetenza tad-Direttorat

KOMPITI

Taħt l-awtorità tad-Direttur Ġenerali/Viċi Direttur Ġenerali, imexxi d-Direttorat tiegħu, jorganizza l-attivitajiet tiegħu u jappoġġa u jimmotiva l-persunal f’xogħlu

Jiddefinixxi l-objettivi li għandhom jintlaħqu u jikkontribwixxi biex jintlaħqu billi jistabbilixxi l-programm ta’ ħidma tad-Direttorat u jiżgura l-monitoraġġ xieraq tal-implimentazzjoni tiegħu

Jirrappreżenta s-servizz tiegħu fil-livell ta’ Diretturi kemm fis-SĠK kif ukoll esternament, b’mod partikolari fir-relazzjonijiet tiegħu mal-Presidenza b’rotazzjoni, u mal-istituzzjonijiet l-oħra

Jiżgura l-kwalità tas-servizzi u l-prodotti pprovduti mid-Direttorat

Jiżgura l-ġestjoni professjonali tar-riżorsi tad-Direttorat

Jiżgura l-komunikazzjoni effettiva u l-kooperazzjoni kemm fid-Direttorat kif ukoll mas-servizzi l-oħra tas-SĠK

Jiżviluppa aktar, isaħħaħ u jimplimenta l-ippjanar strateġiku tal-Kunsill fir-rigward tat-trasformazzjoni diġitali u l-ġestjoni tal-informazzjoni u tal-għarfien

Iżomm kuntatti ma’ interlokuturi esterni u jirrappreżenta lis-SĠK f’fora esterni

AMBJENT TAX-XOGĦOL

Post tax-xogħol: Brussell, il-bini Justus Lipsius

KOMPETENZI SPEĊIFIĊI

Kompetenzi professjonali

Peress li l-Franċiż u l-Ingliż jintużaw b’mod estensiv għall-komunikazzjoni interna fis-SĠK, huma meħtieġa għarfien tajjeb tal-Franċiż u tal-Ingliż u l-kapaċità ta’ komunikazzjoni biż-żewġ lingwi. L-għarfien ta’ lingwi uffiċjali oħra tal-UE huwa ta’ vantaġġ (1).

Għodod tal-uffiċċju

Fehim tajjeb tax-xenarju teknoloġiku relatat mal-oqsma ta’ attività tad-direttorat (Ġestjoni tal-Informazzjoni, web semantiku, data miftuħa) huwa meqjus ta’ vantaġġ.

Għarfien tajjeb ħafna tal-istruttura u l-funzjonament tal-Kunsill u l-Kunsill Ewropew u r-relazzjonijiet tagħhom mal-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE

Għarfien tal-proċeduri u l-metodi ta’ ħidma tal-Kunsill

Kapaċità li jittratta informazzjoni b’diskrezzjoni

Twettiq ta’ kompiti u ksib ta’ riżultati

Kapaċità qawwija ta’ ppjanar u organizzazzjoni ta’ ħidma (kompetenza essenzjali)

Kwalitajiet personali

Sens eċċellenti ta’ responsabbiltà u ħila jiżviluppa soluzzjonijiet kreattivi u effikaċi

Sens b’saħħtu ta’ inizjattiva u l-kapaċità li jippromwovi l-innovazzjoni

Kapaċità li jaħdem f’ambjent internazzjonali u multikulturali

Ħiliet interpersonali

Kapaċità li juri ħiliet ta’ diplomazija u ta’ komunikazzjoni

Kapaċi jmexxi u jimmotiva timijiet multikulturali u multidixxiplinari

Kompetenzi Maniġerjali

Ġestjoni tax-xogħol u r-riżorsi, għarfien tal-organizzazzjoni, teħid ta’ deċiżjonijiet, ħila fit-tmexxija u żvilupp tal-persunal

MIN JISTA’ JAPPLIKA

Fil-mument tal-applikazzjoni l-applikanti għandhom jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin għall-ammissjoni:

(a)

Kondizzjonijiet ġenerali

ikunu ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea;

igawdu mid-drittijiet kollha tagħhom bħala ċittadini;

ikunu wettqu kwalunkwe obbligu impost fuqhom mil-liġijiet dwar il-lieva.

(b)

Kondizzjonijiet speċifiċi

ikunu lestew edukazzjoni universitarja sħiħa ċċertifikata b’diploma (1);

ikollhom mill-inqas 15-il sena esperjenza professjonali li f’mill-inqas ħames snin minnhom kienu inkarigati minn entità amministrattiva, u jkunu effettivament kellhom responsabbiltajiet maniġerjali u organizzattivi.

