14.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 131/1


SEJĦA GĦAL ESPRESSJONI TA’ INTERESS

AĠENTI KUNTRATTWALI — GRUPP TA’ FUNZJONI I — XUFIERA (IRĠIEL/NISA)

EP/CAST/S/16/2016

(2016/C 131 A/01)

 

I.   DAĦLA

Il-Parlament Ewropew qed iniedi din is-sejħa għal espressjoni ta’ interess bl-għan li jistabbilixxi bażi ta’ data tal-kandidati li jistgħu jiġu rreklutati bħala aġenti kuntrattwali, grupp ta’ funzjoni I (GF I), Xufiera (Irġiel/Nisa).

Il-proċedura ta’ selezzjoni hija organizzata bl-assistenza teknika tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO).

Il-bażi ta’ data se tintuża mill-Parlament Ewropew. L-impjiegi se jkunu bbażati l-aktar fi Brussell.

In-numru ta’ impjiegi disponibbli huwa madwar 110. Il-kandidati li se tingħatalhom offerta ta’ impjieg se jiġu rreklutati skont l-arranġamenti indikati fit-taqsima IX ta’ din is-sejħa għal espressjoni ta’ interess.

Il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-aġenti kuntrattwali huma definiti mill-Kundizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni (Il-Kundizzjonijiet tal-Impjieg) (1).

Ir-remunerazzjoni bażika ta’ kull xahar (GF I, grad 1, skala 1) hija ta’ EUR 1 907,24. Mar-remunerazzjoni bażika jistgħu eventwalment jiżdiedu benefiċċji u allowances previsti mill-Kundizzjonijiet tal-Impjieg. Ir-remunerazzjoni hija soġġetta għat-taxxa Komunitarja u tnaqqis ieħor stabbiliti mill-Kundizzjonijiet tal-Impjieg. Ir-remunerazzjoni hija eżentata minn kull taxxa nazzjonali.

L-aġenti kuntrattwali jiġu rreklutati fuq medda ġeografika kemm jista’ jkun wiesgħa fost iċ-ċittadini tal-Istati Membri.

Kull referenza, f’din is-sejħa għal espressjoni ta’ interess, għal persuna tas-sess maskil għandha tkun ikkunsidrata wkoll li tikkostitwixxi referenza għal persuna tas-sess femminil, u viċeversa.

II.   DESKRIZZJONI TAL-KOMPITI

L-aġent kuntrattwali se jkun inkarigat, taħt is-superviżjoni ta’ uffiċjal permanenti jew aġent temporanju, li jassumi l-kompiti ta’ xufier. Bħala indikazzjoni, il-kompiti jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej:

iwassal personaġġi pubbliċi kif ukoll uffiċjali permanenti jew aġenti oħra tal-Parlament Ewropew l-aktar fi Brussell, il-Lussemburgu u Strasburgu, kif ukoll fi Stati Membri oħra u pajjiżi terzi

iwassal viżitaturi (korp diplomatiku u personaġġi pubbliċi oħra)

jittrasporta oġġetti u dokumenti

jittrasporta posta

jiżgura l-użu tajjeb tal-vettura, speċjalment tal-għodod teknoloġiċi tagħha

jiżgura s-sigurtà tal-persuni u tal-oġġetti waqt it-trasport b’konformità mar-regoli tat-traffiku tal-pajjiż

iwettaq, meta jkun applikabbli, it-tagħbija u l-ħatt tal-vetturi

iwettaq, meta jkun applikabbli, xogħol amministrattiv jew ta’ appoġġ loġistiku.

Il-Parlament Ewropew se jipprovdi uniformi lix-xufiera. Din l-uniforma se jkollha l-badge tal-istituzzjoni.

Meta jkun applikabbli, jista’ jagħti l-każ li l-aġent kuntrattwali jkollu jaħdem filgħaxija u fi tmiem il-ġimgħa, skont il-ħinijiet flessibbli marbuta mal-ħtiġijiet tas-servizz.

