27.4.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 148/4 |
Il-Programm HERCULE III
Sejħa għal proposti — 2016
Taħriġ Kontra l-Frodi
(2016/C 148/03)
1. Għanijiet u Deskrizzjoni
Dan l-avviż ta’ Sejħa għal Proposti jibbaża fuq ir-Regolament (UE) Nru 250/2014 li jistabbilixxi l-Programm Hercule III (1), b’mod partikolari l-Artikolu 8 (b) (“Azzjonijiet Eliġibbli”), kif ukoll id-Deċiżjoni ta’ Finanzjament tal-2016 li tadotta l-programm ta’ ħidma annwali (2) għall-implimentazzjoni tal-programm Hercule III fl-2016, b’mod partikolari t-Taqsima 7.1 (Konferenzi, seminars u taħriġ fil-forensika diġitali).
Id-Deċiżjoni ta’ Finanzjament tal-2016 tipprevedi l-organizzazzjoni ta’ Sejħa għal Proposti għal “Assistenza Teknika”.
2. Applikanti eliġibbli
Kif definit fl-Artikolu 6 tal-Programm, l-applikanti jridu jkunu:
— |
L-amministrazzjonijiet nazzjonali jew reġjonali ta’ Stat Membru u pajjiż parteċipanti li jippromwovi t-tisħiħ tal-azzjoni f’livell tal-Unjoni biex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Jew |
— |
L-istituti ta’ riċerka u dawk edukattivi u l-entitajiet bla skop ta’ qligħ sakemm ikunu ilhom stabbiliti u ilhom joperaw għal mill-inqas sena, fi Stat Membru jew f’pajjiż parteċipanti, u jippromwovu t-tisħiħ tal-azzjoni fil-livell tal-Unjoni biex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. |
L-Artikolu 7(2) tal-Programm jiddefinixxi l-pajjiżi parteċipanti li mhumiex Stati Membri.
3. Azzjonijiet Eliġibbli
Il-Kummissjoni (l-OLAF) se tagħti għotjiet għal azzjonijiet li għandhom bħala għan:
— |
l-iskambju tal-esperjenzi u l-aħjar prattiki bejn l-awtorijiet rilevanti fil-pajjiżi parteċipanti, inklużi s-servizzi speċjalizzati tal-infurzar tal-liġi, kif ukoll rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet internazzjonali; |
— |
li jixxerred l-għarfien, partikolarment dwar kif jista’ jiġi identifikat aħjar ir-riskju għal skopijiet investigattivi; |
Dawn l-għanijiet jistgħu jinkisbu permezz tal-organizzazzjoni ta’:
Konferenzi, seminars, laqgħat, korsijiet, tagħlim elettroniku u simpożja, gruppi ta’ ħidma, taħriġ intensiv b’involviment dirett u skambji tal-persunal, skambji tal-aħjar prattiki (inklużi dwar il-valutazzjoni tar-riskju tal-frodi), eċċ.
L-iskambji fost il-persunal bejn amministrazzjonijiet nazzjonali u reġjonali fi Stati Membri differenti (b’mod partikolari Stati Membri ġirien) għandhom jitħeġġu.
4. Baġit
Il-baġit indikattiv disponibbli għal din is-Sejħa huwa ta’ EUR 900 000. Il-kontribuzzjoni finanzjarja tieħu l-forma ta’ għotja. Il-kontribuzzjoni finanzjarja mogħtija mhix se taqbeż it-80 % tal-kostijiet eliġibbli.
Il-limitu minimu stabbilit għal azzjoni ta’ “Taħriġ” jkun EUR 50 000. Il-baġit ta’ azzjoni li għaliha tintalab għotja ma jkunx anqas minn dan il-livell minimu stabbilit.
Il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li ma tallokax il-fondi kollha disponibbli.
5. Data tal-Għeluq
L-applikazzjonijiet iridu jitressqu mhux aktar tard minn: Il-Ħamis, 23 ta’ Ġunju 2016.
6. Informazzjoni ulterjuri
Id-dokumenti kollha relatati ma’ din is-Sejħa għall-Proposti jistgħu jitniżżlu minn dan is-sit web:
http://ec.europa.eu/anti_fraud/policy/hercule/index_en.htm
Il-mistoqsijiet u/jew it-talbiet għal informazzjoni addizzjonali fir-rigward ta’ din is-Sejħa jridu jintbagħtu bil-posta elettronika lil:
OLAF-ANTI-FRAUD-TRAINING@ec.europa.eu
Jekk ikunu ta’ rilevanza għal applikanti oħrajn, il-mistoqsijiet u t-tweġibiet jistgħu jiġu ppubblikati b’mod anonimu fil-Linji Gwida għall-mili tal-Formola ta’ Applikazzjoni fuq is-sit web tal-Internet tal-OLAF.
(1) Ir-Regolament (UE) Nru 250/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 li jistabbilixxi programm għall-promozzjoni ta’ attivitajiet fil-qasam tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea (il-programm Hercule III) (ĠU L 84, 20.3.2014, p. 6).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni rigward l-adozzjoni tal-programm ta’ ħidma annwali u l-finanzjament tal-Programm Hercule III fl-2016 C(2016) 868 finali tas-17 ta’ Frar 2016.