KUMMENTI

Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill (SĠK) iħaddan il-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs (ara l-Anness I) u jilqa’ applikazzjonijiet minn kandidati rġiel u nisa mill-firxa ġeografika l-aktar wiesgħa possibbli fost l-Istati Membri tal-UE. Minħabba r-rappreżentanza baxxa ta’ nisa fil-livelli maniġerjali superjuri, ikun partikolarment sodisfatt b’applikazzjonijiet minn kandidati nisa għal din il-pożizzjoni.

Is-SĠK joffri miżuri għar-rikonċiljazzjoni tal-ħajja professjonali mal-ħajja privata. Il-persuni b’diżabbiltà jistgħu jingħataw aġġustamenti fuq il-post tax-xogħol. Id-Direttorat għar-Riżorsi Umani jista’ jipprovdi wkoll assistenza lill-persuni b’diżabbiltà matul il-proċedura tar-reklutaġġ. Għal aktar informazzjoni dwar dan, jekk jogħġbok ikkuntattja l-Uffiċju tal-Opportunitajiet Indaqs (egalite-des-chances@consilium.europa.eu).

Din il-pożizzjoni teħtieġ awtorizzazzjoni tas-sigurtà li tippermetti aċċess għad-dokumenti klassifikati (livell SECRET EU/EU SECRET). Dawk li japplikaw għall-kariga jiddikjaraw li jkunu lesti jgħaddu minn investigazzjoni ta’ sigurtà skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (2). Il-ħatra għal din il-pożizzjoni ser tidħol fis-seħħ biss bil-kondizzjoni li l-kandidat magħżul ikun kiseb ċertifikat validu ta’ approvazzjoni tas-sigurtà. Kandidat mingħajr awtorizzazzjoni tas-sigurtà ser jiġi offrut kuntratt temporanju sakemm jinkiseb ir-riżultat tal-proċedura tal-approvazzjoni tas-sigurtà.

L-Awtorità tal-Ħatra ser tiġi megħjuna minn kumitat konsultattiv ta’ għażla sabiex tagħżel il-kandidat. – Il-kumitat konsultattiv ta’ għażla ser ikollu l-appoġġ ta’ ċentru ta’ evalwazzjoni. Ir-rapporti stabbiliti miċ-ċentru ta’ valutazzjoni ma jibqgħux validi wara sentejn mid-data li fiha saru l-eżerċizzji rilevanti jew mit-tmiem tal-kuntratt qafas bejn is-SĠK u ċ-ċentru ta’ evalwazzjoni inkwistjoni – skont liema data tiġi l-ewwel.

Il-kumitat konsultattiv ta’ għażla inizjalment ser jevalwa u jqabbel il-kwalifiki, l-esperjenza u l-motivazzjoni tal-applikanti kollha, abbażi tal-applikazzjonijiet tagħhom. Abbażi ta’ dik l-evalwazzjoni komparattiva, il-kumitat konsultattiv ta’ għażla ser jagħmel lista ristretta tal-aktar kandidati adatti, li fl-opinjoni tiegħu, għandhom jiġu mistiedna għall-ewwel intervista. Peress li din l-ewwel għażla hija bbażata fuq valutazzjoni komparattiva tal-applikazzjonijiet, l-ilħuq tar-rekwiżiti ta’ dan il-post vakanti ma jiggarantix stedina għall-ewwel intervista. Fost il-kandidati intervistati, il-kumitat konsultattiv ta’ għażla ser jagħmel preselezzjoni tal-kandidati biex jipparteċipaw f’ċentru ta’ evalwazzjoni, immexxi minn konsulenti esterni tar-reklutaġġ, kif ukoll fit-tieni intervista mal-kumitat konsultattiv ta’ għażla.

Pożizzjoni vakanti ppubblikata f’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (3) (pożizzjoni maniġerjali superjuri).

KIF TAPPLIKA

Id-data tal-għeluq għall-applikazzjonijiet hija l-15 ta’ Frar 2017.

L-applikazzjonijiet għandhom jintbagħtu bil-posta elettronika indirizzata lil Selection.of.Officials-Applications.Management.Posts@consilium.europa.eu sa mhux aktar tard mid-data tal-għeluq.

