21.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 140/5


Sejħa għall-espressjonijiet ta’ interess għall-għażla tal-membri tal-Bord Fiskali Ewropew

(2016/C 140/04)

1.   SFOND

Wara r-rakkomandazzjonijiet tar-“Rapport tal-Ħames Presidenti - Nikkompletaw l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa”, il-Kummissjoni ddeċidiet fl-21 ta’ Ottubru 2015 li tistabbilixxi Bord Fiskali Ewropew indipendenti (“il-Bord”) (1).

Il-Bord għandu l-missjoni li jikkontribwixxi b’kapaċità ta’ konsulenza għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tal-Kummissjoni fis-sorveljanza fiskali multilaterali taż-żona tal-euro kif stabbilit fl-Artikoli 121, 126 u 136 tat-TFUE.

Il-kompiti tal-Bord huma dawn li ġejjin:

(a)

Il-Bord għandu jipprovdi lill-Kummissjoni b’evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-qafas fiskali tal-Unjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-konsistenza orizzontali tad-deċiżjonijiet u tal-implimentazzjoni tas-sorveljanza baġitarja, ta’ każijiet partikolarment serji ta’ nuqqas ta’ konformità mar-regoli, u tal-adegwatezza tal-pożizzjoni fiskali reali fil-livell taż-żona tal-euro u fil-livell nazzjonali. F’din l-evalwazzjoni, il-Bord jista’ wkoll jagħmel suġġerimenti għall-iżvilupp futur tal-qafas fiskali tal-Unjoni.

(b)

Il-Bord għandu jagħti parir lill-Kummissjoni dwar il-pożizzjoni fiskali prospettiva xierqa għaż-żona tal-euro kollha kemm hi bbażata fuq ġudizzju ekonomiku. Huwa jista’ jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar il-pożizzjonijiet fiskali nazzjonali xierqa li huma konsistenti mal-parir tiegħu dwar il-pożizzjoni fiskali aggregata taż-żona tal-euro fir-regoli tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Fil-fatt, meta jidentifika r-riskji li jipperikolaw it-tħaddim xieraq tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, il-Bord għandu jakkumpanja l-parir tiegħu b’konsiderazzjoni speċifika tal-għażliet ta’ politika disponibbli fil-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.

(c)

Il-Bord għandu jikkoopera mal-kunsilli fiskali nazzjonali kif imsemmi fl-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE (2). Il-kooperazzjoni bejn il-Bord u l-kunsilli fiskali nazzjonali tkun immirata b’mod partikolari lejn l-iskambju tal-aħjar prattiki u l-faċilitar ta’ fehim komuni dwar kwistjonijiet relatati mal-qafas fiskali tal-Unjoni.

(d)

Wara talba tal-President tal-Kummissjoni, il-Bord għandu jipprovdi parir ad hoc.

2.   IL-KOMPOŻIZZJONI TAL-BORD

Il-Bord ikun magħmul minn President u erba’ Membri (minn hawn ‘il quddiem “il-President” u “l-Membru/i”).

Il-President tal-Bord ikun responsabbli biex jissorvelja l-prestazzjoni tal-kompiti fdati lill-Bord u biex jiżgura t-tħaddim tajjeb tiegħu. Huwa għandu jsejjaħ u jippresiedi l-laqgħat tal-Bord. B’mod partikolari, il-President ikun responsabbli:

li jiżgura li l-mandat fdat lill-Bord jitwettaq b’suċċess filwaqt li josserva l-ogħla standards etiċi u kwalitattivi;

li jsejjaħ u jippresjedi l-laqgħat tal-Bord, filwaqt li jkun appoġġat mis-Segretarjat, u li jiżgura li josserva r-Regoli ta’ Proċedura tal-Bord;

li jimmaniġġja l-Bord u jieħu r-responsabbiltà globali għall-operazzjonijiet tiegħu u għall-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma annwali;

li jirrappreżenta lill-Bord f’kuntatti mal-Kummissjoni u ma’ korpi u ma’ organizzazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali oħrajn tal-UE;

li jippreżenta r-rapport annwali tal-Bord.