III.   KALENDARJU INDIKATTIV TAL-PROĊEDURA TA’ SELEZZJONI

Il-ġestjoni tal-proċedura se titwettaq mill-Parlament Ewropew b’kollaborazzjoni mal-EPSO. Se jiġi stabbilit bord ta’ selezzjoni magħmul minn rappreżentanti tal-Parlament Ewropew. Il-kalendarju indikattiv huwa dan li ġej:

Stadji

Dati indikattivi

Applikazzjonijiet elettroniċi

mill-14 ta’ April sat-18 ta’ Mejju 2016

Selezzjoni abbażi tal-kwalifiki

Ġunju 2016

Tħabbir tar-riżultati

Lulju 2016

IV.   KUNDIZZJONIJIET TA’ AMMISSJONI

Il-Parlament Ewropew japplika politika ta’ opportunitajiet indaqs u jaċċetta l-applikazzjonijiet mingħajr distinzjoni dwar l-oriġini razzjali jew etnika, l-opinjonijiet politiċi, filosofiċi jew reliġjużi, l-età jew id-diżabilità, is-sess jew l-orjentazzjoni sesswali u indipendentement mill-istat ċivili jew is-sitwazzjoni tal-familja.

Ir-reklutaġġ bħala aġent kuntrattwali huwa possibbli biss jekk fid-data tal-iskadenza għall-applikazzjoni elettronika, dawn il-kundizzjonijiet li ġejjin ikunu ssodisfati:

A.

Kundizzjonijiet ġenerali

(a)

ikun ċittadin ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

(b)

Igawdi d-drittijiet ċiviċi tiegħu.

(c)

Ikun issodisfa kull obbligu impost mil-liġijiet ta’ reklutaġġ applikabbli fil-qasam militari.

(d)

Jipproduċi r-referenzi ta’ karattru mitluba għat-twettiq tad-dmirijiet previsti.

(e)

Jissodisfa l-kundizzjonijiet tar-rekwiżiti fiżiċi għat-twettiq tal-funzjonijiet.

B.

Kundizzjonijiet speċifiċi minimi – Taħriġ/esperjenza

Taħriġ minimu meħtieġ

Tlestija tal-edukazzjoni obbligatorja.

Il-kandidat irid ikollu liċenzja tas-sewqan B valida.

Esperjenza professjonali

Fid-data tal-iskadenza stabbilita għall-applikazzjoni elettronika, biex ikun eliġibbli għal din is-selezzjoni l-kandidat irid ikun kiseb esperjenza professjonali ta’ mill-anqas sentejn bħala xufier fit-trasport tal-persuni, wara t-tlestija tal-edukazzjoni obbligatorja.

C.

Għarfien lingwistiku

(a)

lingwa 1 (L1)

u

(b)

lingwa 2 (L2)

Lingwa prinċipali: għarfien profond (minimu ta’ livell C1 (2)) ta’ waħda mill- 24 lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (3).

Għarfien sodisfaċenti (livell B2) tal-Franċiż, il-Ġermaniż jew l-Ingliż; il-lingwa 2 trid tkun differenti mil-lingwa 1 imniżżla hawn fuq.

Skont is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (Awla Manja) fil-Kawża C-566/10 P, ir-Repubblika Taljana vs il-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew għandu l-obbligu, f’din is-sejħa għal espressjoni ta’ interess, li jimmotiva l-limitu tal-għażla tat-tieni lingwa għal numru limitat ta’ lingwi uffiċjali tal-Unjoni.

Il-kandidati huma għalhekk informati li t-tliet lingwi 2 magħżula għall-finijiet ta’ din is-sejħa għal espressjoni ta’ interess ġew definiti b’mod konformi mal-interess tas-servizz, li jeżiġi li r-reklutati l-ġodda jkunu operattivi minnufih u kapaċi jikkomunikaw b’mod effikaċi fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum.

Abbażi tal-prattika li ilha għaddejja tal-Parlament Ewropew rigward il-lingwi ta’ komunikazzjoni interna, u b’kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet tas-servizzi fil-qasam tal-komunikazzjoni esterna u l-ipproċessar tal-fajls, il-Franċiż, il-Ġermaniż u l-Ingliż jibqgħu l-lingwi l-aktar użati. Barra minn hekk, fir-rapporti tal-persunal tal-2013, 92 % tat-totalità tal-persunal iddikjaraw li kienu jafu l-Ingliż, 84 % tat-totalità tal-persunal iddikjaraw li kienu jafu l-Franċiż u 56 % tat-totalità tal-persunal iddikjaraw li kienu jafu l-Ġermaniż. Il-lingwi uffiċjali l-oħra ma jaqbżux il-livell ta’ 50 % tal-persunal għal dak li jikkonċerna għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa.