Biex ikunu validi, l-applikazzjonijiet iridu jinkludu:

(a)

il-formola ta’ applikazzjoni (Anness IV) mimlija u datata kif xieraq; il-formola tal-applikazzjoni elettronika tinstab fuq is-sit web tal-Kunsill minn dan il-link: http://www.consilium.europa.eu/en/general-secretariat/jobs/job-opportunities/

(b)

ittra ta’ motivazzjoni flimkien ma’ curriculum vitae dettaljat, bl-Ingliż jew bil-Franċiż, preferibbilment fil-format Europass (http://europass.cedefop.europa.eu), li jkopri l-karriera kollha tal-applikant, u jelenka, fost l-oħrajn, il-kwalifiki, l-għarfien lingwistiku, l-esperjenza u d-dmirijiet attwali tal-applikant; u

(c)

fotokopji tad-diplomi li jiċċertifikaw l-edukazzjoni u fotokopji tad-dokumenti u ċ-ċertifikati relatati mal-esperjenza professjonali. Id-dokumenti ta’ prova jridu jinħarġu minn parti terza u mhux biżżejjed li sempliċiment tintbagħat is-CV msemmija f’(b).

Id-dokumenti kollha ta’ prova mehmuża mal-applikazzjoni jridu jkunu f’format ta’ test Word, pdf jew jpg, jingħataw isem (bl-EN jew bil-FR) u jkunu nnumerati f’sekwenza (Anness 1, 2, eċċ.). Trid tiġi mehmuża wkoll lista tal-annessi kollha. Applikazzjonijiet li jintbagħtu permezz ta’ soluzzjoni ta’ ħżin ta’ data bbażata fuq cloud jew pjattaformi għall-kondiviżjoni tal-fajls mhumiex ser jiġu kkunsidrati.

Il-kandidat magħżul għall-pożizzjoni ser jintalab jipprovdi l-verżjoni oriġinali tad-dokumenti msemmija qabel.

RIEŻAMI TAL-APPLIKAZZJONIJIET

Il-proċeduri relatati mat-talbiet għal rieżami, appelli u riferimenti għall-Ombudsman Ewropew jinsabu fl-Anness II ta’ dan l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti.

PROTEZZJONI TAD-DATA

Ir-regoli għall-ipproċessar ta’ data personali b’rabta ma’ din il-proċedura tal-għażla jinsabu fl-Anness III ta’ dan l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti.


(1)  Il-lingwi tal-UE huma: il-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Irlandiż, il-Kroat, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, l-Ispanjol, it-Taljan, l-Ungeriż, l-Iżvediż.

(1)  L-Artikolu 5(3)(c) tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ir-Regolamenti tal-Persunal) jesiġi li l-applikanti jkollhom mill-inqas:

(i)

livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi ma’ studji universitarji kompluti, iċċertifikati b’diploma meta t-tul ta’ żmien normali tal-edukazzjoni universitarja jkun ta’ erba’ snin jew aktar, jew

(ii)

livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi ma’ studji universitarji kompluti, iċċertifikati b’diploma u esperjenza professjonali adegwata ta’ mill-inqas sena meta t-tul ta’ żmien normali tal-edukazzjoni universitarja jkun ta’ mill-inqas tliet snin.

(2)  ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1

(3)  Ir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea, stabbiliti permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1) u emendati l-aħħar permezz tar-Regolament tal-Parlament u tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1023/2013(ĠU L 287, 29.10.2013, p. 15).


ANNESS I

Opportunitajiet Indaqs fis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill

Bħala dak li jħaddem, is-SĠK huwa responsabbli biex jiżgura opportunitajiet indaqs bejn l-irġiel u n-nisa u li jipprojbixxi d-diskriminazzjoni fuq kwalunkwe bażi.

L-għanijiet ewlenin tal-politika tiegħu ta’ Opportunitajiet Indaqs huma li:

jiżgura li l-politika tiegħu dwar ir-riżorsi umani u l-ġestjoni tal-persunal tirrispetta l-prinċipji tal-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni;

jikseb rappreżentanza bbilanċjata ta’ rġiel u nisa, speċjalment f’pożizzjonijiet maniġerjali;

itejjeb is-sitwazzjoni tal-persuni b’diżabbiltà, fir-rigward tal-aċċessibbiltà tal-bini tiegħu u ta’ ambjent tax-xogħol li jkun inklużiv u adattat għall-ħtiġijiet tagħhom:

L-aġġustamenti għall-persuni b’diżabbiltà (“akkomodazzjoni raġonevoli”) jistgħu jinvolvu l-arranġament mill-ġdid tal-kompiti jew ir-responsabbiltajiet, l-għoti ta’ għajnuniet tekniċi u aġġustamenti oħra tal-ambjent tax-xogħol. Miżuri bħal dawn ser jittieħdu dment li dawn ma jimponux piż żejjed fuq ir-riżorsi tal-istituzzjoni.

jipproteġi l-persunal tiegħu minn fastidju fuq il-post tax-xogħol;

jieħu kont tal-ħtiġijiet tal-persunal li jinstab bilanċ bejn l-impenji tax-xogħol u dawk familjari tagħhom billi joffri pakkett tajjeb ta’ miżuri favur il-familja, inkluż ħinijiet flessibbli ta’ xogħol, telexogħol u kondiviżjoni ta’ xogħol.