Il-Membri jikkontribwixxi b’mod attiv għall-ħidma tal-Bord u jieħdu sehem fis-sessjonijiet eżekuttivi tiegħu. Kull Membru għandu jirrapporta lill-President dwar il-kontribut individwali tiegħu/tagħha. B’mod partikolari, kull Membru jkun obbligat li:

jiżgura l-kisba tal-objettivi u l-kompiti għal twettiq b’suċċess tal-mandat fdat lill-Bord filwaqt li josserva l-ogħla standards etiċi u kwalitattivi;

jikkontribwixxi għad-determinazzjoni tal-prijoritajiet għall-ippjanar strateġiku tal-Bord;

jikkontribwixxi għall-iżvilupp u t-titjib ta’ għodod analitiċi meħtieġa għat-twettiq tal-mandat tal-Bord.

Il-President u l-Membri tal-Bord jinħatru għal perjodu ta’ tliet snin, li jista’ jiġġedded darba. Huma jinħatru bħala Konsulenti Speċjali (3) u jitħallsu fuq bażi per diem ibbażata fuq Salarju bażiku fil-grad ta’ AD 15 għall-President u Salarju bażiku fil-grad ta’ AD 14 għall-Membri. Huwa mistenni li l-President jiddedika madwar 20 jum sħaħ fis-sena u l-Membri madwar 10 ijiem sħaħ fis-sena għar-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom.

L-ispejjeż għall-ivvjaġġar u s-sussistenza li jagħmlu l-President tal-Bord u l-Membri jitħallsu lura mill-Kummissjoni wara talba b’dokumenti ġustifikattivi skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fi ħdan il-Kummissjoni. Barra minn hekk, jingħata kumpens għas-sussistenza għal kull jum biex ikopri spejjeż oħra bħall-ikliet.

L-ispejjeż jiġu rimburżati fil-limiti tal-approprjazzjonijiet disponibbli allokati skont il-proċedura annwali għall-allokazzjoni tar-riżorsi.

Il-Bord għandu jkollu s-Segretarjat tiegħu għal appoġġ analitiku, statistiku, amministrattiv u loġistiku. Il-Kumissjoni se taħtar Kap tas-Segretarjat, wara li tikkonsulta mal-President, għal perjodu ta’ tliet snin, li jista’ jiġġedded darba. Il-Kap tas-Segretarjat jgħin fl-istabbiliment tal-Bord. Il-membri l-oħra tas-Segretarjat jintgħażlu fuq il-bażi ta’ livelli għolja ta’ kwalifiki u esperjenza f’oqsma rilevanti għall-attività tal-Bord u jiġu assenjati jew marbuta (mis à disposition). Is-Segretarjat huwa marbut, għal finijiet amministrattivi, mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni.

3.   INDIPENDENZA

Fit-twettiq tal-kompiti tagħhom, il-membri tal-Bord għandhom jaġixxu indipendentement u la għandhom ifittxu u lanqas jieħdu struzzjonijiet mill-istituzzjonijiet jew mill-korpi tal-Unjoni, jew minn xi gvern ta’ xi Stat Membru jew minn xi entità pubblika jew privata oħra. Il-membri tas-segretarjat jieħdu struzzjonijiet mingħand il-Bord biss.

Il-membri tal-Bord għandhom jiddivulgaw kull kunflitt ta’ interess potenzjali fir-rigward ta’ valutazzjoni jew opinjoni partikolari lill-President, li għandu jieħu kull miżura xierqa, u jista’ jiddeċiedi li l-membru konċernat ma jiħux sehem fit-tħejjija u l-adozzjoni ta’ dik il-valutazzjoni jew opinjoni. Rigward il-President, kull diffikultà bħal din tiġi solvuta permezz ta’ deċiżjoni tal-Bord.

