31.5.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 192/5


Notifika minn qabel ta’ konċentrazzjoni

(Il-Każ M.8045 — Boskalis/Volker Wessels Offshore Business)

Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2016/C 192/05)

1.

Fl-20 ta’ Mejju 2016, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1) li permezz tagħha l-impriża Royal Boskalis Westminster NV (“Boskalis”, il-Pajjiżi l-Baxxi) takkwista fit-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll uniku tal-impriżi Stemat Holding B.V. (“Stemat”, il-Pajjiżi l-Baxxi), Volker Stevin International Holding B.V. (“VSI”, il-Pajjiżi l-Baxxi) u VBMS Holding B.V. (“VBMS”, il-Pajjiżi l-Baxxi), kollha kemm huma (flimkien “Volker Wessels Offshore Business”), permezz ta’ xiri ta’ ishma.

2.

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

—   għal Boskalis: tħammil, stallazzjoni offshore, trasport offshore, irmunkar u salvataġġ kif ukoll infrastruttura interna. Is-servizzi ta’ Boskalis huma primarjament offruti lis-settur taż-żejt u tal-gass, lis-settur tal-enerġija mir-riħ, lill-portijiet u lil proġetti relatati mar-reklamazzjoni tal-art u l-ħarsien kostali,

—   għal Volker Wessels Offshore Business: il-kiri ta’ bastimenti tal-komoditajiet, l-istallazzjoni, il-manutenzjoni u s-sostituzzjoni ta’ kejbils tal-elettriku u kejbils għal bosta użi taħt il-baħar u s-servizzi ta’ kostruzzjoni offshore. Dawn is-servizzi huma pprovduti b’mod predominanti fis-settur tal-enerġija mir-riħ offshore.

3.

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata. Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura simplifikata għat-trattament ta’ ċerti konċentrazzjonijiet skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (2), ta’ min jinnota li dan il-każ jista’ jiġi kkunsidrat għal trattament skont il-proċedura stipulata f’dan l-Avviż.

4.

Il-Kummissjoni tistieden lil terzi persuni interessati biex jibagħtulha l-kummenti li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni permezz tal-faks (+32 22964301), permezz tal-email lil COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu jew permezz tal-posta, bin-numru ta’ referenza M.8045 — Boskalis/Volker Wessels Offshore Business, f’dan l-indirizz:

European Commission

Directorate-General for Competition

Merger Registry

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).

(2)  ĠU C 366, 14.12.2013, p. 5.