Konsegwentement, fl-ibbilanċjar tal-interessi tas-servizzi u l-ħtiġijiet u l-kapaċitajiet tal-kandidati, b’kunsiderazzjoni tal-qasam speċifiku ta’ din is-selezzjoni, huwa ġustifikat li jiġi mitlub l-għarfien ta’ waħda minn dawn it-tliet lingwi sabiex jiġi garantit, tkun liema tkun l-ewwel lingwa uffiċjali tagħhom, li l-kandidati kollha jkollhom għarfien tajjeb ta’ mill-anqas waħda mit-tliet lingwi uffiċjali bħala lingwa tax-xogħol.

Barra minn hekk, fl-interess ta’ trattament indaqs, kull kandidat, anke jekk ikollu waħda minn dawn it-tliet lingwi bħala l-ewwel lingwa uffiċjali, huwa mistenni li jkollu għarfien sodisfaċenti ta’ tieni lingwa, li trid tkun waħda minn dawn it-tliet lingwi.

Għalhekk il-valutazzjoni tal-kompetenzi lingwistiċi tippermetti lill-Parlament Ewropew li jivvaluta l-kapaċità tal-kandidati li jkunu operattivi minnufih f’ambjent li jkun qrib dak li se jkunu mitluba jaħdmu fih.

Waqt l-applikazzjoni, il-kandidati jistgħu jagħżlu bħala l-lingwa prinċipali (lingwa 1) lingwa waħda biss mill-24 lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Huma mhux se jkunu jistgħu jbidlu l-għażla tal-lingwa tagħhom wara li jivvalidaw il-formola tal-applikazzjoni elettronika tagħhom.

V.   Ħiliet

Ikun rigoruż u japprezza l-ħidma f’tim multikulturali,

ikun puntwali, disponibbli u flessibbli,

ikollu ħiliet interpersonali tajbin u jkun diplomatiku, edukat u diskret,

jieħu inizjattiva u jkollu ħila ta’ versatilità u organizzazzjoni.

VI.   PROĊEDURA U SKADENZA TAL-APPLIKAZZJONIJIET

Il-kandidati jridu japplikaw b’mod elettroniku fis-sit tal-Internet tal-EPSO fl-indirizz http://europa.eu/epso/apply/jobs/index_en.htm u jsegwu l-istruzzjonijiet li jinsabu hemm, b’mod partikolari, fil-manwal ta’ applikazzjoni elettronika.

Il-kandidati huma mistennija jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex l-applikazzjoni elettronika titlesta qabel l-iskadenza. Huwa rrakkomandat li l-kandidati ma jħallux għall-aħħar biex japplikaw għaliex jekk il-linji jkunu eċċezzjonalment okkupati jew jekk ikun hemm problema fil-konnessjoni tal-Internet, il-kandidati jista’ jkollhom jirrepetu l-applikazzjoni elettronika u dan ikun impossibbli ladarba jiskadi l-ħin.

Ladarba tiġi vvalidata, l-applikazzjoni ma tistax tiġi modifikata għaliex id-data tiġi pproċessata minnufih mill-Parlament Ewropew, f’kollaborazzjoni mal-EPSO, għall-organizzazzjoni tas-selezzjoni.

SKADENZA TAL-APPLIKAZZJONIJIET (validazzjoni inkluża):

It-18 ta’ Mejju 2016 f’12.00 (nofsinhar), ħin ta’ Brussell.

VII.   STADJI TAS-SELEZZJONI

SELEZZJONI ABBAŻI TAL-KWALIFIKI

Is-selezzjoni hija organizzata abbażi tal-kwalifiki biss u abbażi tal-eżaminazzjoni tat-tweġibiet dettaljati għall-mistoqsijiet fit-taqsima “Talent screener” li tinsab fil-formola ta’ applikazzjoni:

kull mistoqsija tingħata importanza f’punti fuq skala minn 1 sa 3 skont l-importanza mogħtija lill-kriterju korrispondenti,

f’każ ta’ tweġiba pożittiva, il-bord ta’ selezzjoni se jeżamina t-tweġibiet pprovduti mill-kandidati u se jagħti bejn 0 u 4 punti lil kull tweġiba; il-punti mbagħad se jiġu multiplikati mill-koeffiċjent attribwit lill-kriterju korrispondenti.