4.   KRITERJI TA’ ELIĠIBBILTÀ

Sabiex jiġu kkunsidrati għall-fażi tal-għażla, il-kandidati jridu jilħqu l-kriterji formali li ġejjin sad-data tal-għeluq tal-applikazzjonijiet:

Esperjenza professjonali  (4): ikollhom mill-inqas 15-il sena esperjenza post-universitarja miksuba wara li tkun inkisbet il-kwalifika msemmija hawn taħt;

Esperjenza professjonali rilevanti: mill-15-il sena ta’ esperjenza professjonali, iridu jkunu akkwistaw mill-anqas 10 snin ta’ esperjenza f’oqsma rilevanti għall-qasam tal-politika makro-ekonomika, speċjalment fil-qasam tal-politika fiskali u tal-ġestjoni baġitarja.

Lawrja jew diploma universitarja:

livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji mitmuma, iċċertifikati b’diploma, meta l-perjodu normali tal-edukazzjoni universitarja jkun ta’ erba’ snin jew aktar; jew

livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji mitmuma, iċċertifikati b’diploma u esperjenza professjonali xierqa ta’ mill-inqas sena meta l-perjodu normali ta’ edukazzjoni universitarja jkun tal-inqas tliet snin (din is-sena ta’ esperjenza professjonali ma tistax tkun inkluża fl-esperjenza professjonali post-universitarja meħtieġa hawn fuq);

Lingwi: jkollhom għarfien tajjeb ħafna ta’ waħda mill-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għarfien adegwat ta’ mill-inqas lingwa oħra minnhom (5).

Nazzjonalità: ikunu ċittadini ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.

5.   IL-PROĊEDURA TAL-APPLIKAZZJONI

Kull applikazzjoni trid timtela b’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u tindika biċ-ċar in-nazzjonalità tal-applikant u tinkludi d-dokumentazzjoni meħtieġa.

L-applikanti interessati huma mitluba jressqu l-applikazzjonijiet tagħhom f’format elettroniku lill-Kummissjoni Ewropea fl-indirizz li ġej: EFB-Secretariat@ec.europa.eu

Applikazzjoni titqies bħala ammissibbli biss jekk tintbagħat qabel l-iskadenza u tinkludi d-dokumenti msemmija hawn taħt. Id-dokumenti ġustifikattivi jistgħu jintalbu aktar ‘il quddiem.

Skadenza għall-applikazzjonijiet

Data tal-għeluq għall-applikazzjonijiet: 30 jum ta’ xogħol mid-data tal-pubblikazzjoni tas-sejħa għal espressjoni ta’ interess f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li testendi d-data tal-għeluq ta’ din is-sejħa għal espressjoni ta’ interess permezz ta’ pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea biss.

Dokumenti ġustifikattivi

Kull applikazzjoni għandha tinkludi d-dokumenti ġustifikattivi li ġejjin:

Ittra li tispjega l-motivazzjoni għat-tweġiba għal din is-sejħa;

Curriculum vitae;

Stqarrija li telenka kunflitti ta’ interess possibbli li jirriżultaw mis-sħubija fl-EFB fir-rigward ta’ xogħlijiet oħra miżmuma mill-kandidat.

6.   IL-PROĊEDURA TAL-GĦAŻLA

Il-proċedura tal-għażla se tikkonsisti f’valutazzjoni tal-applikazzjonijiet skont il-kriterji stabbiliti hawn taħt, segwiti mill-istabbiliment ta’ lista tal-iktar applikanti adegwati. L-applikanti li jitqiesu bħala l-aktar xierqa jistgħu jiġu mistiedna għal intervista qabel isiru d-deċiżjonijiet tal-ħatra.

Il-President tal-Bord u membru wieħed jinħatru mill-Kummissjoni fuq proposta tal-President, wara li jkun ikkonsulta l-Viċi President għall-Euro u d-Djalogu Soċjali u l-Kummissarju għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, it-Tassazzjoni u d-Dwana.

It-tliet membri l-oħra għandhom jinħatru mill-Kummissjoni fuq proposta tal-President, wara li jikkonsulta l-kunsilli fiskali nazzjonali, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-Grupp ta’ Ħidma tal-Grupp tal-Euro.

Għall-membri kollha tal-Bord, inkluż għall-President, tapplika politika ta’ opportunitajiet indaqs.

