|
3.8.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 281/17 |
Wiċċ nazzjonali ġdid ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni
(2016/C 281/10)
Il-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni għandhom status ta' valuta legali fiż-żona kollha tal-euro. Sabiex tinforma lill-pubbliku u l-partijiet kollha kkonċernati li jużaw il-muniti, il-Kummissjoni tippubblika deskrizzjoni tad-disinji tal-muniti l-ġodda kollha (1). Skont il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2009 (2), l-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-pajjiżi li kkonkludew ftehim monetarju mal-Unjoni Ewropea li jistipula l-ħruġ ta’ muniti tal-euro huma awtorizzati li joħorġu muniti kommemorattivi tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni kemm-il darba jintlaħqu ċerti kundizzjonijiet, b'mod partikolari li jintużaw muniti ta’ 2 euro biss. Dawn il-muniti għandhom l-istess karatteristiċi tekniċi bħall-muniti l-oħra ta' 2 euro, iżda l-wiċċ nazzjonali tagħhom ikun fih disinn kommemorattiv li jkun tassew simboliku f'termini nazzjonali jew Ewropej.
Il-pajjiż tal-ħruġ : Malta
Is-suġġett tal-kommemorazzjoni : It-Tempji tal-Ġgantija
Deskrizzjoni tad-disinn : Il-munita turi t-Tempji tal-Ġgantija li jinsabu fil-gżira ta' Għawdex. Il-Ġgantija hija kumpless ta' tempji megalitiċi li jmur lura għaż-żminijiet Neolitiċi. Hija waħda mill-eqdem strutturi li jżommu waħedhom fid-dinja, kif ukoll waħda mill-eqdem strutturi reliġjużi. Il-Ġgantija, li nbniet bejn wieħed u ieħor fis-seklu 36 QK, hija eqdem minn Stonehenge u mill-Piramidi tal-Eġittu. Fil-parti ta' fuq, fuq il-lemin hemm l-iskrizzjoni “ĠGANTIJA TEMPLES” u taħtha s-snin “3800-3200 BC”. Fil-parti t'isfel, fuq ix-xellug l-isem tal-pajjiż tal-ħruġ “MALTA” u taħtha s-sena tal-ħruġ “2016” u maġenbha l-marka tal-mastru taz-zekka u l-marka taz-zekka.
Iċ-ċirku ta’ barra tal-munita juri t-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.
L-għadd ta’ muniti li għandhom jinħarġu :
Data tal-ħruġ : Lulju-Awwissu 2016
(1) Ara ĠU C 373, 28.12.2001, p. 1 għall-uċuħ nazzjonali tal-muniti kollha li nħarġu fl-2002.
(2) Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-10 ta’ Frar 2009 u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Diċembru 2008 dwar linji gwida komuni għall-uċuħ nazzjonali u l-ħruġ ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (ĠU L 9, 14.1.2009, p. 52).