Il-mistoqsijiet huma bbażati fuq dawn il-kriterji li ġejjin:

1.

esperjenza professjonali bħala xufier fil-qasam tat-trasport tal-persuni matul dawn l-aħħar ħames snin,

2.

minn tal-anqas sena esperjenza professjonali, bħala xufier, fil-qasam tat-trasport tal-personaġġi pubbliċi uffiċjali (pereżempju: xufier ta’ limousines, xufier għall-korp diplomatiku, Ministri, uffiċjali għolja, eċċ.),

3.

il-pussess ta’ ċertifikat jew dokument ieħor li jagħti aċċess għall-professjoni ta’ xufier ta’ taksi, maħruġ minn awtorità kompetenti rikonoxxuta,

4.

taħriġ fis-sewqan prudenti tal-vetturi,

5.

taħriġ fis-sewqan ekoloġiku,

6.

taħriġ u/jew esperjenza professjonali fil-qasam tas-sigurtà tal-persuni,

7.

il-pussess ta’ ċertifikat ta’ approvazzjoni ta’ sigurtà nazzjonali u/jew Ewropew jew ekwivalenti,

8.

ċertifikat tal-ewwel għajuna maħruġ minn awtorità kompetenti rikonoxxuta,

9.

esperjenza professjonali bħala xufier miksuba f’organizzazzjonijiet Ewropej jew internazzjonali jew f’ambjent multikulturali/multinazzjonali,

10.

għarfien (minimu ta’ A2) (4) ta’ lingwa jew diversi lingwi tal-Unjoni Ewropea għajr il-lingwi 1 u 2 iddikjarati skont it-titolu IV C. ta’ din is-sejħa għal espressjoni ta’ interess.

Is-selezzjoni ssir biss abbażi tal-informazzjoni ppovduta mill-kandidat fit-taqsima “Talent screener” li tinsab fil-formola ta’ applikazzjoni.

VIII.   IR-RIŻULTATI TAS-SELEZZJONI

Ir-riżultati tas-selezzjoni se jiġu ppubblikati fil-kont tal-EPSO tal-kandidati.

L-ismijiet tat-300 kandidat li jkunu kisbu l-aktar punti (5) fi tmiem is-selezzjoni u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ġenerali u speċifiċi kif indikat fit-titolu IV A. u B. ta’ din is-sejħa għal espressjoni ta’ interess se jiddaħħlu fil-bażi ta’ data u mhux se jiġu ppubblikati b’mod ieħor. L-aċċess għall-bażi ta’ data se jkun miftuħ għall-Parlament Ewropew.

Il-bażi ta’ data se tibqa’ valida sal-31 ta’ Diċembru 2019.

IX.   REKLUTAĠĠ

L-iskrizzjoni fil-bażi ta’ data mhijiex garanzija ta’ reklutaġġ.

Jekk ikun hemm possibilità ta’ kuntratt, is-servizzi ta’ reklutaġġ se jikkonsultaw il-bażi ta’ data u jistiednu l-kandidati li l-profil tagħhom jikkorrispondi l-aħjar għall-eżiġenzi tal-impjieg ikkonċernat.

Dawn il-kandidati se jagħmlu intervista sabiex jiġi vvalutat jekk il-profil tagħhom jikkorrispondix għall-impjieg disponibbli. Waqt din l-intervista, l-għarfien tal-lingwi 1 u 2 se jiġi wkoll ivvalutat. L-għarfien tal-lingwi oħra indikati milll-kandidati jista’ wkoll jiġi ttestjat.

Mal-intervista jistgħu jiżdiedu testijiet teoretiċi u/jew prattiċi.

Skont ir-riżultat ta’ din l-intervista, u tat-testijiet teoretiċi u/jew prattiċi eventwali, il-kandidati jistgħu jiġu proposti offerta ta’ xogħol.

Il-kandidati mistiedna jridu jipprovdu, għall-intervista, id-dokumenti kollha li jagħtu prova li jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha ta’ din is-sejħa għal espressjoni ta’ interess, li mingħajrhom ma jistgħux jiġu offruti impjieg. Barra minn hekk, jekk jiġi stabbilit li l-informazzjoni pprovduta mhijiex eżatta, il-kandidati jiġu skwalifikati mill-proċedura ta’ selezzjoni u isimhom jitneħħa mill-bażi ta’ data.

Il-kuntratt se jiġi stabbilit skont l-Artikoli 3a, 84 u 85 tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg. It-tul tal-kuntratt se jkun ta’ sena (1). Il-kuntratt jista’ jiġġedded għal tul ta’ sena (1) qabel ma eventwalment jiġġedded għat-tieni darba għal tul mhux determinat.

