22.1.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 23/5


Wiċċ nazzjonali ġdid ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni

(2016/C 23/06)

Image

Il-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni għandhom status ta’ valuta legali fiż-żona kollha tal-euro. Sabiex tinforma lill-pubbliku u l-partijiet kollha kkonċernati li jużaw il-muniti, il-Kummissjoni tippubblika deskrizzjoni tad-disinji tal-muniti l-ġodda kollha (1). Skont il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2009 (2), l-Istati Membri taż-Żona tal-Euro u l-pajjiżi li kkonkludew ftehim monetarju mal-Unjoni Ewropea li jistipula l-ħruġ ta’ muniti tal-euro huma awtorizzati li joħorġu muniti kommemorattivi tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni, soġġett għal ċerti kundizzjonijiet, b’mod partikulari li tintuża biss id-denominazzjoni ta’ EUR 2. Dawn il-muniti għandhom l-istess karatteristiċi tekniċi bħall-muniti l-oħra ta’ EUR 2, iżda l-wiċċ nazzjonali tagħhom ikun fih disinn kommemorattiv li jkun tassew simboliku f’termini nazzjonali jew Ewropej.

Il-pajjiż emittenti : Franza

Is-suġġett tal-kommemorazzjoni : It-Tazza UEFA EURO 2016

Deskrizzjoni tad-disinn : Organizzat kull erba’ snin sa mill-1960, il-Kampjonat Ewropew tal-futbol tal-irġiel, magħruf bħala l-EURO, se jsir fi Franza bejn l-10 ta’ Ġunju u l-10 ta’ Lulju 2016. L-EURO 2016 huwa l-ħmistax-il edizzjoni tal-kampjonat Ewropew tal-futbol, u huwa kompetizzjoni organizzata mill-UEFA (Union of European Football Associations — Unjoni tal-Assoċjazzjonijiet tal-Futbol Ewropej) u tlaqqa’ flimkien l-aqwa timijiet tal-futbol tal-irġiel fl-Ewropa.

Ir-rebbieħ tal-kompetizzjoni jirċievi verżjoni iżgħar tat-Tazza Henri-Delaunay, imsemmija għall-inventur tal-kompetizzjoni.

Id-disinn jirrappreżenta t-Tazza Henri-Delaunay fiċ-ċentru iċċirkondata bil-mappa ta’ Franza, flimkien maż-żewġ marki taz-Zekka ta’ Pariġi. Fuq il-lemin tal-mappa ta’ Franza, hemm l-ittri RF għar-Repubblika ta’ Franza. Il-mappa ta’ Franza hija bħal inkurunata bl-isem tal-kampjonat “UEFA EURO 2016” Fil-parti tal-qiegħ, ballun tal-futbol isegwi trajettorja għal fuq quddiem. Fl-isfond ta’ kollox hemm elementi grafiċi li jirrappreżentaw il-kompetizzjoni.

Iċ-ċirku estern tal-munita jirrappreżenta t-tnax-il stilla tal-bandiera Ewropea.

L-għadd ta’ muniti li għandhom jinħarġu : 10 miljuni

Data tal-ħruġ : Jannar 2016


(1)  Ara ĠU C 373, 28.12.2001, p. 1 għall-uċuħ nazzjonali tal-muniti kollha li nħarġu fl-2002.

(2)  Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-10 ta’ Frar 2009 u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Diċembru 2008 dwar linji gwida komuni għall-uċuħ nazzjonali u l-ħruġ ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (ĠU L 9, 14.1.2009, p. 52).