|
27.10.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 396/4 |
Wiċċ nazzjonali ġdid ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni
(2016/C 396/04)
Il-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni għandhom status ta’ valuta legali fiż-żona kollha tal-euro. Sabiex tinforma lill-pubbliku u l-partijiet kollha kkonċernati li jużaw il-muniti, il-Kummissjoni tippubblika deskrizzjoni tad-disinji tal-muniti l-ġodda kollha (1). Skont il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2009 (2), l-Istati Membri taż-Żona tal-Euro u l-pajjiżi li kkonkludew ftehim monetarju mal-Unjoni Ewropea li jistipula l-ħruġ ta’ muniti tal-euro huma awtorizzati li joħorġu muniti kommemorattivi tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni kemm-il darba jintlaħqu ċerti kundizzjonijiet, b’mod partikolari li jintużaw muniti taż-EUR 2 biss. Dawn il-muniti għandhom l-istess karatteristiċi tekniċi bħall-muniti l-oħra ta’ EUR 2, iżda l-wiċċ nazzjonali tagħhom ikun fih disinn kommemorattiv li jkun tassew simboliku f’termini nazzjonali jew Ewropej.
Il-pajjiż tal-ħruġ : Il-Greċja
Is-suġġett tal-kommemorazzjoni : 120 sena mit-twelid ta’ Dimitri Mitropoulos
Deskrizzjoni tad-disinn : Id-disinn juri ritratt ta’ Dimitri Mitropoulos fl-isfond ta’ noti mużikali. Imnaqqxin tul ix-xifer tan-naħa ta’ ġewwa fuq ix-xellug hemm il-kliem “Il-120 ANNIVERSARJU MIT-TWELID TA’ DIMITRI MITROPOULOS” u “IR-REPUBBLIKA ELLENIKA” bil-Grieg. Fin-naħa ta’ fuq fix-xellug tidher is-sena tal-ħruġ “2016” u palmetta (il-marka taz-zekka taz-Zekka Griega). Viżibbli fin-naħa t’isfel fil-lemin hemm il-monogramma tal-artist (George Stamatopoulos).
Iċ-ċirku ta’ barra tal-munita juri t-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.
L-għadd ta’ muniti li se jinħarġu : massimu 750 000
Data tal-ħruġ : Ir-raba’ trimestru tal-2016
(1) Ara ĠU C 373, 28.12.2001, p. 1 għall-uċuħ nazzjonali tal-muniti kollha li nħarġu fl-2002.
(2) Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-10 ta’ Frar 2009 u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Diċembru 2008 dwar linji gwida komuni għall-uċuħ nazzjonali u l-ħruġ ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (ĠU L 9, 14.1.2009, p. 52).