It-tiġdid tal-kuntratt jista’ jkun soġġett:

għall-kisba ta’ ċertifikat ta’ sigurtà maħruġ mis-servizzi tal-Parlament Ewropew, u/jew

il-parteċipazzjoni tat-taħriġ obbligatorju segwit minn eżami finali b’suċċess, organizzat mill-Parlament Ewropew, u/jew

il-kisba ta’ ċertifikat ta’ approvazzjoni ta’ sigurtà maħruġ mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

Barra minn hekk, kull kuntratt jista’ jitwaqqaf jekk waħda minn dawn il-kundizzjonijiet imsemmija hawn fuq ma tiġix issodisfata.

X.   KOMUNIKAZZJONI

Il-Parlament Ewropew se jikkuntattja l-kandidati permezz tal-kont tal-EPSO jew permezz tal-email tagħhom. Hija r-responsabilità tagħhom li jsegwu l-iżvilupp tal-proċedura u li jivverifikaw l-informazzjoni li tikkonċernahom billi jikkonsultaw il-kont tal-EPSO tagħhom u l-email personali tagħhom b’mod regolari, tal-anqas darbtejn fil-ġimgħa. Jekk, minħabba problema teknika, il-kandidati ma jkunux jistgħu jivverifikaw din l-informazzjoni, hija r-responsabilità tagħhom li jinfurmaw dan il-fatt minnufih permezz tal-indirizz elettroniku tal-proċedura:

ACdrivers2016@ep.europa.eu

Għal kull komunikazzjoni oħra dwar il-proċedura, ikun xieraq li tintbagħat email f’dan l-indirizz elettroniku.

XI.   RAĠUNIJIET TA’ SKWALIFIKA MARBUTA MAL-APPLIKAZZJONI

Il-Parlament Ewropew jiżgura bir-reqqa li l-prinċipju tal-ugwaljanza tat-trattament jiġi rispettat. Konsegwentement, jekk fi kwalunkwe stadju tal-proċedura, il-Parlament Ewropew jinnota li kandidat ħoloq diversi kontijiet tal-EPSO jew aktar minn applikazzjoni waħda għal din il-proċedura ta’ selezzjoni jew li pprovda dikjarazzjonijiet foloz, il-kandidat jiġi skwalifikat mill-proċedura ta’ selezzjoni.

Kull frodi jew tentattiv ta’ frodi jista’ jkun punibbli b’sanzjoni. F’dan ir-rigward, il-kandidati għandhom jinnotaw li l-persuni tal-ogħla integrità biss jiġu rreklutati mill-Parlament Ewropew.

XII.   KUNDIZZJONIJIET SPEĊJALI

Il-kandidati li għandhom diżabilità jew li jinsabu f’sitwazzjoni partikolari li tista’ tikkawżalhom diffikultajiet waqt l-intervista jridu jimmarkaw il-kaxxa prevista għal dan l-għan fil-formola tal-applikazzjoni u jagħtu kull informazzjoni utli sabiex jippermettu lill-amministrazzjoni tal-Parlament Ewropew tieħu, jekk ikun possibbli, il-miżuri kollha neċessarji.

XIII.   PROĊEDURI TA’ RIEŻAMI/APPELL

Il-kandidati li jqisu li deċiżjoni laqtithom b’mod negattiv jistgħu jitolbu li jsir rieżami ta’ din id-deċiżjoni, iniedu wieħed mir-rimedji jew jippreżentaw ilment lill-Ombudsman Ewropew (6).

Talbiet ta’ rieżami

Talba għal rieżami, għandha tiġi indirizzata permezz ta’ email lill-indirizz elettroniku tal-proċedura:

ACdrivers2016@ep.europa.eu

fi żmien għaxart ijiem li jibdew jiddekorru mid-data tal-pubblikazzjoni tar-riżultati tas-selezzjoni fil-kont tal-EPSO tal-kandidati. It-tweġiba tiġi nnotifikata lill-persuna kkonċernata mill-aktar fis possibbli.