Il-kriterji tal-Għażla

Il-Kummissjoni se tqis il-kriterji li ġejjin meta tivvaluta l-applikazzjonijiet:

Kompetenza u esperjenza ppruvati u rilevanti min-naħa tal-applikanti li juru li huma esperti internazzjonali rispettati f’dak li għandu x’jaqsam mal-makroekonomija, mal-finanzi pubbliċi, mal-politika fiskali u mal-ġestjoni baġitarja;

Għarfien profond tal-qafas fiskali tal-UE u r-rwol tiegħu għall-funzjonament tal-UE u tal-UEM;

Kompetenza u esperjenza ppruvati u rilevanti fit-tfassil tal-politika ekonomika; preferibbilment miksuba mix-xogħol f’istituzzjonijiet ta’ tfassil tal-politika, istituzzjonijiet ta’ konsulenza politika jew istituzzjonijiet akkademiċi;

Għarfien tal-istituzzjonijiet tal-UE u l-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE u r-rwol tal-Kummissjoni Ewropea

Esperjenza fit-twettiq ta’ analiżi ekonomika minn perspettiva orizzontali bejn pajjiż u ieħor, tkun ta’ vantaġġ

Il-kapaċità ta’ żvilupp u implimentazzjoni ta’ viżjoni strateġika;

Sens qawwi ta’ responsabbiltà, sejba ta’ soluzzjonijiet, inizjattiva u integrità; kif ukoll

Ħiliet ta’ komunikazzjoni orali u miktuba eċċellenti sabiex wieħed jikkoordina, jikkomunika u jikkopera b’mod effiċjenti mal-partijiet ikkonċernati interni u esterni. Għarfien tajjeb tal-Ingliż huwa essenzjali.

Il-President tal-Bord se jeħtieġlu juri ħiliet maniġerjali u l-abbiltà li jibni relazzjonijiet ta’ ħidma bbażati fuq il-fiduċja. Esperjenza professjonali ta’ tmexxija ta’ organizzazzjoni f’pożizzjoni eżekuttiva ta’ livell għoli fil-qasam rilevanti jkun ta’ vantaġġ.

Fil-proċess tal-għażla, il-Kummissjoni se tagħmel ħilitha biex jintlaħaq bilanċ f’termini ta’ rappreżentanza tal-applikanti, is-sess u l-oriġini ġeografika tagħhom, filwaqt li jitqiesu l-kompiti speċifiċi tal-Bord Fiskali Ewropew u t-tip ta’ kompetenza meħtieġa.

7.   SKEDA TA’ ŻMIEN TENTATTIVA

L-intervisti tal-għażla huma previsti li jsiru f’Ġunju sabiex jiġi żgurat li l-Bord Fiskali Ewropew ikun stabbilit u operattiv sa Settembru 2016.

Għal aktar tagħrif ibgħat e-Mail lil EFB-Secretariat@ec.europa.eu jew ċempel lis-Segretarjat fuq dan in-numru: +32 22920875


(1)  ĠU L 282, 28.10.2015, p. 37 u ĠU L 40, 17.2.2016, p. 15

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE tat-8 ta’ Novembru 2011 dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 41).

(3)  L-Artikolu 3(5) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015)8000 jipprevedi li “Il-President tal-Bord u l-Membri tal-Bord għandhom jinħatru bħala Konsulenti Speċjali, li l-istatus u r-remunerazzjoni tagħhom huma definiti skont l-Artikoli 5, 123 u 124 tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Uffiċjali Oħrajn”.

(4)  L-esperjenza professjonali tingħadd mid-data li fiha l-kandidat ikun kiseb il-kwalifika minima għal aċċess għall-profil inkwistjoni.

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 920/2005 tat-13 ta' Ġunju 2005 li jemenda r-Regolament Nru 1 tal-15 ta' April 1958 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Regolament Nru 1 tal-15 ta' April 1958 li jistabbilixxi r-reġim lingwistiku tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u li jintroduċi miżuri derogatorji temporanji għal dawk ir-Regolamenti (ĠU L 156, 18.6.2005, p. 3).