Miżuri ta’ bilanċ bejn il-ħajja professjonali u dik privata

Fis-SĠK kollu titħaddem sistema ta’ ħinijiet flessibbli tax-xogħol konformi ma’ ġimgħa ta’ 40 siegħa xogħol, fejn il-persunal mhux maniġerjali jista’ jieħu leave flessibbli. F’bosta ambjenti ta’ xogħol, jista’ jsir qbil dwar skeda tal-ħin individwali fi ħdan is-sigħat qafas mis-07:00 sat-20:00.

Jista’ jingħata impjieg part-time, pereżempju għall-indukrar ta’ tfal dipendenti sal-età ta’ 12-il sena, jew 14-il sena meta l-uffiċjal ikun ġenitur waħdu.

Il-leave statutorju tal-maternità huwa ta’ 20 ġimgħa u meta l-omm terġa’ lura għax-xogħol tista’ tingħata sa sagħtejn kuljum għat-treddigħ. Il-missirijiet għandhom id-dritt għal leave tal-paternità mħallas ta’ għaxart ijiem. Jista’ jingħata leave tal-ġenituri għal perijodu sa sitt xhur għal kull wild, jew sa tnax-il xahar għal ġenitur waħdu, bil-ħlas ta’ indennizz b’rata fissa. Fil-każ ta’ mard serju jew diżabbiltà ta’ wild, il-leave tal-maternità, tal-paternità u tal-ġenituri huma itwal. Jista’ jingħata wkoll leave tal-familja bil-ħlas ta’ indennizz b’rata fissa fil-każ ta’ membri tal-familja b’mard serju jew diżabbiltà. Jingħata leave speċjali f’każijiet bħal żwieġ, twelid jew adozzjoni ta’ wild, u mewt jew mard serju ta’ membru tal-familja. F’ċirkostanzi eċċezzjonali, jista’ jingħata leave bla ħlas għal raġunijiet personali(CCP).

Skont il-kompiti u l-ambjent tax-xogħol, jista’ jkun possibbli t-telexogħol taħt l-iskema ta’ telexogħol standard (60 % mid-dar u 40 % mill-uffiċċju) jew taħt l-iskema ta’ telexogħol okkażjonali (sa 60 jum fis-sena).

Il-faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal li ġejjin huma disponibbli għall-persunal bit-tfal, skont kriterji ta’ prijorità: Il-crèche tas-SĠK għat-tfal minn 0 sa 4 snin, indukrar wara l-ħin tal-iskola u faċilitajiet fi żmien il-vaganzi organizzati mill-Kummissjoni Ewropea u attivitajiet wara l-ħin tal-iskola fl-iskejjel Ewropej.

Għal aktar informazzjoni, ibgħat posta elettronika indirizzata lil egalite-des-chances@consilium.europa.eu.


ANNESS II

TALBA GĦAL RIEŻAMI — PROĊEDURI TAL-APPELLI —

ILMENTI LILL-OMBUDSMAN EWROPEW

Jekk, f’xi stadju tal-proċedura tal-għażla, inti tqis li xi deċiżjoni tolqtok b’mod negattiv, tista’ tuża l-mezzi li ġejjin:

Titlob rieżami tad-deċiżjonijiet meħuda mill-bord konsultattiv tal-għażla

Fi żmien għaxart ijiem mid-data tal-ittra li tgħarrfek bid-deċiżjoni meħuda mill-bord konsultattiv tal-għażla, inti tista’ tressaq talba bil-miktub għal rieżami ta’ tali deċiżjoni, u tagħti r-raġunijiet tat-talba tiegħek, lil:

Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Office for Selection of Officials

Rue de la Loi/Wetstraat 175

B-1048 BRUXELLES/BRUSSEL

indirizz elettroniku: Selection.of.officials@consilium.europa.eu

Proċedura tal-appell

Tista’ tippreżenta lment kontra deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, fi żmien 3 xhur min-notifika tad-deċiżjoni, lil:

Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Legal Advisers to the Administration Unit, DGA 1

Rue de la Loi/Wetstraat 175

B-1048 BRUXELLES/BRUSSEL

indirizz elettroniku: unite.conseillers.dga1@consilium.europa.eu

Tista’ tressaq appell ġudizzjarju skont l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal lil:

General Court of the European Union

Rue du Fort Niedergrünewald

L-2925 Lussemburgu

Ilmenti lill-Ombudsman Ewropew

Bħal kull ċittadin ieħor tal-Unjoni, inti tista’ tressaq ilment lil:

The European Ombudsman

1, avenue du Président Robert Schuman – BP 403

F-67001 Strasburgu Cedex

skont l-Artikolu 228(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u f’konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fid-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Marzu 1994 rigward ir-regolamenti u l-kondizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman (5).

Għandek tkun taf li lmenti mressqa lill-Ombudsman Ewropew ma għandhom ebda effett sospensiv fuq il-perijodu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 90(2) u l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal biex jiġu ppreżentati lmenti jew appelli quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 270 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.


(5)  ĠU L 113, 4.5.1994, p. 15.


ANNESS III

PROTEZZJONI TAD-DATA

Bħala l-istituzzjoni responsabbli għall-organizzazzjoni tal-proċedura tal-għażla, is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill jiżgura li d-data personali tal-applikanti tiġi pproċessata konformement mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni Ewropea u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (6).

Il-bażi legali għall-proċedura tal-għażla hija r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2013 dwar ir-regoli ta’ sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (2013/488/UE). Il-proċedura ta’ għażla titmexxa taħt ir-responsabbiltà tad-Direttorat għar-Riżorsi Umani (DĠ A 1), Unità tal-Persunal u Mobbiltà, u l-kontrollur huwa l-kap ta’ dik l-unità. L-informazzjoni pprovduta mill-applikanti ser tkun aċċessibbli għall-membri tal-uffiċċju għall-għażla ta’ uffiċjali u l-ġerarkija ta’ superjuri tagħhom, għall-membri tal-Kumitat Konsultattiv tal-Għażla, u, jekk meħtieġ, għall-unità tal-konsulenti legali. L-informazzjoni amministrattiva li tidentifika l-applikant u/jew l-organizzazzjoni prattika tal-proċedura jistgħu jintbagħtu lil ċentru ta’ evalwazzjoni.

L-għan tal-operazzjoni ta’ pproċessar huwa l-ġbir ta’ data li tidentifika l-applikanti kollha għal pożizzjoni mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u li jintgħażel wieħed minn dawk l-applikanti.

Id-data inkwistjoni hija:

data personali li tippermetti l-identifikazzjoni tal-applikanti (kunjom, isem, data tat-twelid, sess, ċittadinanza);

informazzjoni pprovduta mill-applikanti biex tiffaċilita l-organizzazzjoni prattika tal-proċedura (indirizz postali, indirizz elettroniku, numru tat-telefon);

L-informazzjoni mogħtija mill-applikanti biex tkun possibbli l-valutazzjoni dwar jekk jissodisfawx il-kondizzjonijiet ta’ ammissjoni stipulati fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti (ċittadinanza; lingwi; kwalifiki tal-applikanti u s-sena meta nkisbu, tip ta’ diploma/lawrja, isem l-istituzzjoni minn fejn inkisbu, esperjenza professjonali);

fejn japplika, informazzjoni dwar it-tip u t-tul ta’ żmien tal-awtorizzazzjoni tas-sigurtà tal-applikanti;

ir-riżultati tat-testijiet tal-għażla li l-applikanti ser jagħmlu, inkluż l-evalwazzjonijiet magħmula mill-konsulenti taċ-ċentru ta’ evalwazzjoni f’isem il-bord tal-għażla.

L-ipproċessar jibda mid-data meta tkun waslet l-applikazzjoni. L-applikazzjonijiet jiġu ffajljati u jinħażnu fl-arkivji għal sentejn.

L-applikanti kollha jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ aċċess u d-dritt li jirrettifikaw id-data personali. Talbiet sostanzjati għandhom jintbagħtu b’posta elettronika lill-uffiċċju għall-għażla tal-uffiċjali fl-indirizz Selection.of.officials@consilium.europa.eu.

L-applikanti jistgħu jirrikorru fi kwalunkwe mument għand il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (edps@edps.europa.eu).


(6)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


ANNESS IV

Image

Image

Image

Image

Image

Image

Image

Image

Image

Image