Rimedji (din il-possibilità hija miftuħa fl-istadji kollha tal-proċedura ta’ selezzjoni)

Il-kandidati jistgħu jippreżentaw ilment abbażi tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u għandhom jindirizzawh lil:

The Secretary-General

European Parliament

Bât. Konrad Adenauer

2929 Luxembourg

LUXEMBOURG

Għandha tinġibed l-attenzjoni tal-kandidati fuq id-diskrezzjoni kbira li jgawdu minnha l-bordijiet ta’ selezzjoni, li jaġixxu b’mod indipendenti, u li d-deċiżjonijiet tagħhom ma jistgħux jinbidlu mill-Awtorità tal-Ħatra. Id-diskrezzjoni kbira tal-bordijiet ta’ selezzjoni hija soġġetta għall-kontroll biss f’każ ta’ ksur evidenti tar-regoli li jirregolaw il-ħidma tal-bord ta’ selezzjoni. F’dan l-aħħar każ, id-deċiżjoni tal-bord tista’ titressaq direttament quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea anke jekk ma jkunx ġie ppreżentat ilment minn qabel skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-appell għandu jitressaq lil:

European Union Civil Service Tribunal

2925 Luxembourg

LUXEMBOURG

abbażi tal-Artikolu 270 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal.

Din il-possibilità hija miftuħa biss għad-deċiżjonijiet meħuda mill-bord ta’ selezzjoni.

F’każ ta’ deċiżjonijiet amministrattivi li jirrifjutaw l-aċċess għall-proċedura ta’ selezzjoni minħabba n-nuqqas ta’ konformità tal-applikazzjoni mal-kundizzjonijiet ta’ ammissjoni kif stipulat fit-titolu IV B. ta’ din is-sejħa għal espressjoni ta’ interess, jista’ jitressaq appell quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea biss wara li jiġi ppreżentat ilment minn qabel kif imsemmi hawn fuq.

It-tressiq ta’ appell quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea jeħtieġ b’mod obbligatorju l-intervent ta’ avukat li jista’ jeżerċita quddiem ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew taż-Żona Ekonomika Ewropea.

Il-limiti ta’ żmien imsemmija fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali (7) u li japplikaw għal dawn iż-żewġ tipi ta’ rimedji jibdew jiddekorru, jew mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni inizjali li tolqot b’mod negattiv jew, fil-każ biss ta’ talba għal rieżami, mid-data tan-notifika tat-tweġiba inizjali tal-kumitat ta’ selezzjoni għal din it-talba.

Ilmenti lill-Ombudsman Ewropew

Bħal kwalunkwe ċittadin tal-Unjoni Ewropea, il-kandidati jistgħu jippreżentaw ilment lil:

European Ombudsman

1 avenue du Président Robert Schuman – BP 403

67001 STRASBOURG Cedex

FRANCE

skont l-Artikolu 228(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u skont il-kundizzjonijiet previsti mid-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Marzu 1994 rigward ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman (ĠU L 113, 4.5.1994).

Għandha tinġibed l-attenzjoni tal-kandidati għall-fatt li r-riferimenti lill-Ombudsman ma jissospendux il-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal għat-tressiq ta’ appell quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea abbażi tal-Artikolu 270 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.


(1)  Ir-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tal-Kunsill (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1) emendat mir-Regolament (KE, Euratom) Nru 723/2004 (ĠU L 124, 27.4.2004, p. 1) u reċentement mir-Regolament (UE, Εuratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 15).

(2)  Jekk jogħġbok irreferi għas-sit tal-Internet tal-Europass:

http://europass.cedefop.europa.eu/mt/resources/european-language-levels-cefr

(3)  Il-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea huma dawn li ġejjin: il-Bulgaru (BG), iċ-Ċek (CS), id-Daniż (DA), l-Estonjan (ET), il-Finlandiż (FI), il-Franċiż (FR), il-Ġermaniż (DE), il-Grieg (EL), l-Ingliż (EN), l-Irlandiż (GA), l-Ispanjol (ES), l-Iżvediż (SV), il-Kroat (HR), il-Latvjan (LV), il-Litwan (LT), il-Malti (MT), in-Netherlandiż (NL), il-Pollakk (PL), il-Portugiż (PT), ir-Rumen (RO), is-Slovakk (SK), is-Sloven (SL), it-Taljan (IT) u l-Ungeriż (HU).

(4)  Jekk jogħġbok irreferi għas-sit tal-Internet tal-Europass:

http://europass.cedefop.europa.eu/mt/resources/european-language-levels-cefr

(5)  Jekk diversi kandidati jkunu kisbu l-istess numru ta’ punti għall-aħħar post, il-bord jaċċetta l-kandidati kollha ex aequo.

(6)  Il-preżentazzjoni ta’ talbiet għal ilment lis-Segretarju Ġenerali, appell quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea jew ilment lill-Ombudsman Ewropew ma jwaqqfux il-ħidma tal-bord ta’ selezzjoni.

(7)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 1.