27.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 148/6


Il-Programm HERCULE III

Sejħa għal proposti — 2016

Assistenza teknika għall-ġlieda kontra l-frodi fl-UE

(2016/C 148/04)

1.   Għanijiet u deskrizzjoni

Dan l-avviż ta’ Sejħa għal Proposti jibbaża fuq ir-Regolament (UE) Nru 250/2014 li jistabbilixxi l-Programm Hercule III (1), b’mod partikolari l-Artikolu 8(a) (“Azzjonijiet Eliġibbli”), kif ukoll id-Deċiżjoni ta’ Finanzjament tal-2016 li tadotta l-programm ta’ ħidma annwali (2) għall-implimentazzjoni tal-Programm Hercule III fl-2016, b’mod partikolari t-Taqsima 6.1, l-azzjonijiet: 1 – 4 (“Azzjonijiet speċifiċi għall-assistenza teknika”).

Id-Deċiżjoni ta’ Finanzjament tal-2016 tipprevedi l-organizzazzjoni ta’ Sejħa għal Proposti għal “Assistenza Teknika”.

2.   Applikanti eliġibbli

Il-korpi eliġibbli għall-finanzjament skont il-Programm huma amministrazzjonijiet nazzjonali jew reġjonali (“Applikanti”) ta’ Stat Membru li jippromwovu t-tisħiħ tal-azzjoni tal-Unjoni Ewropea sabiex ikunu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea.

3.   Azzjonijiet eliġibbli

L-azzjonijiet eliġibbli għall-finanzjament skont din is-Sejħa għal Proposti huma:

1.

L-akkwist u l-manutenzjoni ta’ għodod u metodi ta’ investigazzjoni, inkluż taħriġ speċjalizzat meħtieġ biex jitħaddmu l-għodod ta’ investigazzjoni;

2.

L-akkwist u l-manutenzjoni ta’ apparati (scanners) u annimali biex bihom jitwettqu spezzjonijiet ta’ containers, trakkijiet, vaguni tal-ferrovija u vetturi fil-fruntieri interni u esterni tal-Unjoni sabiex ikunu identifikati prodotti li jiddaħħlu b’kuntrabandu u prodotti ffalsifikati;

3.

L-akkwist, il-manutenzjoni u l-interkonnessjoni tas-sistemi għar-rikonoxximent tal-pjanċi tal-vetturi (sistemi ta’ rikonoxximent awtomatiku tal-pjanċi - ANPRS -Automated Number Plate Recognition Systems) jew għall-kodiċi tal-containers;

4.

L-akkwist ta’ servizzi għall-appoġġ tal-kapaċità tal-Istati Membri biex jaħżnu u jeqirdu sigaretti u tabakk sekwestrati.

4.   Baġit

Il-baġit indikattiv disponibbli għal din is-Sejħa huwa ta’ EUR 8 800 000. Il-kontribuzzjoni finanzjarja tieħu l-forma ta’ għotja. Il-kontribuzzjoni finanzjarja mogħtija mhix se taqbeż it-80 % tal-kostijiet eliġibbli. F’każijiet eċċezzjonali u ġustifikati kif dovut, il-kontribuzzjoni finanzjarja tista’ tiżdied biex tkopri massimu ta’ 90 % tal-kostijiet eliġibbli. Fis-Sejħa hemm elenkati l-kriterji li jiġu applikati għad-determinazzjoni ta’ dawn il-każijiet eċċezzjonali u dawk debitament ġustifikati. Il-limitu minimu għall-baġit ta’ azzjoni li titressaq f’applikazzjoni ġie stabbilit għal: EUR 100 000.-.

Il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li ma tallokax il-fondi kollha disponibbli.

5.   Skadenza għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet

L-applikazzjonijiet iridu jitressqu mhux aktar tard minn: Il-Ħamis, 9 ta’ Ġunju 2016.

6.   Informazzjoni ulterjuri

Id-dokumenti kollha relatati ma’ din is-Sejħa għall-Proposti jistgħu jitniżżlu minn dan is-sit web:

http://ec.europa.eu/anti_fraud/policy/hercule/index_en.htm

Il-mistoqsijiet u/jew it-talbiet għal informazzjoni addizzjonali fir-rigward ta’ din is-Sejħa jridu jintbagħtu bil-posta elettronika lil:

OLAF-FMB-HERCULE-TA@ec.europa.eu

Jekk ikunu ta’ rilevanza għal applikanti oħrajn, il-mistoqsijiet u t-tweġibiet jistgħu jiġu ppubblikati b’mod anonimu fil-Linji Gwida għall-mili tal-Formola ta’ Applikazzjoni fuq is-sit web tal-Internet tal-OLAF (tal-Kummissjoni).


(1)  Ir-Regolament (UE) Nru 250/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 li jistabbilixxi programm għall-promozzjoni ta’ attivitajiet fil-qasam tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea (il-programm Hercule III) (ĠU L 84, 20.3.2014, p. 6).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni rigward l-adozzjoni tal-programm ta’ ħidma annwali u l-finanzjament tal-Programm Hercule III fl-2016 C(2016)868 finali tas-17 ta’ Frar 2016.